2 Slaten
21 Tnax-il sena kellu Manasse+ meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u ħamsin sena f’Ġerusalemm. U ommu kien jisimha Ħefsiba. 2 U għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ skond l-affarijiet mistkerrhin tal-ġnus+ li Ġeħova kien keċċa minn quddiem ulied Israel. 3 Għalhekk, reġaʼ bena l-postijiet għall-qima* li kien qered missieru Ħeżekija,+ u tellaʼ artali lil Bagħal u għamel arblu sagru, bħalma kien għamel Aħab+ is-sultan taʼ Israel; u beda jmil quddiem+ l-armata kollha tas-smewwiet+ u jaqdihom.+ 4 U bena artali fid-dar taʼ Ġeħova,+ li dwarha Ġeħova kien qal: “F’Ġerusalemm se nqiegħed ismi.”+ 5 U bena artali għall-armata kollha tas-smewwiet+ f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova.+ 6 U għadda lil ibnu stess min-nar,+ u pprattika l-maġija+ u fittex sinjali li bihom jaqra l-futur u ħatar medji taʼ l-ispirti+ u nies li xogħolhom kien li jbassru+ l-ġrajjiet. Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.
7 Iktar minn hekk, ix-xbieha skolpita+ taʼ l-arblu sagru li kien għamel qegħedha fid-dar+ li dwarha Ġeħova kien qal lil David u lil ibnu Salamun: “F’din id-dar u f’Ġerusalemm, li jien għażilt mit-tribujiet kollha taʼ Israel, se nqiegħed ismi għal żmien indefinit.+ 8 U ma nerġax inġiegħel lil sieq Israel twarrab mill-art li tajt lil missirijiethom,+ dment li joqogħdu attenti li jagħmlu skond kulma kkmandajthom,+ iva, il-liġi kollha li kkmandahom il-qaddej tiegħi Mosè.” 9 Imma ma tawx widen,+ u Manasse baqaʼ jħajjarhom biex jagħmlu iktar ħażen+ mill-ġnus+ li Ġeħova kien qered għalkollox minn quddiem ulied Israel.
10 U Ġeħova kompla jitkellem permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti,+ u jgħid: 11 “Minħabba li Manasse+ s-sultan taʼ Ġuda għamel dawn l-affarijiet mistkerrhin,+ l-azzjonijiet tiegħu kienu agħar minn dak kollu li għamlu l-Amurrin+ li ġew qablu, u ġiegħel lil Ġuda jidneb+ bl-idoli tiegħu moqżieża daqs id-demel. 12 Huwa għalhekk li Ġeħova l-Alla taʼ Israel qal dan, ‘Ara, se nġib gwaj fuq Ġerusalemm+ u Ġuda, li jekk xi ħadd jismaʼ dwaru widnejh it-tnejn iżarżru.+ 13 U se nifrex fuq Ġerusalemm il-ħabel tal-kejl+ li ntuża għas-Samarija+ u l-istess invell li ntuża għal dar Aħab;+ u se nimsaħ+ lil Ġerusalemm bħalma wieħed jimsaħ skutella bla widna, li jimsaħha u jaqlibha wiċċha ’l isfel.+ 14 U se nitlaq lill-fdal+ taʼ wirti+ u nagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u jsiru għall-għedewwa kollha tagħhom bħal priża li tinħataf u tinsteraq,+ 15 talli għamlu dak li hu ħażin f’għajnejja u baqgħu joffenduni, minn dakinhar li missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-ġurnata taʼ llum.’”+
16 U Manasse xerred ukoll kwantità kbira wisq taʼ demm innoċenti,+ sakemm mela lil Ġerusalemm minn tarf sa tarf, minbarra d-dnub li bih ġiegħel lil Ġuda jidneb billi jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.+ 17 U l-bqija tal-ġrajjiet taʼ Manasse u kulma għamel u d-dnub li dineb bih, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Ġuda? 18 Fl-aħħar, Manasse mtedd maʼ missirijietu+ u ndifen fil-ġnien taʼ daru, fil-ġnien t’Użża;+ u ibnu Amon beda jsaltan minfloku.
19 Tnejn u għoxrin sena kellu Amon+ meta beda jsaltan, u dam isaltan sentejn+ f’Ġerusalemm. U ommu kien jisimha Mesullemet bint Ħarus minn Ġotba. 20 U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Manasse.+ 21 U baqaʼ miexi fit-triq kollha li mexa fiha missieru,+ u kompla jaqdi lill-idoli moqżieża daqs id-demel+ li kien qeda missieru u jmil quddiemhom. 22 B’hekk, telaq lil Ġeħova+ l-Alla taʼ missirijietu, u ma mexiex fit-triq taʼ Ġeħova.+ 23 Fl-aħħar, xi wħud mill-qaddejja t’Amon ikkonfoffaw kontrih u qatlu lis-sultan+ f’daru stess. 24 Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kkonfoffaw+ kontra s-Sultan Amon. Imbagħad in-nies tal-pajjiż għamlu lil ibnu Ġosija+ sultan minfloku. 25 U l-bqija tal-ġrajjiet t’Amon, dak li għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Ġuda? 26 Għalhekk, difnuh f’qabru fil-ġnien t’Użża;+ u ibnu Ġosija+ beda jsaltan minfloku.