Numri
22 Imbagħad ulied Israel telqu u kkampjaw fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab,+ din in-naħa tal-Ġordan, in-naħa l-oħra taʼ Ġeriko. 2 U Balak,+ bin Siffur, ra kulma Israel kien għamel lill-Amurrin. 3 U Mowab beżaʼ ħafna mill-poplu, għax kienu ħafna; u Mowab beda jħossu jitkexkex minħabba wlied Israel.+ 4 U Mowab qal lix-xjuħ taʼ Midjan:+ “Issa din il-ġemgħa se tiblaʼ l-inħawi kollha tagħna bħalma l-barri jiblaʼ l-ħdura tar-rabaʼ.”
U Balak,+ bin Siffur, kien is-sultan taʼ Mowab dik il-ħabta. 5 Hu issa bagħat xi messaġġiera għand Balgħam,+ bin Begħor, f’Petor,+ li qiegħda ħdejn ix-Xmara*+ fl-art taʼ wlied il-poplu tiegħu, biex isejħulu u jgħidulu: “Ara! Poplu ħareġ mill-Eġittu. Ara! Ksew l-art safejn wieħed jistaʼ jara b’għajnejh,+ u qed jgħammru preċiż quddiemi. 6 U issa ejja, jekk jogħġbok; isħet+ lil dawn in-nies għalija, għax huma iktar setgħanin minni. Forsi nkun nistaʼ negħlibhom u nkeċċihom ’il barra mill-pajjiż; għax jien naf tajjeb li lil min tbierek ikun imbierek u lil min tisħet ikun misħut.”+
7 Għalhekk, ix-xjuħ taʼ Mowab u x-xjuħ taʼ Midjan ivvjaġġaw bil-ħlas għat-teħbir+ f’idejhom u marru għand Balgħam+ u qalulu kliem Balak. 8 U hu qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk dan il-lejl, u jien inwiġibkom skond dak li jgħidli Ġeħova.”+ U l-prinċpijiet taʼ Mowab qagħdu maʼ Balgħam.
9 Imbagħad Alla ġie għand Balgħam u qallu:+ “Min huma dawn l-irġiel li hawn miegħek?” 10 Għalhekk, Balgħam qal lill-Alla l-veru: “Balak,+ bin Siffur, is-sultan taʼ Mowab, bagħat jgħidli, 11 ‘Ara! Hawn huma n-nies li ħarġu mill-Eġittu u li qed jiksu l-art safejn tistaʼ tara b’għajnejk.+ Issa ejja, isħithom għalija.+ Forsi nkun nistaʼ niġġieled kontrihom u nkeċċihom ’il barra.’” 12 Imma Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom. Tisħithomx in-nies,+ għax huma mberkin.”+
13 Wara dan, Balgħam qam fil-għodu u qal lill-prinċpijiet taʼ Balak: “Morru pajjiżkom, għaliex Ġeħova ma ħallinix niġi magħkom.” 14 Għalhekk, il-prinċpijiet taʼ Mowab qamu u marru għand Balak u qalulu: “Balgħam ma riedx jiġi magħna.”+
15 Madankollu, Balak reġaʼ bagħat għadd akbar taʼ prinċpijiet oħrajn u iktar onorabbli minn taʼ qabel. 16 U dawn ġew għand Balgħam u qalulu: “Hekk qal Balak, bin Siffur, ‘Jekk jogħġbok, tħallix xi jżommok milli tiġi għandi. 17 Għax jien żgur li se nonorak bil-kbir,+ u kulma tgħidli jien nagħmlu.+ Għalhekk, ejja, jekk jogħġbok. Isħet lil dawn in-nies għalija.’” 18 Imma Balgħam wieġeb u qal lill-qaddejja taʼ Balak: “Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien xorta ma nkunx nistaʼ nikser l-ordni taʼ Ġeħova Alla tiegħi, sabiex nagħmel xi ħaġa żgħira jew kbira.+ 19 U issa, jekk jogħġobkom, oqogħdu hawnhekk intom ukoll dan il-lejl biex inkun naf x’se jgħidli iktar Ġeħova.”+
20 Imbagħad Alla ġie għand Balgħam bil-lejl u qallu: “Jekk l-irġiel ġew biex isejħulek, qum, u mur magħhom. Imma qis li tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.”+ 21 U Balgħam qam fil-għodu u xedd is-sarġ lill-ħmara tiegħu u mar mal-prinċpijiet taʼ Mowab.+
22 U xegħlet ir-rabja t’Alla għaliex hu kien sejjer; u l-anġlu taʼ Ġeħova qagħad fit-triq biex iżommu.+ U hu kien riekeb fuq il-ħmara tiegħu, u miegħu kien hemm tnejn mill-qaddejja tiegħu. 23 U l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq b’sejfu mislut f’idu;+ u l-ħmara pprovat tilwi mit-triq biex tmur fl-għalqa, imma Balgħam beda jsawwat lill-ħmara biex terġaʼ tilwi għal ġot-triq. 24 U l-anġlu taʼ Ġeħova baqaʼ wieqaf fil-mogħdija d-dejqa bejn l-għelieqi tad-dwieli, b’ħajt tal-ġebel fuq din in-naħa u ħajt tal-ġebel fuq in-naħa l-oħra. 25 U l-ħmara baqgħet tara l-anġlu taʼ Ġeħova u tintrass mal-ħajt, u b’hekk lil Balgħam rassitlu siequ mal-ħajt; u beda jsawwatha iktar.
