1 Samwel
5 U l-Filistin qabdu l-arka+ taʼ l-Alla l-veru u minn Ebengħeżer ħaduha Asdod.+ 2 U l-Filistin ħadu l-arka taʼ l-Alla l-veru u daħħluha fid-dar taʼ Dagon u qegħduha ħdejn Dagon.+ 3 Imbagħad l-Asdodin qamu kmieni l-għada fil-għodu, u Dagon kien imwaqqaʼ għal wiċċu fl-art quddiem l-arka taʼ Ġeħova.+ Għalhekk, ħadu lil Dagon u poġġewh lura f’postu.+ 4 Meta qamu kmieni l-għada fil-għodu, ara, Dagon kien imwaqqaʼ għal wiċċu fl-art quddiem l-arka taʼ Ġeħova, bir-ras taʼ Dagon u bil-pali taʼ idejh it-tnejn maqtugħin barra, fuq l-għatba.+ Il-parti forma taʼ ħuta biss* kien baqaʼ minnu. 5 Huwa għalhekk li l-qassisin taʼ Dagon u dawk kollha li jidħlu fid-dar taʼ Dagon għadhom sa dan il-jum ma jirfsux fuq l-għatba taʼ Dagon f’Asdod.
6 U id Ġeħova+ kienet tqila fuq l-Asdodin, u beda jikkaġuna l-paniku u jolqothom bil-murliti,+ jiġifieri, lil Asdod u t-territorji tagħha. 7 U l-irġiel t’Asdod raw li hekk ġara, u qalu: “Tħallux l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel tgħammar magħna, għaliex idu hi iebsa kontrina u kontra Dagon, l-alla tagħna.”+ 8 Għaldaqstant, dawn bagħtu u ġabru għandhom is-sidien alleati kollha tal-Filistin u qalulhom: “X’nagħmlu biha l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel?” Fl-aħħar qalulhom: “Ħa tittieħed lejn Gat+ l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel.” Għalhekk, ħadu l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel hemmhekk.
9 U ġara li, wara li kienu ġabuha hemmhekk, id Ġeħova+ ġiet fuq il-belt u ġabet konfużjoni kbira ferm, u beda jolqot lill-irġiel tal-belt, miż-żgħir sal-kbir, u bdew joħorġulhom il-murliti.+ 10 Għalhekk, bagħtu l-arka taʼ l-Alla l-veru lejn Għekron.+ U ġara li, malli l-arka taʼ l-Alla l-veru waslet Għekron, l-Għekronin bdew jgħajtu u jgħidu: “Ġabu l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel biex joqtlu lilna u lill-poplu tagħna!”+ 11 Għaldaqstant, dawn bagħtu u ġabru s-sidien alleati kollha tal-Filistin u qalulhom: “Ibagħtu l-arka taʼ l-Alla taʼ Israel lil hinn biex terġaʼ lura lejn postha u ma toqtolx lilna u lill-poplu tagħna.” Għax fil-belt kollha kemm hi seħħet konfużjoni li ġġib il-mewt;+ id l-Alla l-veru kienet tqila ferm hemmhekk,+ 12 u l-irġiel li ma mitux ħarġulhom il-murliti.+ U l-għajta+ għall-għajnuna tal-belt baqgħet tielgħa sas-smewwiet.