Eżodu
26 “U t-tabernaklu għandek tagħmlu b’għaxar biċċiet drapp tat-tined,+ taʼ l-għażel fin mibrum u ħajt blu u suf miżbugħ vjola ħamrani u materjal lewn l-iskarlat.*+ Tagħmilhom bil-kerubini+ rrakkmati, ix-xogħol taʼ wieħed tas-sengħa. 2 It-tul taʼ kull biċċa drapp tat-tined hu tmienja u għoxrin kubitu u l-wisaʼ taʼ kull biċċa drapp hi erbaʼ kubiti. Hemm qjies wieħed għalihom kollha.+ 3 Ħames biċċiet drapp tat-tined għandhom jifformaw sezzjoni bi drapp imġonġi wieħed maʼ l-ieħor, u ħamsa oħra f’sezzjoni bi drapp imġonġi wieħed maʼ l-ieħor.+ 4 U agħmel anelli tal-ħajt blu fit-tarf taʼ wieħed mid-drappijiet tat-tined fejn tispiċċa s-sezzjoni; u għandek tagħmel l-istess f’tarf id-drapp tat-tarfnett fil-post l-ieħor fejn jingħaqdu ż-żewġ sezzjonijiet.+ 5 Tagħmel ħamsin anella fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u tagħmel ħamsin anella f’tarf id-drapp li qiegħed fil-post l-ieħor fejn jingħaqdu ż-żewġ sezzjonijiet, u b’hekk l-anelli jkunu faċċata taʼ xulxin.+ 6 U agħmel ħamsin ganċ tad-deheb u ġonġi d-drappijiet tat-tined wieħed maʼ l-ieħor permezz tal-ganċijiet, u t-tabernaklu jsir ħaġa waħda.+
7 “U agħmel biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż+ għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Tagħmel ħdax-il biċċa drapp tat-tined. 8 It-tul taʼ kull biċċa drapp hu tletin kubitu,+ u l-wisaʼ taʼ kull biċċa drapp hi erbaʼ kubiti. Hemm qjies wieħed għall-ħdax-il biċċa drapp tat-tined. 9 U ġonġi ħames biċċiet drapp għalihom u s-sitta l-oħra għalihom,+ u itwi min-nofs is-sitt waħda fuq il-quddiemnett tat-tinda. 10 U agħmel ħamsin anella fit-tarf taʼ drapp wieħed, dak tat-tarfnett fis-sezzjoni, u ħamsin anella fit-tarf tad-drapp fil-post l-ieħor fejn jingħaqdu ż-żewġ sezzjonijiet. 11 U agħmel ħamsin ganċ tar-ram aħmar+ u poġġi l-ganċijiet fl-anelli u ġonġi t-tinda flimkien, u din issir ħaġa waħda.+ 12 U dak li jifdal mid-drappijiet tat-tined jibqaʼ mdendel. Nofs id-drapp li jifdal irid jiddendel għal fuq il-wara tat-tabernaklu. 13 U l-kubitu taʼ naħa u l-kubitu tan-naħa l-oħra minn dak li jifdal fit-tul tad-drappijiet jiddendlu għal fuq il-ġnub tat-tabernaklu, biex jgħattuh fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra.
14 “U agħmel għata għat-tinda mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u għata tal-ġlud tal-bumerin fuqnett.
15 “U agħmel twavel* weqfin għall-qafas+ tat-tabernaklu mill-injam taʼ l-akaċja. 16 It-tul taʼ tavla jkun għaxar kubiti, u kull tavla tkun wiesgħa kubitu u nofs. 17 Kull tavla jkollha żewġ minċotti mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għandek tagħmel bit-twavel kollha tal-qafas tat-tabernaklu. 18 U agħmel it-twavel tal-qafas għat-tabernaklu, għoxrin tavla għall-ġenb li jħares lejn in-Negeb, lejn in-nofsinhar.
19 “U tagħmel erbgħin pedestall+ bl-ingast tal-fidda taħt l-għoxrin tavla; żewġ pedestalli bl-ingast taħt tavla waħda biż-żewġ minċotti tagħha, u żewġ pedestalli bl-ingast taħt it-tavla l-oħra biż-żewġ minċotti tagħha. 20 U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tat-tramuntana, għoxrin tavla,+ 21 u l-erbgħin pedestall bl-ingast tal-fidda tagħhom, żewġ pedestalli bl-ingast taħt tavla waħda u żewġ pedestalli bl-ingast taħt it-tavla l-oħra.+ 22 U għan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu lejn il-punent tagħmel sitt twavel.+ 23 U tagħmel żewġ twavel bħala pilastri għall-kantunieri tat-tabernaklu+ fuq iż-żewġ naħat taʼ wara tiegħu. 24 U għandhom ikunu doppji n-naħa t’isfel, u jibqgħu telgħin pariġġ xulxin san-naħa taʼ fuq fejn jingħaqdu flimkien fl-ewwel ħolqa. Hekk għandu jsir għat-tnejn li huma. Dawn iservu bħala żewġ pilastri tal-kantunieri. 25 U jkun hemm tmien twavel u l-pedestalli bl-ingast tal-fidda tagħhom, sittax-il pedestall, żewġ pedestalli bl-ingast taħt tavla waħda u żewġ pedestalli bl-ingast taħt it-tavla l-oħra.
26 “U agħmel traversi mill-injam taʼ l-akaċja,+ ħamsa għat-twavel taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 27 u ħames traversi għat-twavel tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu u ħames traversi għat-twavel tal-ġenb tat-tabernaklu għaż-żewġ naħat taʼ wara lejn il-punent.+ 28 U t-traversa tan-nofs fin-nofs tat-twavel tgħaddi minn tarf sa tarf.
29 “U tiksi t-twavel bid-deheb,+ u l-ħoloq tagħhom tagħmilhom tad-deheb bħala appoġġ għat-traversi; u tiksi t-traversi bid-deheb. 30 U waqqaf it-tabernaklu skond il-pjanta tiegħu kif intwerielek fuq il-muntanja.+
31 “U agħmel purtiera+ minn ħajt blu u suf miżbugħ vjola ħamrani u materjal lewn l-iskarlat u għażel fin mibrum. Issir bil-kerubini+ rrakkmati, ix-xogħol taʼ wieħed tas-sengħa. 32 U qegħedha fuq erbaʼ kolonni taʼ l-akaċja miksijin bid-deheb. Il-kavilji tagħhom huma tad-deheb. Qegħdin fuq erbaʼ pedestalli bl-ingast tal-fidda. 33 U poġġi l-purtiera taħt il-ganċijiet u ġib l-arka tat-testimonjanza+ hemmhekk ’il ġewwa mill-purtiera; u l-purtiera tifirdilkom il-Qaddis+ mill-Iktar Qaddis.*+ 34 U qiegħed l-għatu fuq l-arka tat-testimonjanza fl-Iktar Qaddis.
35 “U qiegħed il-mejda ’l barra mill-purtiera, u l-gandlier+ faċċata tal-mejda fil-ġenb tat-tabernaklu lejn in-nofsinhar; u l-mejda tpoġġiha fin-naħa tat-tramuntana. 36 U agħmel purtiera+ għad-daħla tat-tinda minn ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum, ix-xogħol taʼ nissieġ. 37 U għall-purtiera tad-daħla agħmel ħames kolonni taʼ l-akaċja u iksihom bid-deheb. Il-kavilji tagħhom huma tad-deheb. U agħmlilhom ħames pedestalli bl-ingast mir-ram aħmar imdewweb.