26 L-anġlu taʼ Ġeħova issa reġaʼ għaddiehom u qagħad f’post dejjaq, fejn ma kienx hemm fejn tilwi lejn il-lemin jew lejn ix-xellug. 27 Meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova nxteħtet fl-art taħt Balgħam; u xegħlet ir-rabja+ taʼ Balgħam u baqaʼ jsawwat lill-ħmara bil-ħatar tiegħu. 28 Fl-aħħar, Ġeħova fetaħ fomm il-ħmara+ u din qalet lil Balgħam: “X’għamiltlek biex sawwattni dawn it-tliet darbiet?”+ 29 U Balgħam wieġeb lill-ħmara: “Għax għaddejtni biż-żmien. Kieku kelli sejf f’idi, s’issa qtiltek!”+ 30 Imbagħad il-ħmara qalet lil Balgħam: “M’iniex jien il-ħmara tiegħek li rkibt fuqha għomrok kollu sa dan il-jum? Qatt xi darba għamiltlek hekk?”+ Qalilha: “Le!” 31 U Ġeħova fetaħ għajnejn+ Balgħam, u dan ra l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq bis-sejf tiegħu mislut f’idu. Minnufih hu miel u nxteħet wiċċu fl-art.
32 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Għala sawwattha dawn it-tliet darbiet lill-ħmara tiegħek? Ara! Jien—jien ħriġt biex niqaflek, għaliex triqtek hi ferm kontra r-rieda tiegħi.+ 33 U l-ħmara ratni u pprovat tilwi minn quddiemi dawn it-tliet darbiet.+ X’kien jiġri kieku ma lwietx minn quddiemi? Kieku s’issa żgur qtiltek lilek,+ imma lilha kont inħalliha ħajja.” 34 U Balgħam qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “Jien dnibt,+ għax ma kontx naf li kien hemm int wieqaf fit-triq biex tiltaqaʼ miegħi. U issa, jekk dan hu ħażin f’għajnejk, ħallini mmur lura.” 35 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Balgħam: “Mur maʼ dawn l-irġiel;+ u qis li tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.”+ U Balgħam baqaʼ sejjer mal-prinċpijiet taʼ Balak.
36 Meta Balak semaʼ li kien ġie Balgħam, mill-ewwel ħareġ jilqgħu fil-belt taʼ Mowab, li qiegħda fuq ix-xatt taʼ l-Arnon, li qiegħed f’tarf it-territorju.+ 37 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “Ma bgħattx jien, fil-fatt, insejjaħlek? Għala ma ġejtx għandi? M’għandix jien tassew il-ħila nonorak?”+ 38 U Balgħam qal lil Balak: “Ara! Issa ġejt għandek. Nistaʼ jien, fil-fatt, ngħid xi ħaġa?+ Il-kelma li Alla jqegħedli f’fommi se ngħid.”+
39 Għalhekk, Balgħam mar maʼ Balak u waslu Kirjat-ħusot. 40 U Balak offra bħala sagrifiċċju baqar u nagħaġ+ u bagħat minnhom lil Balgħam u lill-prinċpijiet li kienu miegħu. 41 U ġara li fil-għodu Balak ħa lil Balgħam u tellgħu fuq Bamot-bagħal,+ biex minn hemmhekk ikun jistaʼ jara n-nies kollha.+