Eżodu
27 “U agħmel l-artal mill-injam taʼ l-akaċja, it-tul tiegħu ħames kubiti u l-wisaʼ tiegħu ħames kubiti. L-artal+ għandu jkun kwadru, u l-għoli tiegħu jkun tliet kubiti. 2 U agħmel il-qrun tiegħu+ fuq l-erbaʼ kantunieri tiegħu. Il-qrun tiegħu joħorġu minnu, u iksih bir-ram aħmar.+ 3 U agħmillu r-reċipjenti biex tnaddaf l-irmied bix-xaħam* minn fuqu, il-pali tiegħu, l-iskutelli tiegħu, il-frieket tiegħu, u r-reċipjenti għall-ġamar tiegħu; u tagħmel l-għodod kollha tiegħu tar-ram aħmar.+ 4 U agħmillu gradilja, xibka+ tar-ram aħmar; u fuq ix-xibka agħmel erbaʼ ħolqiet tar-ram aħmar fl-erbaʼ kantunieri tagħha. 5 U poġġiha taħt ix-xifer taʼ l-artal minn ġewwa, u x-xibka trid tasal sa nofs l-għoli taʼ l-artal.+ 6 U agħmel lasti għall-artal, u l-lasti tiegħu jkunu taʼ l-injam taʼ l-akaċja, u iksihom bir-ram aħmar.+ 7 U l-lasti tiegħu tgħaddihom minn ġol-ħoloq, u l-lasti jridu jkunu fuq iż-żewġt iġnub taʼ l-artal meta jinġarr.+ 8 Tagħmlu forma taʼ kaxxa tat-twavel, vojt minn ġewwa. Bħalma ntwerielek fuq il-muntanja, hekk irid isir.+
9 “U agħmel il-bitħa+ tat-tabernaklu. Għan-naħa tan-Negeb, lejn in-nofsinhar, il-bitħa għandha purtieri taʼ l-għażel fin mibrum,+ u t-tul taʼ naħa waħda hu mitt kubitu. 10 U l-għoxrin pilastru tagħha u l-għoxrin pedestall bl-ingast tagħhom huma tar-ram aħmar. Il-kavilji tal-pilastri u l-irbit tagħhom huma tal-fidda.+ 11 Hekk, ukoll, għan-naħa tat-tramuntana f’dak li hu tul, il-purtieri huma twal mitt kubitu, u l-għoxrin pilastru tagħha u l-għoxrin pedestall bl-ingast tagħhom huma tar-ram aħmar, u l-kavilji tal-pilastri u l-irbit tagħhom huma tal-fidda.+ 12 U għall-wisaʼ tal-bitħa, in-naħa tal-punent il-purtieri huma twal ħamsin kubitu, il-pilastri tagħhom huma għaxra u l-pedestalli bl-ingast tagħhom għaxra.+ 13 U l-wisaʼ tal-bitħa, in-naħa tal-lvant lejn tlugħ ix-xemx, hi ħamsin kubitu.+ 14 U naħa waħda hemm ħmistax-il kubitu taʼ purtieri, il-pilastri tagħhom huma tlieta u l-pedestalli bl-ingast tagħhom tlieta.+ 15 U n-naħa l-oħra hemm ħmistax-il kubitu taʼ purtieri, il-pilastri tagħhom huma tlieta u l-pedestalli bl-ingast tagħhom tlieta.+
16 “U għall-bieb tal-bitħa hemm purtiera tad-daħla twila għoxrin kubitu, tal-ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat,* u għażel fin mibrum, ix-xogħol taʼ nissieġ,+ u l-pilastri tagħhom huma erbgħa u l-pedestalli bl-ingast tagħhom erbgħa.+ 17 Il-pilastri kollha tal-bitħa dawramejt għandhom irbit tal-fidda, u l-kavilji tagħhom huma tal-fidda imma l-pedestalli bl-ingast tagħhom tar-ram aħmar.+ 18 It-tul tal-bitħa hu mitt kubitu,+ u l-wisaʼ ħamsin kubitu, u l-għoli tal-purtieri taʼ l-għażel fin mibrum hu ħames kubiti, u l-pedestalli bl-ingast tagħhom huma tar-ram aħmar. 19 U l-għodod kollha tat-tabernaklu użati fis-servizz kollu tiegħu, u l-imsiemer tat-tined kollha tiegħu, u l-imsiemer kollha tal-bitħa huma tar-ram aħmar.+
20 “U int għandek tordna lil ulied Israel biex jiksbulek żejt pur minn żebbuġ misħuq għad-dawwala, sabiex l-imsiebaħ jinżammu mixgħulin il-ħin kollu.+ 21 Fit-tinda tal-laqgħa, ’il barra mill-purtiera+ taʼ ħdejn it-Testimonjanza, Aron u wliedu se jirranġaw id-dawwala biex tixgħel minn fil-għaxija sa fil-għodu quddiem Ġeħova.+ Dan hu statut għal żmien indefinit għall-ġenerazzjonijiet tagħhom,+ li jrid jitwettaq minn ulied Israel.+