Levitiku
21 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Kellem lill-qassisin, ulied Aron, u għidilhom, ‘Ħadd fost il-poplu tiegħu ma jistaʼ jitniġġes għal ruħ mejta.+ 2 Imma jistaʼ jitniġġes għal qaribu mid-demm li jiġi minnu mill-qrib, għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh, 3 u għal oħtu, verġni li tiġi minnu mill-qrib, li ma saritx mart xi raġel, għaliha jistaʼ jitniġġes. 4 Ma jistax jitniġġes fost il-poplu tiegħu għal mara li għandha sidha, u b’hekk ikasbar lilu nnifsu. 5 M’għandhomx iqaxxru rashom u jiġu bil-qargħa,+ u m’għandhomx iqaxxru t-tarf tad-daqna tagħhom,+ u m’għandhomx jagħmlu xi qatgħa fuq ġisimhom.+ 6 Għandhom ikunu qaddisin għal Alla tagħhom,+ u m’għandhomx ikasbru isem Alla tagħhom,+ għaliex huma dawk li qed jippreżentaw l-offerti taʼ Ġeħova magħmulin bin-nar, il-ħobż t’Alla tagħhom;+ u jridu jkunu qaddisin.+ 7 Prostituta+ jew mara li m’għadhiex verġni m’għandhomx jiħduha; u mara divorzjata+ minn żewġha m’għandhomx jiħduha,+ għaliex il-qassis hu qaddis għal Alla tiegħu. 8 Għalhekk, trid tqaddsu,+ għaliex hu dak li qed jippreżenta l-ħobż t’Alla tiegħek. Għandu jkun qaddis għalik,+ għaliex jien, Ġeħova, li qed inqaddiskom, qaddis jien.+
9 “‘Issa jekk bint qassis tkasbar lilha nfisha billi tagħmel il-prostituzzjoni, tkun qed tkasbar lil missierha. Għandha tiġi maħruqa fin-nar.+
10 “‘U l-qassis il-kbir taʼ ħutu, li fuq rasu jiġi msawwab iż-żejt tad-dlik+ u li ngħatatlu s-setgħa f’idu biex jilbes il-ħwejjeġ speċjali,+ m’għandux jittraskura x-xagħar taʼ rasu,+ u m’għandux iċarrat ħwejġu.+ 11 U m’għandux jersaq lejn xi ruħ mejta.+ Ma jistax jitniġġes għal missieru u għal ommu. 12 Ukoll, la għandu joħroġ mis-santwarju u lanqas jipprofana s-santwarju t’Alla tiegħu,+ għaliex is-sinjal tad-dedikazzjoni, iż-żejt tad-dlik t’Alla tiegħu,+ qiegħed fuqu. Jien Ġeħova.
13 “‘U min-naħa tiegħu, għandu jieħu mara li tkun verġni.+ 14 Inkwantu għal armla jew mara divorzjata u waħda li m’għadhiex verġni, prostituta, lil ħadd minn dawn ma jistaʼ jieħu, imma għandu jieħu verġni mill-poplu tiegħu bħala martu. 15 U m’għandux ikasbar lil nislu fost il-poplu tiegħu,+ għaliex jien Ġeħova li qed inqaddsu.’”+
16 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 17 “Kellem lil Aron u għidlu, ‘Ebda raġel minn nislek matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom li fih ikun hemm xi difett+ ma jistaʼ jersaq biex jippreżenta l-ħobż t’Alla tiegħu.+ 18 Jekk hemm xi raġel li fih hemm xi difett, ma jistax jersaq: raġel agħma jew zopp jew b’tiċrita fi mnieħru jew bi driegħ twil wisq,+ 19 jew raġel li jkollu ksur f’siequ jew ksur f’idu, 20 jew ħotbi jew xipli jew ikollu l-mard f’għajnejh jew fil-ġilda jew ikollu l-ħżież jew ikollu t-testikoli tiegħu mgħaffġin.+ 21 Kwalunkwe raġel, minn nisel Aron il-qassis, li fih hemm xi difett ma jistax jersaq biex jippreżenta l-offerti taʼ Ġeħova magħmulin bin-nar.+ Hemm difett fih. Ma jistax jersaq biex jippreżenta l-ħobż t’Alla tiegħu.+ 22 Jistaʼ jiekol il-ħobż t’Alla tiegħu mill-affarijiet l-iktar imqaddsin+ u mill-affarijiet imqaddsin.+ 23 Madankollu, ma jistax jidħol ħdejn il-purtiera,+ u ma jistax jersaq lejn l-artal,+ għaliex hemm difett fih;+ u m’għandux jipprofana s-santwarju tiegħi,+ għax jien Ġeħova li qed inqaddishom.’”+
24 Għaldaqstant, Mosè kellem lil Aron u lil uliedu u lill-ulied kollha taʼ Israel.