Imħallfin
1 U wara l-mewt+ taʼ Ġożwè, ulied Israel stħarrġu+ x’jgħid Ġeħova u qalu: “Min minna se jitlaʼ l-ewwel għall-Kangħanin biex jiġġieled kontrihom?” 2 Għal dan, Ġeħova qal: “Jitlaʼ Ġuda.+ Ara! Jien se nagħtih l-art f’idejh.” 3 Imbagħad Ġuda qal lil ħuh Simegħon: “Itlaʼ miegħi fit-territorju taʼ sehmi+ u niġġieldu kontra l-Kangħanin, u jien mill-banda l-oħra niġi miegħek fit-territorju taʼ sehmek.”+ Għaldaqstant, Simegħon mar miegħu.+
4 Għal dan, ulied Ġuda telgħu u Ġeħova tahom f’idejhom+ lill-Kangħanin u lill-Pereżin, u b’hekk għelbuhom f’Beżek, għaxart elef raġel. 5 Meta sabu lil Adoni-beżek f’Beżek, iġġildulu u għelbu lill-Kangħanin+ u lill-Pereżin.+ 6 Meta Adoni-beżek ħarab, huma marru jiġru warajh u qabduh u qatgħulu s-swabaʼ l-kbar taʼ idejh u taʼ saqajh. 7 Għal dan, Adoni-beżek qal: “Kien hemm sebgħin sultan bis-swabaʼ l-kbar taʼ idejhom u taʼ saqajhom maqtugħin jiġbru l-ikel taħt il-mejda tiegħi. Kif għamilt jien, hekk Alla ħallasni lura.”+ Wara dan, ġabuh Ġerusalemm+ u miet hemmhekk.
8 Iktar minn hekk, ulied Ġuda ggwerraw kontra Ġerusalemm+ u rebħuha, u ħabtu għaliha b’xifer is-sejf, u l-belt tawha n-nar. 9 U wara dan, ulied Ġuda niżlu jiġġieldu kontra l-Kangħanin li kienu joqogħdu fir-reġjun muntanjuż u fin-Negeb+ u fis-Sefela.+ 10 Għalhekk, ulied Ġuda marru għall-Kangħanin li kienu jgħammru f’Ħebron+ (li qabel kien jisimha Kirjat-arba),+ u qatlu lil Sesaj u lil Aħiman u lil Talmaj.+
11 U marru minn hemmhekk għall-abitanti taʼ Debir+ (li qabel kien jisimha Kirjat-sefer).+ 12 Imbagħad Kaleb+ qal: “Min jaħbat għal Kirjat-sefer u jirbaħha, ara, jien nagħtih lil binti Għaksa+ b’martu.”+ 13 U rebaħha Għotnijel+ bin Kenaż,+ ħu Kaleb, iżgħar minnu.+ Għalhekk, hu tah lil bintu Għaksa b’martu.+ 14 U ġara li waqt li kienet sejra d-dar, hi baqgħet tipprova ġġiegħlu jitlob għalqa mingħand missierha. Imbagħad waqt li kienet fuq il-ħmar ċapċpet idejha.*+ Għal dan, Kaleb qalilha: “Xi trid?” 15 Għalhekk, hi qaltlu: “Agħtini barka,+ għax tajtni biċċa art fin-nofsinhar, imma trid tagħtini lil Gullot-majm.” Għaldaqstant, Kaleb taha Gullot taʼ Fuq+ u Gullot t’Isfel.
