Imħallfin
14 U Sansun niżel Timna+ u ra mara f’Timna mill-ulied bniet tal-Filistin. 2 Għalhekk, telaʼ u qal b’dan lil missieru u lil ommu u qalilhom: “Rajt mara f’Timna mill-ulied bniet tal-Filistin, u issa ħuduhieli b’marti.”+ 3 Imma missieru u ommu qalulu: “M’hemmx mara fost l-ulied bniet taʼ ħutek u fost il-poplu kollu tiegħi,+ biex se tieħu mara mill-Filistin li m’humiex ċirkonċiżi?”+ Xorta waħda Sansun qal lil missieru: “Lilha ħudli, għax f’għajnejja hi l-waħda adattata għalija.” 4 Min-naħa tagħhom, missieru u ommu ma kinux jafu li dan kien minn Ġeħova,+ li kien qed ifittex opportunità kontra l-Filistin, billi f’dak iż-żmien partikulari l-Filistin kienu jaħkmu fuq Israel.+
5 Fi qbil maʼ dan, Sansun niżel Timna+ maʼ missieru u ommu. Meta wasal ħdejn l-għelieqi tad-dwieli taʼ Timna, ara, kien hemm iljun b’saħħtu li malli ltaqaʼ miegħu beda jgħajjat. 6 Imbagħad l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu,+ u b’hekk hu ċarrtu fi tnejn, qisu meta xi ħadd iċarrat gidi fi tnejn, u ma kellu xejn f’idu. U lil missieru u lil ommu ma qalilhomx x’kien għamel. 7 U hu kompla nieżel u kellem lill-mara; u f’għajnejn Sansun hi kienet għadha l-mara adattata għalih.+
8 Issa wara ftit taż-żmien mar lura biex jiħodha d-dar.+ U lewa biex jara l-iljun mejjet, u fil-ġisem mejjet taʼ l-iljun kien hemm qatgħa kbira naħal u għasel.+ 9 Għalhekk, laqqtu fil-pali taʼ idejh u kompla miexi, jimxi u jiekol.+ Meta reġaʼ ngħaqad maʼ missieru u ommu, minnufih tahom ftit, u bdew jieklu. U ma qalilhomx li kien laqqat l-għasel mill-ġisem mejjet taʼ l-iljun.
10 U missieru kompla nieżel għal għand il-mara, u Sansun għamel ikla kbira hemmhekk;+ għax hekk kienu jagħmlu ż-żgħażagħ. 11 U ġara li, malli rawh, tawh tletin raġel biex jissieħbu miegħu bħala l-għarus u jibqgħu miegħu. 12 Imbagħad Sansun qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħa nippreżentalkom ħaġa moħġaġa.+ Jekk tassew tkunu kapaċi tgħiduhieli matul is-sebat ijiem+ taʼ l-ikla u ssolvuha, f’dak il-każ jien ikolli nagħtikom tletin libsa li jintlibsu minn taħt u tletin tibdila ħwejjeġ.+ 13 Imma jekk ma tkunux kapaċi tgħiduhieli, intom tridu tagħtuni tletin libsa li jintlibsu minn taħt u tletin tibdila ħwejjeġ.” Għal dan, qalulu: “Ippreżenta l-ħaġa moħġaġa tiegħek ħa nisimgħuha.” 14 Għalhekk, qalilhom:
“Mill-wikkiel+ ħarġet xi ħaġa li tittiekel,
U mill-wieħed b’saħħtu ħarġet xi ħaġa ħelwa.”+
U ma rnexxilhomx jgħidu x’inhi l-ħaġa moħġaġa għal tlett ijiem. 15 U ġara fir-rabaʼ jum li bdew jgħidu lil mart Sansun: “Qarraq b’żewġek ħa jgħidilna l-ħaġa moħġaġa.+ Inkella naħarqu lilek u lil dar missierek bin-nar.+ Jaqaw biex tiħdulna ġidna+ stidintuna hawnhekk?” 16 Għaldaqstant, mart Sansun bdiet tibkilu+ u tgħid: “Int tobgħodni, iva, u ma tħobbnix.+ Ippreżentajt ħaġa moħġaġa lil ulied il-poplu tiegħi,+ imma lili m’għedtlix x’inhi.” Għal dan, qalilha: “Iva, lanqas ’il missieri u ’l ommi stess m’għedt x’inhi,+ u sejjer ngħidha lilek?” 17 Imma hi baqgħet tibkilu tul is-sebat ijiem li damet l-ikla kbira tagħhom, u ġara fis-sebaʼ jum li fl-aħħar qalilha x’kienet, għax kienet għamlitlu pressjoni.+ Imbagħad hi qalet il-ħaġa moħġaġa lil ulied il-poplu tagħha.+ 18 Għalhekk, l-irġiel tal-belt qalulu fis-sebaʼ jum qabel laħaq daħal fil-kamra taʼ ġewwa:+
“X’inhu iktar ħelu mill-għasel,
U x’inhu iktar b’saħħtu minn iljun?”+
U hu qalilhom:
“Kieku ma ħrattux bil-baqra żgħira tiegħi,+
Ma kontux issolvu l-ħaġa moħġaġa tiegħi.”+
19 U l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu,+ u b’hekk hu niżel Askelon+ u qatel tletin raġel minn hemmhekk u ħa dak li neżżgħalhom u ta t-tibdiliet tal-ħwejjeġ lil dawk li qalu x’kienet il-ħaġa moħġaġa.+ U r-rabja tiegħu kompliet tisħon, u telaʼ lejn dar missieru.
20 U mart+ Sansun saret taʼ wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħu bħala l-għarus.+