Atti
10 Issa f’Ċesarija kien hemm wieħed raġel jismu Kornelju, fizzjal taʼ l-armata+ taʼ dak li kienu jgħidulu l-korp Taljan,+ 2 raġel devot+ li kellu l-biżaʼ+ t’Alla, hu u n-nies kollha taʼ daru. Kien jagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena lin-nies+ u kien kontinwament jitlob bil-ħerqa lil Alla.+ 3 Madwar id-disaʼ siegħa* tal-jum,+ kellu viżjoni+ li fiha ra b’mod ċar anġlu+ t’Alla dieħel għandu u jsejjaħlu: “Kornelju!” 4 Ir-raġel ħares fiss lejh u, maħkum mill-biżaʼ, qallu: “Dan x’inhu, Mulej?” Qallu: “It-talb+ u l-għotjiet taʼ ħniena tiegħek telgħu bħala tifkira quddiem Alla.+ 5 Għalhekk issa, ibgħat xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil ċertu Xmun li jismu wkoll Pietru. 6 Dan ir-raġel qed joqgħod għand ċertu Xmun, il-konzatur, li għandu dar ħdejn il-baħar.”+ 7 Malli telaq l-anġlu li kellmu, sejjaħ tnejn mill-qaddejja taʼ daru u suldat devot minn fost dawk li kienu dejjem għas-servizz tiegħu,+ 8 u rrakkontalhom kollox u bagħathom Ġaffa.+
9 L-għada, waqt li kienu fi triqithom resqin lejn il-belt, Pietru telaʼ fuq il-bejt+ madwar is-sitt siegħa* biex jitlob.+ 10 Imma qabdu ħafna ġuħ u ried jiekol. Waqt li kienu qed iħejju l-ikel, intilef f’estasi+ 11 u ra s-sema miftuħ+ u xi ħaġa nieżla qisha liżar kbir taʼ l-għażel li kien qed jitniżżel fuq l-art mill-erbat itruf tiegħu. 12 Fih kien hemm kull xorta taʼ ħlejjaq b’erbaʼ saqajn u annimali li jitkaxkru taʼ l-art u għasafar tas-sema.+ 13 U ġie leħen li qallu: “Qum, Pietru, oqtol u kul!”+ 14 Imma Pietru qal: “Żgur li le, Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa mniġġsa u mhux nadifa.”+ 15 U l-leħen reġaʼ kellmu għat-tieni darba: “Tibqax issejjaħ imniġġes+ dak li naddaf Alla.” 16 Dan seħħ għat-tielet darba, u minnufih dik il-ħaġa qisha liżar ittieħdet ’il fuq fis-sema.+
17 Issa, waqt li Pietru kien imħawwad għall-aħħar fih innifsu dwar x’setgħet tfisser il-viżjoni li kien ra, ara, l-irġiel mibgħutin minn Kornelju kienu staqsew għad-dar taʼ Xmun u kienu qegħdin ħdejn il-bieb.+ 18 U għajtu u staqsew jekk Xmun li kien jismu wkoll Pietru kienx qed joqgħod hemmhekk. 19 Hekk kif Pietru kien għadu jitħasseb dwar il-viżjoni, l-ispirtu+ qallu: “Ara! Tlett irġiel qed ifittxuk. 20 Għaldaqstant qum, inżel isfel, u mur magħhom, u tiddubita xejn, għax jien bgħatthom.”+ 21 Għalhekk, Pietru niżel isfel ħdejn l-irġiel u qalilhom: “Ara! Jien hu dak li qed tfittxu. Għala qegħdin preżenti hawnhekk?” 22 Qalulu: “Kornelju, fizzjal taʼ l-armata, raġel sewwa li jibżaʼ minn Alla+ u li l-ġens kollu tal-Lhud jitkellem tajjeb+ dwaru, ngħata istruzzjonijiet divini minn anġlu qaddis biex jibgħat għalik ħa tiġi f’daru u jismaʼ x’għandek x’tgħid.” 23 Għalhekk, daħħalhom ġewwa u laqagħhom.
