Atti
22 “Irġiel, aħwa+ u missirijiet, issa isimgħuni nagħmel id-difiża+ tiegħi.” 2 (Meta semgħuh ikellimhom bil-lingwa Ebrajka,+ iktar qagħdu kwieti, u hu qal:) 3 “Jien Lhudi,+ imwieled Tarsu taċ-Ċiliċja,+ imma mgħallem f’din il-belt f’riġlejn Gamaljel,+ istruwit biex inħares b’mod strett+ il-Liġi taʼ l-antenati, u jien żeluż+ għal Alla bħalkom ilkoll illum. 4 U jien ippersegwitajt għall-mewt din it-Triq,+ u rbatt u tfajt fil-ħabsijiet+ kemm irġiel u kemm nisa, 5 bħalma jistgħu jixhduli l-qassis il-kbir u l-assemblea kollha tax-xjuħ.+ Mingħandhom ħadt ukoll ittri+ għall-aħwa f’Damasku, u kont fi triqti biex anki lil dawk li kienu hemmhekk inġibhom marbutin Ġerusalemm biex jiġu kastigati.
6 “Imma kif kont qed nivvjaġġa u noqrob lejn Damasku, f’daqqa waħda, madwar nofsinhar, idda madwari dawl kbir mis-sema,+ 7 u waqajt fl-art u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?’+ 8 Wiġibt, ‘Min int, Mulej?’ U qalli, ‘Jien Ġesù n-Nazzarenu, li int qed tippersegwita.’+ 9 Issa l-irġiel li kienu miegħi+ rawh id-dawl imma ma semgħux il-leħen taʼ min kien qed ikellimni.+ 10 Għal dak il-kliem għedtlu, ‘X’għandi nagħmel,+ Mulej?’ Il-Mulej qalli, ‘Qum, mur Damasku, u hemmhekk jintqallek kulma hu deċiż li għandek tagħmel.’+ 11 Imma peress li ma stajt nara xejn minħabba l-glorja taʼ dak id-dawl, wasalt Damasku mmexxi minn id dawk li kienu miegħi.+
12 “Issa Ananija, wieħed raġel devot skond il-Liġi, u li dwaru jitkellmu tajjeb+ il-Lhud kollha li joqogħdu hemmhekk, 13 ġie għandi u qagħad bil-wieqfa ħdejja u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu lura d-dawl!’+ U ħarist ’il fuq lejh dak il-ħin stess. 14 U qalli, ‘L-Alla taʼ missirijietna+ għażlek+ biex issir taf ir-rieda tiegħu u tara+ lill-Ġust+ u tismaʼ leħen fommu,+ 15 għax int se tkun xhud tiegħu għall-bnedmin kollha taʼ dak li rajt u smajt.+ 16 U issa għala qed titnikker? Qum, tgħammed+ u aħsel+ dnubietek billi ssejjaħ ismu.’+
17 “Imma meta mort lura Ġerusalemm+ u kont qed nitlob fit-tempju, intlift f’estasi+ 18 u rajt lill-Mulej jgħidli, ‘Għaġġel u fittex oħroġ minn Ġerusalemm, għax m’humiex se jaqblu+ max-xiehda tiegħek dwari.’ 19 U jien għedtlu, ‘Mulej, huma stess jafu tajjeb li jien kont nixħet il-ħabs+ u nsawwat f’sinagoga wara l-oħra lil dawk li jemmnu fik;+ 20 u meta kien qed jixxerred demm Stiefnu,+ ix-xhud tiegħek, jien ukoll kont preżenti, napprova+ lil dawk li kienu qed joqtluh, waqt li qgħadtilhom għassa maʼ ħwejjiġhom.’ 21 Iżda hu qalli, ‘Mur, għax jien se nibagħtek għand ġnus ’il bogħod.’”+
22 Issa huma baqgħu jisimgħuh sa dan il-kliem, imbagħad għollew leħinhom u bdew jgħidu: “Neħħi lil dan ir-raġel mid-dinja, għax ma kienx jistħoqqlu jgħix!”+ 23 U peress li kienu qed jgħajtu u jitfgħu ħwejjiġhom ’l hemm u ’l hawn u jwaddbu t-trab fl-arja,+ 24 il-kmandant militari ordna li jinġieb fil-kwartieri tas-suldati u qal li kellu jiġi interrogat bis-swat biex ikun jaf eżatt għala kienu qed jgħajtu+ kontrih b’dan il-mod. 25 Imma meta kienu rabtuh biex jagħtuh bil-frosta, Pawlu qal lill-fizzjal taʼ l-armata li kien wieqaf hemmhekk: “Skond il-liġi, tistgħu ssawtu raġel Ruman+ li m’huwiex kundannat?” 26 Malli l-fizzjal taʼ l-armata semaʼ dan, mar għand il-kmandant militari u rrapportalu u qallu: “X’bi ħsiebek tagħmel? Għax dan ir-raġel Ruman.” 27 Għalhekk, il-kmandant militari resaq lejh u qallu: “Għidli, Int Ruman?”+ Hu qallu: “Iva.” 28 Il-kmandant militari wieġbu: “Jien xtrajt dawn id-drittijiet taʼ ċittadin b’kemxa flus ġmielha.” Qallu Pawlu: “U jien twilidt+ bihom.”
29 Għalhekk, l-irġiel li kienu se jinterrogawh bit-tortura warrbu minn ħdejh minnufih; u l-kmandant militari beżaʼ malli sar jaf li kien Ruman+ peress li kien rabtu.
30 Imbagħad l-għada, billi xtaq ikun jaf eżatt għala kien qed jiġi akkużat mil-Lhud, ħallu mill-irbit u ordna li jinġemgħu flimkien il-qassisin ewlenin u s-Sinedriju kollu. U niżżel lil Pawlu u qiegħdu f’nofshom.+