Marku
16 Għalhekk, meta għadda s-Sabat,+ Marija l-Maddalena,+ u Marija omm Ġakbu, u Salomè xtraw il-fwejjaħ aromatiċi sabiex jiġu jidilkuh.+ 2 U kmieni fl-ewwel jum+ tal-ġimgħa, wara li kienet telgħet ix-xemx, ġew ħdejn il-qabar tat-tifkira.+ 3 U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla minn quddiem il-bieb tal-qabar?” 4 Imma meta ħarsu ’l fuq, raw li l-ġebla kienet ġiet imgerba, għalkemm kienet kbira ħafna.+ 5 Meta daħlu fil-qabar, raw żagħżugħ bil-qiegħda fuq il-lemin liebes libsa bajda, u nħasdu.+ 6 Qalilhom: “Tibqgħux maħsudin. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li sammruh maʼ zokk.+ Ġie mqajjem,+ mhux qiegħed hawnhekk. Ara! Il-post fejn poġġewh.+ 7 Imma morru, għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru, ‘Hu sejjer qabilkom fil-Galilija;+ tarawh hemmhekk, bħalma qalilkom.’”+ 8 U ħarġu maħrubin mill-qabar tat-tifkira, għax kienu maħkumin minn rogħda u emozzjoni qawwija. U ma qalu xejn lil ħadd, għax kienu mbeżżgħin.+
KONKLUŻJONI QASIRA
Xi manuskritti u verżjonijiet reċenti fihom konklużjoni qasira wara Marku 16:8, kif ġej:
Imma huma rrakkontaw fil-qosor lil dawk taʼ madwar Pietru kulma ġew kmandati. Ukoll, wara dan, Ġesù nnifsu bagħat permezz tagħhom mil-lvant sal-punent il-proklamazzjoni qaddisa li ma titħassarx tas-salvazzjoni taʼ dejjem.
KONKLUŻJONI TWILA
Ċerti manuskritti (Manuskritt Alessandrin, Manuskritt Efraemi, Manuskritt Bezae) u verżjonijiet (Vulgata Latina, Sirjaka Kuretonjana, Pexitta Sirjaka) antiki jżidu l-konklużjoni twila li ġejja, imma din titħalla barra mill-Manuskritt Sinajtiku, il-Manuskritt tal-Vatikan, il-manuskritt Sirjaku Sinajtiku, u l-Verżjoni Armenjana:
9 Wara li qam mill-imwiet kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa deher l-ewwel lil Marija l-Maddalena, li minnha kien keċċa sebaʼ demonji. 10 Hi marret u rrakkontat lil dawk li kienu jkunu miegħu, għax kienu qed jitnikktu u jibku. 11 Imma huma m’emmnux meta semgħu li kien reġaʼ ħa l-ħajja u li kienet ratu. 12 Iktar minn hekk, wara dan, deher b’sura oħra lil tnejn minnhom li kienu mexjin fi triqithom lejn il-kampanja; 13 u ġew lura u qalu lill-bqija. Iżda lanqas lil dawn m’emmnu. 14 Imma iktar tard deher lill-ħdax waqt li kienu mal-mejda, u ċanfarhom għan-nuqqas taʼ fidi tagħhom u għall-ebusija taʼ qalbhom, għax ma kinux emmnuhom lil dawk li issa kienu rawh imqajjem mill-imwiet. 15 U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw l-aħbar tajba lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed jiġi salvat, imma min ma jemminx jiġi kundannat. 17 Ukoll, se jkun hemm dawn is-sinjali maʼ dawk li jemmnu: F’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu bl-ilsna, 18 jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi ħaġa li ġġib il-mewt żgur ma tweġġagħhomx. Iqiegħdu idejhom fuq il-morda, u dawn ifiqu.”
19 Għalhekk, mela, wara li kellimhom, il-Mulej Ġesù ttieħed ’il fuq fis-sema u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin t’Alla. 20 Għaldaqstant huma ħarġu jippridkaw kullimkien, waqt li l-Mulej ħadem magħhom u appoġġa l-messaġġ permezz tas-sinjali li kienu jsiru.