Ġożwè
2 Imbagħad Ġożwè bin Nun bagħat lil żewġt irġiel bil-moħbi minn Sittim+ bħala spiji, billi qal: “Morru araw l-art u ’l Ġeriko.” Għalhekk, marru u waslu fid-dar taʼ prostituta jisimha Raħab,+ u qagħdu hemmhekk. 2 U lis-sultan taʼ Ġeriko qalulu: “Ara! Xi rġiel minn ulied Israel daħlu hawnhekk dal-lejl biex jitkixxfu l-art.” 3 Għal dan, is-sultan taʼ Ġeriko bagħat għal Raħab, u qalilha: “Oħroġ lill-irġiel li ġew għandek, li ġew id-dar tiegħek, għax huma ġew jitkixxfu l-art kollha.”+
4 Sadanittant, il-mara kienet ħadet liż-żewġt irġiel u ħbiethom. U qalet: “Iva, l-irġiel tassew ġew għandi, u ma kontx naf minfejn kienu. 5 U meta mad-dlam ngħalaq il-bieb,+ l-irġiel ħarġu. Ma nafx fejn marru. Iġru warajhom malajr u tilħquhom.” 6 (Imma hi kienet tellgħethom fuq il-bejt,+ u żammithom moħbijin qalb ir-ringieli taʼ zkuk tal-kittien li kellha fuq il-bejt.) 7 U l-irġiel ġrew warajhom fid-direzzjoni tal-Ġordan fejn l-ilma kien baxx,+ u hekk kif ħarġu dawk li kienu qed jiġru warajhom ngħalaq il-bieb mill-ewwel.
8 U qabel l-irġiel setgħu jimteddu, hi telgħet ħdejhom fuq il-bejt 9 u qaltilhom: “Jien tassew naf li Ġeħova se jagħtikom l-art,+ u li waqaʼ fuqna l-biżaʼ minnkom,+ u li l-abitanti kollha tal-pajjiż għandhom qalbhom maqtugħa minħabba fikom.+ 10 Għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-Eġittu,+ u x’għamiltu liż-żewġ slaten taʼ l-Amurrin li kienu fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan, jiġifieri, Siħon+ u Għog,+ li lilhom intom qridtu għalkollox.*+ 11 Meta smajna dan qlubna bdew idubu,+ u ma kellniex l-ispirtu biex niqfulkom,+ għax Ġeħova Alla tagħkom hu Alla fis-smewwiet hemm fuq u fuq l-art hawn taħt.+ 12 U issa, jekk jogħġobkom, aħilfuli b’Ġeħova+ li, talli wrejt qalb tajba bl-imħabba magħkom, intom ukoll turu qalb tajba bl-imħabba man-nies taʼ dar missieri,+ u tridu tagħtuni sinjal taʼ min jafdah.+ 13 U tridu żżommu ħaj lil missieri+ u lil ommi u lil ħuti subien u bniet u lil dawk kollha li huma tagħhom, u eħilsulna ruħna mill-mewt.”+
14 Għal dan, l-irġiel qalulha: “Ħa mmutu aħna* minflokkom!+ Jekk ma tgħidu xejn b’din l-affari tagħna, irid iseħħ li meta Ġeħova jagħtina l-art, aħna wkoll nuru qalb tajba bl-imħabba u fedeltà magħkom.”+ 15 Wara dan, hi niżżlithom b’ħabel minn ġot-tieqa, għax id-dar tagħha kienet fuq naħa waħda tas-sur, u hi kienet toqgħod fuq is-sur.+ 16 U qaltilhom: “Morru lejn il-muntanji, biex dawk li qed jiġru warajkom ma jiltaqgħux magħkom; u ibqgħu moħbijin hemmhekk tlett ijiem, sakemm dawk li qed jiġru warajkom ikunu ġew lura, u wara tistgħu tmorru fi triqitkom.”
17 Min-naħa tagħhom l-irġiel qalulha: “Aħna ħelsin mill-ħtija rigward din il-ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu.+ 18 Ara! Aħna deħlin fl-art. U int għandek torbot din il-qafla tal-ħajt taʼ l-iskarlat fit-tieqa li niżżiltna minnha, u lil missierek u ’l ommok u ’l ħutek u lin-nies kollha taʼ dar missierek għandek tiġborhom miegħek fid-dar.+ 19 U jrid iseħħ li kulmin joħroġ mill-bibien taʼ darek fil-beraħ,+ demmu jkun fuq rasu, u aħna nkunu ħelsin mill-ħtija; u kulmin jibqaʼ miegħek fid-dar, demmu jkun fuq rasna jekk xi ħadd imidd idu fuqu. 20 U jekk tirrapporta din l-affari tagħna,+ aħna wkoll se nkunu nħlisna mill-ħtija rigward din il-ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu.” 21 Għal dan, hi qalet: “Ħa jseħħ skond kliemkom.”
U bagħtithom, u huma marru fi triqithom. Imbagħad hi rabtet il-qafla taʼ l-iskarlat fit-tieqa. 22 Għalhekk, huma telqu u waslu fil-muntanji u baqgħu jgħammru hemmhekk tlett ijiem, sakemm dawk li kienu qed jiġru warajhom kienu marru lura. Issa dawk li kienu qed jiġru warajhom fittxewhom f’kull triq, u ma sabuhomx. 23 U ż-żewġt irġiel niżlu mill-ġdid minn fuq il-muntanji u qasmu għan-naħa l-oħra u ġew għand Ġożwè bin Nun, u bdew jirrakkontawlu kulma kien ġralhom. 24 U qalu lil Ġożwè: “Ġeħova ta l-art kollha f’idejna.+ Għaldaqstant, l-abitanti kollha taʼ l-art għandhom qalbhom maqtugħa minħabba fina.”+