Mattew
22 Ġesù reġaʼ qabad ikellimhom bit-tixbihat u qalilhom:+ 2 “Is-saltna tas-smewwiet saret bħal wieħed sultan li għamel festa tat-tieġ+ għal ibnu. 3 U bagħat lill-ilsiera tiegħu għal dawk li kienu mistidnin għall-festa tat-tieġ,+ imma dawn ma ridux jiġu.+ 4 Jerġaʼ bagħat ilsiera oħrajn+ u qalilhom, ‘Għidu lill-mistidnin: “Ara! Jien ħejjejt il-pranzu tiegħi,+ il-barrin u l-bhejjem imsemmnin diġà maqtulin, u kollox għandi lest. Ejjew għall-festa tat-tieġ.”’+ 5 Imma ma tawx kas, u kien hemm min telaq lejn l-għalqa tiegħu, u min lejn in-negozju tiegħu;+ 6 imma l-oħrajn qabdu lill-ilsiera, insultawhom u qatluhom.+
7 “Għal dan, is-sultan imtela bil-korla, u bagħat l-armati tiegħu u qered lil dawk il-qattilin u ħarqilhom il-belt tagħhom.+ 8 Imbagħad qal lill-ilsiera tiegħu, ‘Tabilħaqq, kollox lest għall-festa tat-tieġ, imma l-mistidnin ma kienx jistħoqqilhom.+ 9 Għalhekk, morru fit-toroq li jagħtu għall-belt, u lil kulmin issibu stidnuh għall-festa tat-tieġ.’+ 10 Għaldaqstant, dawn l-ilsiera ħarġu fit-toroq u ġabru lil kulmin sabu, ħżiena u tajbin;+ u s-sala tat-tieġ imtliet bin-nies imdawrin mal-mejda.+
11 “Meta daħal jara l-mistidnin, is-sultan lemaħ fosthom raġel li ma kienx liebes libsa tat-tieġ.+ 12 Għalhekk qallu, ‘Sieħbi, int kif dħalt hawnhekk mingħajr il-libsa tat-tieġ?’+ U dak tbikkem. 13 Imbagħad is-sultan qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Orbtulu idejh u saqajh u itfgħuh barra fid-dlam. Hemmhekk se jibki u jgħażżaż snienu.’+
14 “Għax ħafna huma mistidnin, imma ftit magħżulin.”+
15 Imbagħad il-Fariżej telqu u ftiehmu bejniethom kif jonsbuh fi kliemu.+ 16 Għalhekk, bagħtu għandu lid-dixxipli tagħhom, flimkien maʼ xi partitarji t’Erodi,+ u qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità u tgħallem it-triq t’Alla fil-verità, u ma jimpurtak minn ħadd, għax ma tħarisx lejn kif il-bnedmin jidhru minn barra.+ 17 Għalhekk għidilna, X’taħseb int? Huwa skond il-liġi li tħallas it-taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le?”+ 18 Imma Ġesù, billi kien jaf kemm kienu mill-agħar, qalilhom: “Għala tipprovawni, ipokriti?+ 19 Uruni l-munita tat-taxxa.” Ġabulu dinar.* 20 U qalilhom: “Din ix-xbieha u din l-iskrizzjoni taʼ min huma?”+ 21 Qalulu: “Taʼ Ċesari.” Imbagħad qalilhom: “Għalhekk, agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”+ 22 Meta semgħu dan, baqgħu skantati, u ħallewh bi kwietu u telqu.+
23 Dakinhar resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, u staqsewh:+ 24 “Għalliem, Mosè qal, ‘Jekk raġel imut mingħajr tfal, ħuh irid jiżżewweġ lill-armla tiegħu u jqajjem nisel għal ħuh.’+ 25 Issa magħna kien hemm sebaʼ aħwa; u l-ewwel wieħed iżżewweġ u miet, u, għax ma kellux ulied, ħalla lil martu għal ħuh.+ 26 Ġara l-istess ukoll lit-tieni u t-tielet, sas-sebaʼ wieħed.+ 27 Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 28 Għaldaqstant, fl-irxoxt, mart liema wieħed mis-sebgħa se tkun? Għax kollha żżewġuha.”+
29 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Għandkom żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla;+ 30 għax fl-irxoxt la l-irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-nisa ma jingħataw fiż-żwieġ,+ imma jkunu bħall-anġli fis-sema. 31 Imma rigward l-irxoxt tal-mejtin, ma qrajtux dak li qalilkom Alla,+ 32 ‘Jien l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk u l-Alla taʼ Ġakobb’?+ Hu mhux l-Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin.”+ 33 Meta semgħu dan, il-folol stagħġbu bit-tagħlim tiegħu.+
34 Wara li l-Fariżej semgħu li kien għalaq ħalq is-Sadduċej, inġemgħu flimkien. 35 U wieħed minnhom, li kien jaf il-Liġi,+ biex jipprovah staqsieh: 36 “Għalliem, liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?”+ 37 Qallu: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’+ 38 Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament. 39 It-tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’+ 40 Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti żżomm il-Liġi kollha, u l-Profeti.”+
41 Issa, waqt li l-Fariżej kienu miġburin flimkien, Ġesù staqsiehom:+ 42 “X’taħsbu intom dwar il-Kristu? Bin min hu?” Qalulu: “Bin David.”+ 43 Qalilhom: “Allura David, b’ispirazzjoni,+ kif isejjaħlu ‘Mulej’ u jgħid, 44 ‘Ġeħova qal lill-Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-qiegħda fuq il-lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek taħt saqajk”’?+ 45 Għalhekk, jekk David isejjaħlu ‘Mulej,’ kif inhu ibnu?”+ 46 U ħadd ma kien kapaċi jwieġbu, lanqas kelma waħda, u minn dakinhar ’il quddiem ħadd ma ssogra jistaqsih iktar.+