L-għada qam u telaq magħhom, u xi aħwa minn Ġaffa marru miegħu. 24 Il-jum taʼ wara daħal Ċesarija. Naturalment, Kornelju kien qed jistenniehom u kien ġabar flimkien lil qrabatu u lil xi ħbieb tal-qalb. 25 X’ħin kien dieħel Pietru, Kornelju mar jilqgħu u nxteħet f’riġlejh. 26 Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum; jien bniedem ukoll.”+ 27 Hu u jitkellem miegħu daħal u sab ħafna nies miġburin, 28 u qalilhom: “Tafu tajjeb kemm hu kontra l-liġi li Lhudi jissieħeb maʼ xi ħadd taʼ razza oħra+ jew jersaq lejh; iżda Alla wrieni li m’għandi nsejjaħ lil ebda bniedem imniġġes jew mhux nadif.+ 29 Għalhekk ġejt bla tlaqliq meta talbuni niġi. Issa nixtieq inkun naf għala bgħattu għalija.”
30 Imbagħad Kornelju qallu: “Erbat ijiem ilu, jekk tgħodd minn din is-siegħa, kont qed nitlob f’dari fid-disaʼ siegħa,+ meta, ara, waqaf quddiemi raġel bi lbies jiddi+ 31 u qalli, ‘Kornelju, it-talba tiegħek intlaqgħet u Alla ftakar fl-għotjiet tiegħek taʼ ħniena.+ 32 Għalhekk, ibgħat lil xi ħadd Ġaffa biex iġib lil Xmun, li jismu wkoll Pietru.+ Dan ir-raġel qed joqgħod fid-dar taʼ Xmun, il-konzatur, ħdejn il-baħar.’+ 33 Għaldaqstant, jien mill-ewwel bgħatt għalik, u int għamilt sew li ġejt. U b’hekk issa ninsabu lkoll preżenti quddiem Alla biex nisimgħu kulma ordnalek tgħid Ġeħova.”+
34 Għal dan, Pietru fetaħ fommu u qal: “Tassew qed nifhem li Alla mhux parzjali,+ 35 imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.+ 36 Hu bagħat il-kelma+ lil ulied Israel biex ixandrilhom l-aħbar tajba tal-paċi+ permezz taʼ Ġesù Kristu: Dan hu l-Mulej taʼ kulħadd.+ 37 Intom tafu fuqiex kienu qed jitkellmu fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija wara l-magħmudija li ppriedka Ġwanni;+ 38 kif Alla dilek bl-ispirtu qaddis+ u bil-qawwa lil Ġesù, li kien minn Nazaret, u dan dar il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-Xitan,+ għax Alla kien miegħu.+ 39 U aħna xhieda taʼ kulma għamel kemm fil-pajjiż tal-Lhud u kemm f’Ġerusalemm; imma huma qatluh billi dendluh maʼ zokk.+ 40 Lil Dan, Alla qajmu fit-tielet jum u ma ppermettilux jidher+ 41 lil kulħadd, imma lil xhieda li Alla ħatar minn qabel,+ lilna li kilna u xrobna miegħu+ wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. 42 Ukoll, ordnalna nippridkaw+ lin-nies u nagħtu xiehda bir-reqqa li kien Hu li nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.+ 43 Dwaru jixhdu l-profeti kollha,+ li kulmin ipoġġi l-fidi fih jaqlaʼ l-maħfra taʼ dnubietu permezz taʼ ismu.”+
44 Waqt li Pietru kien għadu qed jgħid dan, niżel l-ispirtu qaddis fuq dawk kollha li kienu qed jisimgħu l-kelma.+ 45 U stagħġbu l-irġiel leali li kienu ġew maʼ Pietru u li kienu miċ-ċirkonċiżi, għax l-ispirtu qaddis, l-għotja b’xejn, kien qed jitferraʼ wkoll fuq in-nies tal-ġnus.+ 46 Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru lil Alla bil-kbir.+ Imbagħad Pietru qal: 47 “Jistaʼ xi ħadd iċaħħad lil dawn milli jitgħammdu bl-ilma+ la rċivew l-ispirtu qaddis saħansitra bħalna?” 48 B’dan ordnalhom jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu.+ Imbagħad talbuh jibqaʼ magħhom għal ftit jiem.