2 Kronaki
3 Fl-aħħar, Salamun beda jibni d-dar taʼ Ġeħova+ f’Ġerusalemm fuq il-Muntanja Morija,+ fejn Ġeħova kien deher lil David, missieru,+ fil-post li David kien ħejja fuq il-qiegħa tad-dris t’Ornan+ il-Ġebusi. 2 Għaldaqstant, hu beda jibni fit-tieni jum tat-tieni xahar, fir-rabaʼ sena tar-renju tiegħu.+ 3 U dan hu l-pedament li qiegħed Salamun biex jibni d-dar taʼ l-Alla l-veru, it-tul f’kubiti, skond il-qjies taʼ qabel, sittin kubitu, u l-wisaʼ għoxrin kubitu.+ 4 U l-loġġa+ li kienet quddiem it-tul kienet għoxrin kubitu, quddiem il-wisaʼ tad-dar, u l-għoli tagħha kien mija u għoxrin; u ksieha minn ġewwa b’deheb pur. 5 U d-dar il-kbira+ ksieha bl-injam tal-ġnibru, u wara ksieha b’deheb fin,+ u mbagħad naqqax fuqu siġar tal-palm+ u ktajjen.+ 6 Barra minn hekk, kesa d-dar b’ħaġar prezzjuż biex isebbaħha;+ u d-deheb+ kien deheb minn pajjiż id-deheb. 7 U ssokta jiksi d-dar, it-travi, l-għetiebi, il-ħitan tagħha, u l-bibien tagħha bid-deheb;+ u naqqax il-kerubini fuq il-ħitan.+
8 U għamel id-dar li fiha kien hemm l-Iktar Qaddis,+ u t-tul tagħha meta mqabbel mal-wisaʼ tad-dar kien għoxrin kubitu u l-wisaʼ tagħha għoxrin kubitu;+ u mbagħad ksieha b’sitt mitt talent deheb fin. 9 U l-piż taʼ l-imsiemer+ kien ħamsin xekel deheb; u kull għorfa ksieha bid-deheb.
10 Imbagħad fid-dar li fiha kien hemm l-Iktar Qaddis għamel żewġ kerubini,+ xbihat maħdumin bis-sengħa, u ksiehom bid-deheb.+ 11 U l-ġwienaħ tal-kerubini+ kienu twal għoxrin kubitu, ġewnaħ wieħed taʼ ħames kubiti jasal sal-ħajt tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor taʼ ħames kubiti jasal sal-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor.+ 12 U l-ġewnaħ taʼ ħames kubiti taʼ kerubin wieħed kien jasal sal-ħajt tad-dar, u l-ġewnaħ l-ieħor taʼ ħames kubiti kien imiss mal-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor.+ 13 Il-ġwienaħ taʼ dawn il-kerubini kienu mifruxin fuq medda t’għoxrin kubitu; u kienu weqfin fuq saqajhom b’wiċċhom ’il ġewwa.
14 Barra minn hekk, għamel il-purtiera+ minn ħajt blu+ u suf miżbugħ vjola ħamrani u krimżi u drapp fin, u rrakkma fuqha l-kerubini.+
15 Imbagħad quddiem id-dar għamel żewġ kolonni,+ twal ħamsa u tletin kubitu, u l-kaptell+ li kien hemm fuq ras kull waħda kien ħames kubiti. 16 U għamel il-ktajjen+ bħal ġiżirana u dendilhom maʼ ras il-kolonni, u għamel mitt rummiena+ u dendilhom mal-ktajjen. 17 U waqqaf il-kolonni quddiem it-tempju, waħda fuq il-lemin u waħda fuq ix-xellug, u mbagħad dik tal-lemin semmieha Ġakin u dik tax-xellug semmieha Bogħaż.+