16 U wlied il-Keni,+ il-kunjatu taʼ Mosè,+ telgħu mill-belt tas-siġar tal-palm+ maʼ wlied Ġuda lejn ix-xagħri taʼ Ġuda, li qiegħed lejn in-nofsinhar t’Għarad.+ Imbagħad telqu u bdew jgħammru man-nies.+ 17 Imma wlied Ġuda komplew sejrin maʼ wlied Simegħon ħuthom, u darbu lill-Kangħanin li kienu joqogħdu f’Sefat u ddedikawha għall-qerda.*+ B’hekk, il-belt semmewha Ħorma.*+ 18 Wara dan, Ġuda ħataf lil Gaża+ u t-territorju tagħha u lil Askelon+ u t-territorju tagħha u lil Għekron+ u t-territorju tagħha. 19 U Ġeħova baqaʼ maʼ Ġuda, u b’hekk dan ħa f’idejh ir-reġjun muntanjuż, imma ma rnexxilux jieħu l-proprjetà taʼ l-abitanti tal-pjanura l-baxxa, għax kellhom karrijiet tal-gwerra+ armati bi xfafar tal-ħadid.+ 20 Meta lil Kaleb tawh Ħebron, sewwasew bħalma kien wiegħed Mosè,+ hu keċċa lit-tliet ulied t’Għanak minn hemmhekk.+
21 U wlied Benjamin ma keċċewx lill-Ġebusin li kienu joqogħdu Ġerusalemm;+ imma l-Ġebusin għadhom jgħammru maʼ wlied Benjamin f’Ġerusalemm sa llum.+
22 Sadanittant, dar Ġużeppi+ wkoll telgħet kontra Betel,+ u Ġeħova kien magħhom.+ 23 U dar Ġużeppi marret titkixxef+ lil Betel (li qabel kien jisimha Luż),+ 24 u l-ispiji raw raġel ħiereġ mill-belt. Għalhekk, qalulu: “Urina, jekk jogħġbok, minfejn nidħlu fil-belt, u aħna żgur nuruk qalb tajba.”+ 25 Għaldaqstant, ir-raġel uriehom minfejn jidħlu fil-belt; u huma ħabtu għall-belt b’xifer is-sejf,+ imma lir-raġel u lill-familja kollha tiegħu ħallewhom jitilqu.+ 26 Wara dan, ir-raġel mar lejn l-art tal-Ħittin+ u bena belt u semmieha Luż. Hekk għadu jisimha sa llum.
27 U Manasse+ ma ħax f’idejh lil Bet-segħan+ u l-bliet li jiddependu minnha u lil Tagħnak+ u l-bliet li jiddependu minnha u lill-abitanti taʼ Dor+ u l-bliet li jiddependu minnha u lill-abitanti taʼ Iblegħam+ u l-bliet li jiddependu minnha u lill-abitanti taʼ Megiddo+ u l-bliet li jiddependu minnha, imma l-Kangħanin riedu bilfors jibqgħu jgħammru f’din l-art.+ 28 U ġara li Israel sar b’saħħtu+ u għabba lill-Kangħanin b’xogħol forzat,+ iżda ma keċċihomx ’il barra għalkollox.+
29 Lanqas Efrajm ma keċċa lill-Kangħanin li kienu jgħammru f’Geżer, imma l-Kangħanin baqgħu jgħammru fosthom f’Geżer.+
30 Żebulun+ ma keċċiex lill-abitanti taʼ Kitron u lill-abitanti taʼ Naħalol,+ imma l-Kangħanin baqgħu jgħammru fosthom+ u ġew imġegħlin jagħmlu xogħol forzat.+
31 Aser+ ma keċċiex lill-abitanti t’Għakko* u lill-abitanti taʼ Sidon+ u Aħlab u Akżib+ u Ħelba u Afik+ u Reħob.+ 32 U l-Aserin baqgħu jgħammru fost il-Kangħanin li kienu joqogħdu f’din l-art, għax ma keċċewhomx ’il barra.+
33 Naftali+ ma keċċiex lill-abitanti taʼ Bet-xemex u lill-abitanti taʼ Bet-għanat,+ imma baqgħu jgħammru fost il-Kangħanin li kienu joqogħdu f’din l-art;+ u l-abitanti taʼ Bet-xemex u taʼ Bet-għanat saru tagħhom biex jagħmlu xogħol forzat.+
34 U l-Amurrin baqgħu jrossu lil ulied Dan+ għal ġor-reġjun muntanjuż, għax ma ħallewhomx jinżlu fil-pjanura l-baxxa.+ 35 Għalhekk, l-Amurrin riedu bilfors jibqgħu jgħammru fuq il-Muntanja Heres u f’Ajjalon+ u Sagħlbim.+ Imma id id-dar taʼ Ġużeppi tant tqalet li ġew sforzati jagħmlu xogħol iebes.+ 36 U t-territorju taʼ l-Amurrin kien mit-telgħa t’Għakrabbim,+ minn Sela ’l fuq.