Ġeremija
13 Hekk qalli Ġeħova: “Mur sib ċinturin taʼ l-għażel u dawru maʼ ġenbejk imma tressqux lejn l-ilma.” 2 Għalhekk, mort inġib ċinturin fi qbil mal-kelma taʼ Ġeħova u dawwartu maʼ ġenbejja. 3 U l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi għat-tieni darba, tgħid: 4 “Ħu ċ-ċinturin li għandek imdawwar maʼ ġenbejk, u qum, u mur lejn l-Ewfrat,+ u aħbih hemm f’xi xaqq fil-blat.” 5 Għalhekk, mort u ħbejtu ħdejn l-Ewfrat, bħalma kien ikkmandani Ġeħova.
6 Imma ġara li wara ħafna żmien, Ġeħova qalli: “Qum, mur lejn l-Ewfrat, u ħu lura ċ-ċinturin li kont ikkmandajtek taħbi hemmhekk.” 7 Għaldaqstant mort lejn l-Ewfrat u ħaffirt u ħadt iċ-ċinturin minfejn kont ħbejtu, u, ara, iċ-ċinturin kien rovinat; ma kien tajjeb għal xejn.
8 Imbagħad il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid: 9 “Hekk qal Ġeħova, ‘Bl-istess mod se nġib f’rovina l-kburija taʼ Ġuda+ u l-kburija bla qjies taʼ Ġerusalemm. 10 Dawn in-nies ħżiena li ma jridux jobdu kliemi,+ li mexjin fl-ebusija taʼ qalbhom,+ u li jibqgħu jimxu wara allat oħrajn sabiex jaqduhom u jmilu quddiemhom,+ se jsiru wkoll bħal dan iċ-ċinturin li m’hu tajjeb għal xejn.’ 11 ‘Għax bħalma ċinturin jintrabat mal-ġenbejn taʼ raġel, hekk jien ġegħelt lid-dar kollha taʼ Israel u lid-dar kollha taʼ Ġuda jintrabtu miegħi,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘sabiex isiru għalija poplu+ u isem+ u tifħir u xi ħaġa sabiħa; imma huma m’obdewx.’+
12 “U int għidilhom din il-kelma, ‘Dan qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel: “Kull ġarra kbira timtela bl-inbid.”’+ U huma jgħidulek, ‘Ma nafux aħna li kull ġarra kbira timtela bl-inbid?’ 13 U int għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova: “Ara, jien nimla bis-sokor lill-abitanti kollha taʼ dan il-pajjiż u lis-slaten li qegħdin fuq it-tron taʼ David+ u lill-qassisin u lill-profeti u lill-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm.+ 14 U nħabbathom flimkien, kemm il-missirijiet u kemm l-ulied, u nkissirhom f’daqqa,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “La nuri mogħdrija, u lanqas inħossni mnikket, u mhix se tiġini ħniena minnhom, imma żgur neqridhom.”’+
15 “Isimgħu, u agħtu widen. Tkunux suppervi,+ għax tkellem Ġeħova.+ 16 Agħtu glorja lil Ġeħova Alla tagħkom,+ qabel iġib id-dlam+ u qabel saqajkom jitfixklu fuq il-muntanji meta jkun riesaq il-lejl.+ U intom tittamaw għad-dawl,+ u hu jagħmlu swidija;+ se jibdlu fi dlam kbir.+ 17 U jekk ma tisimgħux,+ ruħi tibki fil-moħbi minħabba din il-kburija u żgur ixxerred id-dmugħ; u d-dmugħ jinżel minn għajnejja,+ għax il-merħla+ taʼ Ġeħova tkun ittieħdet fil-jasar.
18 “Għid lis-sultan u lis-sultana omm,+ ‘Poġġu f’post iktar baxx,+ għax il-kuruna sabiħa tagħkom se titneħħa minn fuq raskom.’+ 19 Il-bliet tan-nofsinhar ngħalqu, u m’hemm ħadd biex jiftaħhom. Ġuda kollu ttieħed fl-eżilju. Ittieħed fl-eżilju kollu kemm hu.+
20 “Erfaʼ għajnejk u ara lil dawk li ġejjin mit-tramuntana.+ Fejn hi l-merħla li ngħatatlek, il-merħla sabiħa tiegħek?+ 21 X’se tgħid meta dawk stess li fil-bidu kont għallimthom bħala ħbieb tal-qalb+ jitfgħu l-attenzjoni fuqek?+ Ma jaqbdekx l-uġigħ bħal taʼ mara fil-ħlas?+ 22 U meta tgħid f’qalbek,+ ‘Għala ġrali hekk?’+ kun af li kien minħabba l-iżbalji kotrana li għamilt li neżżgħulek id-dbielet;+ għarqubek ġie trattat ħażin ħafna.
23 “Jistaʼ Kusi+ jbiddel il-ġilda tiegħu, jew leopard it-tbajjaʼ tiegħu?+ Kieku intom ukoll tistgħu tagħmlu t-tajjeb, intom li tgħallimtu tagħmlu l-ħażin.+ 24 Għalhekk, inxerridhom+ bħat-tiben* li jtir mar-riħ mix-xagħri.+ 25 Dan hu sehmek, il-kejl li tajtek jien,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, “għax int insejtni+ u tibqaʼ tafda fil-gideb.+ 26 U jien ukoll ngħollilek id-dbielet fuq wiċċek, u jidher għajbek,+ 27 l-adulterji li għamilt+ u kemm kont tiżher,+ il-kondotta laxka tiegħek fil-prostituzzjoni. Fuq l-għoljiet, fir-rabaʼ, jien rajthom il-qżiżijiet tiegħek.+ Gwaj għalik, O Ġerusalemm! Ma tistax tkun nadifa+—kemm se ddum hekk?”+