1 Samwel
24 U ġara li, malli Sawl ġie lura milli jiġri wara l-Filistin,+ ġew jagħtuh l-aħbar u jgħidulu: “Ara! David qiegħed fix-xagħri t’Għajn-gedi.”+
2 U Sawl ħa tlett elef raġel magħżulin+ minn Israel kollu u mar ifittex lil David+ u l-irġiel tiegħu fuq il-blat għeri tal-mogħoż tal-muntanja.+ 3 Sa fl-aħħar ġie ħdejn l-imqawel tal-ġebel li kienu jintużaw għan-nagħaġ u li kienu tul it-triq, fejn kien hemm għar. Għalhekk, Sawl daħal fih biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu,+ waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu f’partijiet oħra taʼ l-għar+ fuq ġewwanett, bil-qiegħda. 4 U l-irġiel taʼ David qalulu: “Hawn hu l-jum li fih Ġeħova qed jgħidlek, ‘Ara! Qed nagħtik f’idek l-għadu tiegħek,+ u agħmillu dak li jidhirlek li hu tajjeb f’għajnejk.’”+ Għalhekk, David qam u nkiss inkiss qataʼ tarf il-libsa bla kmiem taʼ Sawl. 5 U ġara li mbagħad qalb David bdiet tħabbtu+ talli kien qataʼ tarf il-libsa taʼ Sawl. 6 Għalhekk, hu qal lill-irġiel tiegħu: “Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-ħarsa taʼ Ġeħova, li nagħmel ħaġa bħal din lil sidi, il-midluk+ taʼ Ġeħova, billi mmidd idi fuqu, għax hu l-midluk taʼ Ġeħova.”+ 7 Għaldaqstant, David b’dan il-kliem bagħat lill-irġiel tiegħu, u ma ħallihomx iqumu għal Sawl.+ U Sawl qam u ħareġ mill-għar u baqaʼ sejjer fi triqtu.
8 Għalhekk, David imbagħad qam u ħareġ mill-għar u sejjaħ lil Sawl u qallu: “Sidi+ s-sultan!” Għal dan, Sawl ħares warajh, u David miel u nxteħet wiċċu fl-art.+ 9 U David issokta jgħid lil Sawl: “Għala tismaʼ minn kliem il-bniedem,+ li jgħid, ‘Ara! David qed jipprova jweġġgħek’? 10 Ara! Dan il-jum għajnejk raw kif Ġeħova llum tak f’idi ġo l-għar; u xi ħadd qalli biex noqtlok,+ imma jien iddispjaċieni għalik u għedt, ‘Ma mmidx idi fuq sidi, għax hu l-midluk+ taʼ Ġeħova.’ 11 U, ara, missieri,+ iva, ara tarf il-libsa tiegħek f’idi, għax meta qtajt tarf il-libsa tiegħek ma qtiltekx. Kun af u ara li m’hemm ebda ħażen+ jew irvell f’idi, u ma dnibtx kontrik, waqt li int lest għalija biex tiħodli ħajti.+ 12 Jalla Ġeħova jiġġudika bejni u bejnek;+ u Ġeħova jagħmel vendetta+ minnek għalija, imma jien ma nerfax idi fuqek.+ 13 Bħalma jgħid il-proverbju tan-nies tal-qedem, ‘Mill-ħżiena ħażen joħroġ,’+ imma jien ma nerfax idi fuqek. 14 Wara min ħareġ is-sultan taʼ Israel? Wara min qed tiġri? Wara kelb mejjet?+ Wara bergħud wieħed?+ 15 U Ġeħova jkun l-imħallef, u hu jiġġudika bejni u bejnek, u hu jara u jmexxi l-kawża legali+ għalija u jiġġudikani biex jeħlisni minn idek.”
16 U ġara li, malli David temm jgħid dan il-kliem lil Sawl, Sawl qal: “Dan leħnek, ibni David?”+ U Sawl għolla leħnu u beka.+ 17 U ssokta jgħid lil David: “Int iktar ġust minni,+ għax int għamiltli l-ġid,+ u jien għamiltlek id-deni. 18 U int—int għedt illum x’ġid għamilt miegħi għaliex Ġeħova tani f’idek+ u int ma qtiltnix. 19 Issa jekk raġel isib l-għadu tiegħu, se jħallih imur fi triqtu bis-sliem?+ Għalhekk, Ġeħova stess se jippremjak bil-ġid,+ minħabba l-fatt li llum int għamiltu miegħi. 20 U issa, ara, jien naf tajjeb li int żgur li għad issaltan,+ u li f’idek is-saltna taʼ Israel tibqaʼ fis-sod. 21 Għalhekk, issa, aħlifli b’Ġeħova+ li ma teqridx lil nisli warajja u li ma ġġibx fix-xejn lil ismi minn dar missieri.”+ 22 Għaldaqstant, David ħalef lil Sawl, u mbagħad Sawl telaq lejn daru.+ U David u l-irġiel tiegħu telgħu f’post diffiċli biex jintlaħaq.+