Levitiku
8 U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ħu lil Aron u lil uliedu miegħu+ u l-ħwejjeġ+ u ż-żejt tad-dlik+ u l-barri taʼ l-offerta għad-dnub+ u ż-żewġ imtaten u l-qoffa tal-ħobż bla ħmira,+ 3 u laqqaʼ lill-ġemgħa kollha+ fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.”+
4 Imbagħad Mosè għamel sewwasew bħalma kien ikkmandah Ġeħova, u l-ġemgħa ltaqgħet fid-daħla+ tat-tinda tal-laqgħa. 5 Mosè issa qal lill-ġemgħa: “Dan ikkmandana nagħmlu Ġeħova.”+ 6 Għalhekk, Mosè ġab ħdejh lil Aron u lil uliedu u ħasilhom+ bl-ilma.+ 7 Imbagħad libbes lil Aron il-libsa twila+ u ħażżmu bit-terħa+ u libbsu l-libsa bla kmiem+ u qegħedlu fuqu l-efod+ u ħażżmu bil-ħżiem+ taʼ l-efod u rabtu sew miegħu bih. 8 U poġġielu fuqu l-pettoral+ u fil-pettoral poġġa l-Urim u t-Tummim.+ 9 Imbagħad poġġielu t-turbant+ fuq rasu u fuq il-quddiem tat-turbant poġġa l-istrixxa tleqq tad-deheb, is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
10 Mosè issa ħa ż-żejt tad-dlik u dilek it-tabernaklu*+ u kulma kien fih u qaddishom. 11 Imbagħad raxx ftit minnu sebaʼ darbiet fuq l-artal u dilek l-artal+ u l-għodod kollha tiegħu u l-vaska u l-bażi tagħha sabiex iqaddishom. 12 Fl-aħħar sawwab ftit miż-żejt tad-dlik fuq ras Aron u dilku sabiex iqaddsu.+
13 Mosè mbagħad ġab ħdejh lil ulied Aron+ u libbishom l-ilbies twil u ħażżimhom bit-trieħi+ u geżwrilhom l-għata maʼ rashom,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
14 Imbagħad tellaʼ l-barri+ taʼ l-offerta għad-dnub u Aron u wliedu meddew idejhom fuq ras+ il-barri taʼ l-offerta għad-dnub. 15 U Mosè qatlu+ u ħa d-demm+ u poġġieh b’sebgħu fuq il-qrun taʼ l-artal dawramejt u ppurifika l-artal mid-dnub, imma l-bqija tad-demm sawbu f’riġlejn l-artal, sabiex iqaddsu ħalli jagħmel tpattija+ fuqu. 16 Imbagħad ħa x-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren, u x-xaħam taʼ mal-fwied u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom u Mosè ħaraqhom fuq l-artal.+ 17 U l-barri u l-ġilda tiegħu u laħmu u l-ħmieġ tiegħu ħaraqhom bin-nar ’il barra mill-kamp,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
18 Hu issa ġab ħdejh il-muntun taʼ l-offerta tal-ħruq, u Aron u wliedu mbagħad meddew idejhom fuq ras il-muntun.+ 19 Imbagħad Mosè qatlu u raxx id-demm dawramejt fuq l-artal.+ 20 U qattaʼ l-muntun kull biċċa għaliha,+ u Mosè ħaraq ir-ras u l-bċejjeċ u x-xaħam taʼ mal-kliewi. 21 U l-imsaren u r-riġlejn* ħasilhom bl-ilma, u Mosè mbagħad ħaraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal.+ Din kienet offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli.+ Kienet offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
22 Imbagħad ġab ħdejh it-tieni muntun, il-muntun tal-ħatra,+ u Aron u wliedu meddew idejhom fuq ras il-muntun. 23 Wara dan, Mosè qatlu u ħa ftit minn demmu u poġġieh fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron u fuq is-sabaʼ l-kbir taʼ idu l-leminija u fuq is-sabaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija.+ 24 Imbagħad Mosè ġab ħdejh lil ulied Aron u poġġa ftit mid-demm fuq id-dendula taʼ widnithom il-leminija u fuq is-sabaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija u fuq is-sabaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija; u Mosè raxx il-bqija tad-demm dawramejt fuq l-artal.+
25 Imbagħad ħa x-xaħam u d-denb oħxon u x-xaħam kollu taʼ fuq l-imsaren,+ u x-xaħam taʼ mal-fwied u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam tagħhom u s-sieq il-leminija.+ 26 U mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li kienet quddiem Ġeħova ħa ftira bla ħmira waħda+ u ftira tal-ħobż biż-żejt waħda+ u galletta waħda.+ Imbagħad poġġiehom fuq il-bċejjeċ tax-xaħam u fuq is-sieq il-leminija. 27 Wara, poġġiehom kollha fuq il-pali taʼ idejn Aron u fuq il-pali taʼ idejn uliedu u beda jxejjirhom ’l hemm u ’l hawn bħala offerta tat-tixjir quddiem Ġeħova.+ 28 Imbagħad Mosè ħadhom minn fuq il-pali taʼ idejhom u ħaraqhom fuq l-artal, fuq l-offerta tal-ħruq.+ Dawn kienu sagrifiċċju tal-ħatra+ bħala riħa pjaċevoli.+ Kienet offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova.+
29 U Mosè ħa s-sidra+ u beda jxejjirha ’l hemm u ’l hawn bħala offerta tat-tixjir quddiem Ġeħova.+ Mill-muntun tal-ħatra din saret sehem+ Mosè, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
30 Imbagħad Mosè ħa ftit miż-żejt tad-dlik+ u ftit mid-demm li kien fuq l-artal u raxxu fuq Aron u fuq ħwejġu u fuq uliedu u fuq il-ħwejjeġ taʼ wliedu miegħu. B’hekk, hu qaddes+ lil Aron u ħwejġu u lil uliedu u l-ħwejjeġ taʼ wliedu+ wkoll.
31 Imbagħad Mosè qal lil Aron u lil uliedu: “Għallu+ l-laħam fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u hemmhekk tieklu lilu+ u l-ħobż li qiegħed fil-qoffa tal-ħatra, sewwasew bħalma ngħatajt il-kmand, li jgħid, ‘Jikluh Aron u wliedu.’ 32 U dak li jibqaʼ żejjed mil-laħam u mill-ħobż taħarquh bin-nar.+ 33 U għal sebat ijiem+ toħorġux mid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, sa dakinhar li jitwettqu l-jiem tal-ħatra tagħkom, għaliex hemm bżonn sebat ijiem biex tingħataw is-setgħa f’idkom.+ 34 Bħalma sar f’dan il-jum, Ġeħova kkmanda li għandu jsir fil-kumplament tal-jiem sabiex issir tpattija għalikom.+ 35 U toqogħdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa bi nhar u bil-lejl għal sebat ijiem,+ u intom obbligati tħarsu din l-għassa imposta minn Ġeħova,+ għax inkella tmutu; għax jien hekk ġejt kmandat.”
36 U Aron u wliedu għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè.