Eżodu
18 Issa Ġetro, il-qassis taʼ Midjan, il-kunjatu taʼ Mosè,+ semaʼ b’kulma Alla kien għamel għal Mosè u għall-poplu tiegħu Israel, kif Ġeħova kien ħareġ lil Israel mill-Eġittu.+ 2 Għalhekk, Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, ħa lil Sefora, mart Mosè, wara li dan kien bagħatha lura d-dar, 3 u liż-żewġ uliedha,+ li wieħed minnhom Mosè semmieh Gersom,*+ “għaliex,” kif qal hu, “sirt resident barrani f’art barranija”; 4 u l-ieħor semmieh Eligħeżer,*+ “għaliex,” kif qal hu, “l-Alla taʼ missieri hu l-għajnuna tiegħi billi ħelisni mis-sejf tal-Fargħun.”+
5 Għalhekk, Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, u wliedu u martu ġew għand Mosè fix-xagħri fejn kien qed jikkampja, ħdejn il-muntanja taʼ l-Alla l-veru.+ 6 Imbagħad bagħat jgħid lil Mosè: “Jien, Ġetro, il-kunjatu tiegħek,+ ġejt għandek, kif ukoll martek u ż-żewġ uliedha magħha.” 7 Mosè minnufih ħareġ jiltaqaʼ mal-kunjatu tiegħu, u nxteħet fl-art quddiemu u biesu;+ u kull wieħed staqsa lill-ieħor kif kien sejjer. Imbagħad daħlu fit-tinda.
8 U Mosè rrakkonta lill-kunjatu tiegħu kulma Ġeħova kien għamel lill-Fargħun u lill-Eġittu minħabba Israel,+ u t-tbatija kollha li batew fit-triq,+ u madankollu Ġeħova ħelishom.+ 9 Imbagħad Ġetro ħassu kuntent minħabba l-ġid kollu li Ġeħova kien għamel għal Israel billi kien ħelishom minn id l-Eġittu.+ 10 Għaldaqstant, Ġetro qal: “Ikun imbierek Ġeħova, li ħeliskom minn id l-Eġittu u minn id il-Fargħun, u li ħeles lill-poplu minn taħt idejn l-Eġittu.+ 11 Issa naf li Ġeħova hu akbar mill-allat l-oħrajn kollha.+ Dan intwera meta l-Eġizzjani aġixxew bil-prużunzjoni kontra Israel.” 12 Imbagħad Ġetro, il-kunjatu taʼ Mosè, ħa offerta tal-ħruq u sagrifiċċji għal Alla;+ u Aron u x-xjuħ kollha taʼ Israel ġew jieklu l-ħobż mal-kunjatu taʼ Mosè, quddiem l-Alla l-veru.+
13 U ġara li l-għada Mosè qagħad bil-qiegħda bħas-soltu biex jaqdi bħala mħallef għan-nies,+ u n-nies baqgħu quddiem Mosè minn fil-għodu sa fil-għaxija. 14 U l-kunjatu taʼ Mosè ra kulma kien qed jagħmel għan-nies. Għalhekk, qallu: “X’inhu dan li qed tagħmel għan-nies? Għala tibqaʼ waħdek bil-qiegħda u n-nies kollha jibqgħu quddiemek minn fil-għodu sa fil-għaxija?” 15 Imbagħad Mosè qal lill-kunjatu tiegħu: “Għax in-nies jibqgħu ġejjin għandi biex jistaqsu x’jgħid Alla.+ 16 Jekk jinqalgħalhom xi każ,+ irid jiġi għandi u jien irrid niġġudika bejn parti u oħra, u rrid ngħarraf id-deċiżjonijiet taʼ l-Alla l-veru u l-liġijiet tiegħu.”+
17 U l-kunjatu taʼ Mosè qallu: “Mhux tajjeb kif qed tagħmel. 18 Żgur li se tegħja, kemm int u kemm dan il-poplu li qiegħed miegħek, għax dan li qed tagħmel hu tagħbija kbira wisq għalik.+ Ma tistax tagħmlu waħdek.+ 19 Issa ismaʼ minn kliemi.+ Jien se nagħtik parir, u Alla se jkun miegħek.+ Int innifsek aqdi bħala r-rappreżentant għan-nies quddiem l-Alla l-veru,+ u int innifsek trid iġġib il-każi għand l-Alla l-veru.+ 20 U wissihom dwar x’inhuma r-regolamenti u l-liġijiet,+ u għarrafhom it-triq li għandhom jimxu fiha u x-xogħol li għandhom jagħmlu.+ 21 Imma int għandek tagħżel minn fost in-nies kollha rġiel kapaċi,+ li jibżgħu minn Alla,+ irġiel taʼ min jafdahom,+ jobogħdu l-qligħ inġust;+ u qegħedhom fuqhom bħala kapijiet fuq l-eluf,+ kapijiet fuq il-mijiet, kapijiet fuq il-ħamsinijiet, u kapijiet fuq l-għaxriet.+ 22 U dawn iridu jiġġudikaw lin-nies f’kull okkażjoni xierqa; u jrid jiġri li kull każ kbir iġibuh għandek,+ imma kull każ żgħir jieħdu ħsiebu huma bħala mħallfin. Għalhekk, agħmilha eħfef għalik, u huma jridu jġorru t-tagħbija miegħek.+ 23 Jekk tagħmel dan—u Alla jkun ikkmandak—tkun tistaʼ żżomm sħiħ u, barra minn hekk, dan il-poplu kollu jasal f’postu bis-sliem.”+
24 Mosè minnufih semaʼ minn kliem il-kunjatu tiegħu u għamel kulma kien qallu.+ 25 U Mosè għażel irġiel kapaċi minn Israel kollu u ħatarhom bħala kapijiet fuq in-nies,+ bħala kapijiet taʼ l-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet taʼ l-għaxriet. 26 U dawn iġġudikaw lin-nies f’kull okkażjoni xierqa. Każ iebes kienu jġibuh għand Mosè,+ imma kull każ żgħir kienu jieħdu ħsiebu huma nfushom bħala mħallfin. 27 Imbagħad Mosè sellem lill-kunjatu tiegħu,+ u dan telaq fi triqtu lejn pajjiżu.