Isaija
59 Ara! Id Ġeħova ma qsaritx daqstant li ma tistax issalva,+ u widintu ma tqalitx daqstant li ma tistax tismaʼ.+ 2 Le, imma l-iżbalji tagħkom saru l-affarijiet li jikkaġunaw firda bejnkom u bejn Alla tagħkom,+ u dnubietkom ġegħluh jaħbi wiċċu minnkom biex ma jismax.+ 3 Għax idejkom tniġġsu bid-demm,+ u subgħajkom bl-iżball. Xofftejkom tkellmu l-gideb.+ Ilsienkom qagħad igedwed inġustizzja kbira.+ 4 M’hemm ħadd li qed isejjaħ fis-sewwa,+ u ħadd ma mar il-qorti b’fedeltà. Fdaw f’xi ħaġa mhix reali,+ u tkellmu l-frugħa.+ Nisslu l-inkwiet, u wildu l-ħsara.+
5 Huma faqqsu l-bajd tas-sriep velenużi, u nisġu l-għanqbut tal-brimb.+ Min jiekol mill-bajd tagħhom imut, u l-bajda tinkiser u tfaqqas lifgħa.+ 6 L-għanqbut tagħhom ma jservix taʼ libsa, u lanqas ma jitgħattew bl-għemejjel tagħhom.+ L-għemejjel tagħhom huma għemejjel taʼ ħsara, u f’idejhom hemm attività vjolenti.+ 7 Saqajhom jibqgħu jiġru lejn il-ħażen,+ u mgħaġġlin biex ixerrdu demm innoċenti.+ Ħsibijiethom huma ħsibijiet taʼ ħsara;+ tħarbit u tiġrif hemm fit-triqat ewlenin tagħhom.+ 8 It-triq tal-paċi+ injorawha, u m’hemmx ġustizzja f’mogħdijiethom.+ Jagħmlu għalihom triqat mgħawġin.+ Ħadd minn min jirfes fihom ma se jkun jaf il-paċi.+
9 Huwa għalhekk li l-ġustizzja tbiegħdet daqshekk minna, u s-sewwa ma jilħaqniex. Nibqgħu nittamaw għad-dawl, imma, ara, dlam; għad-dija, imma bqajna mexjin fi swidija kontinwa.+ 10 Bħall-għomja noqogħdu nteftfu biex inżommu mal-ħajt, u nibqgħu nteftfu bħal nies bla għajnejn.+ Tfixkilna f’nofsinhar bħallikieku fid-dlam taʼ fil-għaxija; fost il-qawwijin qisna mejtin.+ 11 Aħna nokorbu, ilkoll kemm aħna, bħall-orsijiet; u bħall-ħamiem noqogħdu ngorru mnikktin.+ Bqajna nittamaw għall-ġustizzja,+ imma ma kienx hemm; għas-salvazzjoni, imma qagħdet ’il bogħod minna.+ 12 Għax l-irvellijiet tagħna kotru quddiemek;+ u kull dnub li għamilna xehed kontrina.+ Għax l-irvellijiet tagħna huma magħna; u l-iżbalji tagħna, aħna nafuhom tajjeb.+ 13 Il-liġi nkisret u Ġeħova ġie miċħud;+ u rsaqna lura minn Alla tagħna, tkellimna dwar moħqrija u rvell,+ nissilna kliem taʼ gideb f’qalbna u gedwidnieh.+ 14 U l-ġustizzja kellha tersaq lura,+ u s-sewwa baqaʼ wieqaf fil-bogħod.+ Għax il-verità tfixklet fil-pjazza, u d-dritt ma jistax jidħol.+ 15 U l-verità hija nieqsa,+ u kulmin iwarrab mill-ħażen qed jiġi rovinat.+
U Ġeħova ra dan, u kien ħażin f’għajnejh li ma kienx hemm ġustizzja.+ 16 U meta ra li ma kienx hemm raġel wieħed biex jgħin, baqaʼ mbellah li ma kien hemm ħadd jaqbeż għalih.+ U driegħu salvah, u kien is-sewwa tiegħu li appoġġah.+ 17 Imbagħad libes is-sewwa bħal kurazza,+ u l-elmu tas-salvazzjoni fuq rasu.+ Iktar minn hekk, libes l-ilbies tal-vendetta+ u tgeżwer biż-żelu bħallikieku b’libsa bla kmiem.+ 18 Fi qbil maʼ l-għemejjel hu jħallas skond ma jkun mistħoqq,+ korla lill-avversarji tiegħu, trattament xieraq lill-għedewwa tiegħu.+ Lill-gżejjer iħallashom kif jixraq.+ 19 U minn inżul ix-xemx se jibdew jibżgħu minn isem Ġeħova,+ u minn tlugħ ix-xemx mill-glorja tiegħu,+ għax hu jiġi bħal xmara taʼ niket immexxija mill-ispirtu taʼ Ġeħova.+
20 “U lejn Sijon+ jiġi Dak li xtraha lura,+ u jiġi f’Ġakobb lejn dawk li reġgħu lura mill-ksur tal-liġi,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
21 “U min-naħa tiegħi, dan hu l-patt tiegħi magħhom,”+ qal Ġeħova.
“L-ispirtu tiegħi li qiegħed fuqek+ u kliemi li qegħedt f’fommok+—ma jitneħħewx minn fommok jew minn fomm uliedek jew minn fomm ulied uliedek,” qal Ġeħova, “minn issa u għal dejjem.”*+