Atti
16 U wasal Derbe u mbagħad Listra.+ U, ara! Kien hemm dixxiplu jismu Timotju,+ bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg, 2 u l-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru. 3 Pawlu esprima x-xewqa li dan ir-raġel imur miegħu, u ħadu u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni+ minħabba l-Lhud taʼ dawk l-inħawi, għax kulħadd kien jaf li missieru kien Grieg. 4 Issa fil-bliet li kienu jgħaddu minnhom kienu jagħtu lil dawk t’hemmhekk id-digrieti li kienu ġew deċiżi mill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex josservawhom.+ 5 Għalhekk, tabilħaqq, il-kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-fidi+ u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.
6 Imbagħad għaddew mill-Friġja u mill-art tal-Galazja,+ għax l-ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-kelma fid-distrett taʼ l-Asja. 7 Ukoll, meta niżlu l-Misja pprovaw imorru l-Bitinja,+ imma l-ispirtu taʼ Ġesù ma ppermettilhomx. 8 Għalhekk, qabżu l-Misja u niżlu Troas.+ 9 U matul il-lejl Pawlu kellu viżjoni:+ ra raġel mill-Maċedonja* bil-wieqfa, jitolbu bil-ħrara u jgħidlu: “Għaddi l-Maċedonja u għinna.” 10 U malli ra l-viżjoni, fittixna mmorru l-Maċedonja,+ għax ikkonkludejna li Alla kien sejħilna biex inxandrulhom l-aħbar tajba.
11 Għalhekk, tlaqna bil-baħar minn Troas u ġejna dritt lejn Samotraċja, u l-għada wasalna Neapoli, 12 u minn hemmhekk morna Filippi,+ li hi kolonja u l-belt prinċipali tad-distrett tal-Maċedonja.+ Bqajna f’din il-belt, u qattajna xi jiem hemmhekk. 13 U f’jum is-Sabat ħriġna mill-bieb tal-belt u morna ħdejn xmara, fejn ħsibna li kien hemm post tat-talb; u qgħadna bil-qiegħda u bdejna nkellmu lin-nisa li kienu nġemgħu. 14 U waħda mara jisimha Lidja, bejjiegħa tal-porpra mill-belt taʼ Tjatira+ u aduratriċi t’Alla, kienet qed tismaʼ, u Ġeħova fetħilha qalbha+ beraħ biex taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu. 15 Imbagħad, meta tgħammdu+ hi u n-nies taʼ darha, hi qaltilna bil-ħrara: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova, idħlu u oqogħdu f’dari.”+ U ġegħlitna noqogħdu għandha.+
16 U ġara li aħna u sejrin lejn il-post tat-talb, iltaqgħet magħna waħda qaddejja li kellha spirtu,+ demonju tat-teħbir.+ Lis-sidien tagħha kienet tipprovdilhom ħafna qligħ+ billi tipprattika l-arti tat-tbassir. 17 Din it-tfajla baqgħet ġejja wara Pawlu u warajna, tgħajjat+ u tgħid: “Dawn l-irġiel huma lsiera t’Alla l-Iktar Għoli, li qed ixandrulkom it-triq tas-salvazzjoni.” 18 U baqgħet sejra hekk għal bosta jiem. Fl-aħħar, Pawlu ddejjaq+ u dar u qal lill-ispirtu: “Nordnalek f’isem Ġesù Kristu li toħroġ minnha.”+ U ħareġ dak il-ħin stess.+
19 U x’ħin is-sidien tagħha raw li kienet spiċċatilhom it-tama għall-qligħ,+ qabdu lil Pawlu u lil Sila u kaxkruhom lejn is-suq għand il-ħakkiema,+ 20 u ressquhom quddiem l-amministraturi ċivili u qalulhom: “Dawn l-irġiel qed ifixklu+ ferm lill-belt tagħna, għax huma Lhud 21 u qed ixandru drawwiet+ li skond il-liġi tagħna, bħala Rumani, ma nistgħux naċċettawhom jew nipprattikawhom.” 22 U l-folla qamet għalihom; u l-amministraturi ċivili, wara li qattgħulhom ħwejjiġhom minn fuqhom, ordnaw li jsawtuhom bil-bsaten.+ 23 Wara li tawhom ħafna daqqiet,+ tefgħuhom il-ħabs u ordnaw lill-kalzrier biex jagħmlilhom għassa stretta.+ 24 Minħabba din l-ordni, tefagħhom fil-ħabs taʼ ġewwa+ u rabtilhom saqajhom fil-qjud.+
25 Għall-ħabta taʼ nofsillejl,+ Pawlu u Sila kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant,+ u l-ħabsin kienu qed jisimgħuhom. 26 F’daqqa waħda seħħ terremot qawwi, tant li l-pedament tal-ħabs theżżeż. Minnufih infetħu l-bibien kollha, u nħall l-irbit taʼ kulħadd.+ 27 Il-kalzrier qam u, x’ħin ra li l-bibien tal-ħabs kienu miftuħin, silet is-sejf u kien se joqtol lilu nnifsu,+ għax immaġina li l-ħabsin kienu ħarbu.+ 28 Imma Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu: “Tagħmilx ħsara lilek innifsek,+ għax aħna kollha qegħdin hawnhekk!” 29 Għalhekk, qal lil xi ħadd iġiblu d-dawl u daħal jiġri ġewwa u, jitriegħed bil-biżaʼ, inxteħet+ quddiem Pawlu u Sila. 30 U ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel+ biex niġi salvat?” 31 Qalulu: “Emmen fil-Mulej Ġesù u tiġi salvat,+ int u n-nies taʼ darek.”+ 32 U xandrulu l-kelma taʼ Ġeħova, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru.+ 33 U ħadhom miegħu f’dik is-siegħa tal-lejl u ħaslilhom il-feriti; imbagħad hu u n-nies kollha taʼ daru tgħammdu+ bla dewmien. 34 U daħħalhom f’daru u ħejja mejda quddiemhom, u feraħ ħafna man-nies kollha taʼ daru issa li kien emmen f’Alla.
35 Meta sebaħ, l-amministraturi ċivili+ bagħtu lill-uffiċjali biex jgħidulu: “Eħles lil dawk l-irġiel.” 36 Għaldaqstant, il-kalzrier qal lil Pawlu x’kienu qalulu: “L-amministraturi ċivili bagħtu lil xi rġiel biex jeħilsukom. Għalhekk, oħorġu u morru fil-paċi.” 37 Imma Pawlu qalilhom: “Sawtuna pubblikament mingħajr ma konna kundannati, lilna li aħna Rumani,+ u tefgħuna l-ħabs; u jridu issa jitfgħuna ’l barra bil-moħbi? Dażgur li le! Ħa jiġu huma stess joħorġuna.” 38 Imbagħad l-uffiċjali qalu dan il-kliem lill-amministraturi ċivili. Dawn beżgħu meta semgħu li l-irġiel kienu Rumani.+ 39 Għaldaqstant ġew u talbuhom bil-ħrara u, wara li ħarġuhom, qalulhom biex jitilqu mill-belt. 40 U ħarġu mill-ħabs u marru għand Lidja, u meta raw lill-aħwa, inkuraġġewhom+ u telqu.