Eżodu
14 Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Israel, sabiex iduru lura u jikkampjaw quddiem Piħaħirot bejn Migdol u l-baħar biswit Bagħal-sefon.+ Għandkom tikkampjaw faċċata tiegħu, ħdejn il-baħar. 3 Imbagħad il-Fargħun jgħid dwar ulied Israel, ‘Qegħdin jiġru ’l hawn u ’l hinn mitlufin fil-pajjiż. Ix-xagħri għalaqhom.’+ 4 Għalhekk, se nħalli lill-Fargħun iwebbes qalbu,+ u hu jitlaq għal warajhom u jien nikseb il-glorja għalija permezz tal-Fargħun u l-qawwiet militari kollha tiegħu;+ u l-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova.”+ Għaldaqstant ulied Israel għamlu preċiż hekk.
5 Iktar tard lis-sultan taʼ l-Eġittu wasslulu l-aħbar li n-nies kienu ħarbu. Minnufih, qalb il-Fargħun, kif ukoll dik tal-qaddejja tiegħu, tbiddlet rigward in-nies,+ u b’hekk qalu: “X’għamilna b’idejna, bagħatna lil Israel biex ma jitjassarx iktar għalina?”+ 6 Għalhekk, lesta l-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u ħa miegħu lin-nies tiegħu.+ 7 U ħa sitt mitt karru magħżulin+ u l-karrijiet l-oħrajn kollha taʼ l-Eġittu u gwerriera fuq kull wieħed minnhom. 8 B’hekk, Ġeħova ħalla lill-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, iwebbes qalbu,+ u dan telaq għal wara wlied Israel, waqt li wlied Israel kienu ħerġin b’idhom merfugħa ’l fuq.*+ 9 U l-Eġizzjani telqu għal warajhom, u ż-żwiemel bil-karrijiet kollha tal-Fargħun u s-suldati tal-kavallerija tiegħu+ u l-qawwiet militari tiegħu kważi laħquhom waqt li kienu kkampjati ħdejn il-baħar, ħdejn Piħaħirot biswit Bagħal-sefon.+
10 Meta l-Fargħun resaq qrib, ulied Israel refgħu għajnejhom, u, ara, l-Eġizzjani kienu ġejjin warajhom; u wlied Israel beżgħu mhux ftit u bdew jgħajtu lil Ġeħova.+ 11 U qalu lil Mosè: “Huwa minħabba li m’hemm ebda post fejn nindifnu fl-Eġittu li ġibtna hawnhekk biex immutu fix-xagħri?+ X’għamiltilna, ħriġtna mill-Eġittu? 12 M’hijiex din il-kelma li għednielek fl-Eġittu, ‘Ħallina bi kwietna, sabiex naqdu lill-Eġizzjani’? Għax hu aħjar għalina li naqdu lill-Eġizzjani milli mmutu fix-xagħri.”+ 13 Imbagħad Mosè qal lin-nies: “Tibżgħux.+ Żommu sod u araw kif Ġeħova se jsalvakom illum.+ Għax l-Eġizzjani li qed taraw illum ma terġgħux tarawhom, le, qatt iżjed ma terġgħu tarawhom.+ 14 Ġeħova nnifsu jiġġieled għalikom,+ u intom tibqgħu siekta.”
15 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għala tibqaʼ tgħajjatli?+ Kellem lil ulied Israel sabiex iżarmaw il-kamp u jitilqu minn dak il-post. 16 U int, erfaʼ l-ħatar tiegħek+ u midd idek fuq il-baħar u oforqu,+ sabiex ulied Israel jgħaddu minn nofs il-baħar fuq art niexfa.+ 17 U jien qed inħalli lill-Eġizzjani jwebbsu qlubhom,+ sabiex jidħlu warajhom biex nikseb il-glorja għalija permezz tal-Fargħun, tal-qawwiet militari kollha tiegħu, tal-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u tas-suldati tal-kavallerija tiegħu.+ 18 U l-Eġizzjani żgur li se jkunu jafu li jien Ġeħova meta nikseb il-glorja għalija permezz tal-Fargħun, tal-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u tas-suldati tal-kavallerija tiegħu.”+
19 Imbagħad l-anġlu+ li l-Alla l-veru kien bagħat biex jimxi quddiem l-Israelin telaq u mar fuq wara, u l-kolonna tas-sħab telqet minn quddiemhom u qagħdet warajhom.+ 20 B’hekk, ġiet bejn l-Eġizzjani u l-Israelin.+ Minn naħa waħda kien hemm sħaba u dlam. Min-naħa l-oħra baqgħet iddawwal il-lejl.+ U l-Eġizzjani ma resqux qrib l-Israelin il-lejl kollu.
21 Mosè issa medd idu fuq il-baħar;+ u Ġeħova beda jreġġaʼ lura l-baħar permezz taʼ riħ qawwi mil-lvant il-lejl kollu u biddel qiegħ il-baħar f’art niexfa,+ u l-ilmijiet bdew jinferqu.+ 22 Sa fl-aħħar, ulied Israel għaddew minn nofs il-baħar fuq art niexfa,+ waqt li l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħajt fuq il-lemin tagħhom u fuq ix-xellug tagħhom.+ 23 U l-Eġizzjani telqu jiġru għal warajhom, u ż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u s-suldati tal-kavallerija tiegħu bdew deħlin warajhom,+ f’nofs il-baħar. 24 U ġara li, matul l-għassa taʼ fil-għodu,* Ġeħova beda jħares lejn l-Eġizzjani minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħab,+ u tefaʼ lill-Eġizzjani f’konfużjoni.+ 25 U beda jaqlgħalhom ir-roti minn mal-karrijiet tagħhom, u b’hekk bdew isuquhom bit-tbatija;+ u l-Eġizzjani bdew jgħidu: “Ejja naħarbu mill-Israelin, għax Ġeħova qed jiġġieled għalihom kontra l-Eġizzjani.”+
26 Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar,+ sabiex l-ilmijiet jerġgħu lura għal fuq l-Eġizzjani, fuq il-karrijiet tal-gwerra tagħhom, u fuq is-suldati tal-kavallerija tagħhom.” 27 Mosè minnufih medd idu fuq il-baħar, u malli kien se jibda jisbaħ, il-baħar beda ġej lura għan-normal. Sadanittant l-Eġizzjani kienu qed jaħarbu biex jiskansawh, imma Ġeħova tefaʼ lill-Eġizzjani f’nofs il-baħar.+ 28 U l-ilmijiet baqgħu ġejjin lura.+ Sa fl-aħħar għattew il-karrijiet tal-gwerra u s-suldati tal-kavallerija li kienu jagħmlu parti mill-qawwiet militari kollha tal-Fargħun u li kienu daħlu fil-baħar għal warajhom.+ Lanqas wieħed minnhom ma tħalla.+
29 Iżda wlied Israel imxew fuq art niexfa f’nofs qiegħ il-baħar,+ u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħajt fuq il-lemin tagħhom u fuq ix-xellug tagħhom.+ 30 B’hekk, dakinhar Ġeħova salva lil Israel minn id l-Eġizzjani,+ u l-Israelin raw lill-Eġizzjani mejtin fuq xatt il-baħar.+ 31 L-Israelin raw ukoll l-id setgħana li Ġeħova uża kontra l-Eġizzjani; u n-nies bdew jibżgħu minn Ġeħova u jpoġġu l-fidi f’Ġeħova u f’Mosè l-qaddej tiegħu.+