Eżodu
22 “Jekk raġel jisraq barri jew nagħġa u joqtolha jew ibigħha, għandu jagħti bħala kumpens ħamsa mill-merħla tal-barrin għall-barri u erbgħa mill-merħla tan-nagħaġ għan-nagħġa.+
2 (“Jekk ħalliel+ jinqabad hu u dieħel jisraq+ u jindarab u jmut, ma jkunx hemm ħtija tad-demm minħabba fih.+ 3 Jekk ix-xemx tkun iddiet fuqu, ikun hemm ħtija tad-demm minħabba fih.)
“Il-ħalliel żgur li għandu jagħti kumpens. Jekk ma jkollu xejn, irid jinbiegħ hu għall-affarijiet li seraq.+ 4 Jekk bla dubju l-annimal li nsteraq , kemm jekk ikun barri, jew ħmar, jew nagħġa, jinstab f’idu ħaj, għandu jagħti d-doppju bħala kumpens.
5 “Jekk raġel jikkaġuna l-ħsara f’xi għalqa jew qasam tad-dwieli billi jħalli l-bhejjem tat-tagħbija tiegħu jirgħu f’għalqa taʼ ħaddieħor, għandu jagħti bħala kumpens+ l-aqwa prodott taʼ l-għalqa tiegħu jew l-aqwa prodott tal-qasam tad-dwieli tiegħu.
6 “Jekk jinfirex nar u jqabbad ix-xewk, u jinqerdu l-qatet jew iż-żaraʼ wieqaf jew xi għalqa,+ dak li jqabbad in-nar irid assolutament jagħti kumpens għal dak li nħaraq.
7 “Jekk raġel jagħti flus jew oġġetti lil sieħbu biex iżommhomlu,+ u jinsterqu mid-dar tar-raġel, jekk il-ħalliel jinstab, dan għandu jagħti d-doppju bħala kumpens.+ 8 Jekk il-ħalliel ma jinstabx, sid id-dar irid jinġieb quddiem l-Alla l-veru+ biex jaraw jekk meddx idu fuq il-ġid taʼ sieħbu. 9 U kwalunkwe każ taʼ ksur tal-liġi,+ dwar barri, ħmar, nagħġa, libsa, u kwalunkwe ħaġa li tintilef u li dwarha xi ħadd jgħid, ‘Din tiegħi!’ il-każ tagħhom it-tnejn għandu jinġieb għand l-Alla l-veru.+ Lil min Alla jiddikjara li hu mill-agħar għandu jagħti d-doppju bħala kumpens lil sieħbu.+
10 “Jekk raġel jagħti lil sieħbu ħmar jew barri jew nagħġa jew xi annimal domestiku biex iżommhulu, u dan imut jew jiġi mmankat jew jinsteraq u ħadd ma jkun ra xejn, 11 għandha ssir ħalfa+ b’Ġeħova bejniethom it-tnejn li hu ma meddx idu fuq il-proprjetà taʼ sieħbu;+ u sidhom irid jaċċettaha, u l-ieħor m’għandux jagħti kumpens. 12 Imma jekk fil-fatt jinsterqu mingħandu,* għandu jagħti kumpens lil sidhom.+ 13 Jekk fil-fatt l-annimal jitqattaʼ minn xi bhima salvaġġa,+ hu għandu jġib il-fdalijiet bħala evidenza.+ Għal xi annimal imqattaʼ minn bhima salvaġġa hu m’għandux jagħti kumpens.
14 “Imma jekk xi ħadd jissellef bhima mingħand sieħbu,+ u din tiġi mmankata jew tmut meta sidha ma jkunx magħha, hu jrid assolutament jagħti kumpens.+ 15 Jekk sidha jkun magħha, hu m’għandux jagħti kumpens. Jekk tkun mikrija, il-ħsara tkun inkluża fil-kiri tagħha.
16 “Issa jekk raġel iħajjar lil xi verġni li ma tkunx mgħarrsa, u jimtedd magħha,+ żgur li jrid jiħodha bħala martu għall-prezz tax-xiri.+ 17 Jekk missierha jirrifjuta assolutament li jagħtihielu, irid iħallas il-flus bir-rata tal-flus tax-xiri għall-verġni.+
18 “Saħħara tħallihiex tgħix.+
19 “Kulmin jimtedd maʼ bhima żgur li għandu jingħata l-mewt.+
20 “Min joffri sagrifiċċji lil xi alla ħlief lil Ġeħova waħdu għandu jiġi dedikat għall-qerda.*+
21 “U timmaltrattax lil resident barrani jew taħqru,+ għax intom kontu residenti barranin fl-art taʼ l-Eġittu.+
22 “Tgħakksux lil xi armla jew tifel bla missier.+ 23 Għax jekk fil-fatt tgħakksuh u jgħajjatli, jien bla dubju se nismaʼ l-għajta tiegħu;+ 24 u r-rabja tiegħi tixgħel kontrikom,+ u żgur li noqtolkom bis-sejf, u n-nisa tagħkom isiru romol u wliedkom subien tfal bla missier.+
25 “Jekk tislef xi flus lil xi ħadd mill-poplu tiegħi, lill-magħkus li qiegħed maġenbek,+ tkunx rgħib miegħu. Tiħdulux imgħax.+
26 “Jekk int taqbad u tieħu l-libsa t’għajrek bħala rahan,+ għandek tagħtihielu lura maʼ nżul ix-xemx. 27 Għax dik biss għandu biex jitgħatta.+ Hi l-mantell tiegħu għal ġismu. Biex se jimtedd? U jiġri li hu jgħajjatli, u jien żgur li se nisimgħu, għaliex jien grazzjuż.+
28 “Tgħidx affarijiet ħżiena dwar Alla+ u lanqas tisħet lil xi kap ewlieni fost niesek.+
29 “Toqgħodx taħsibha biex tagħti mill-ħsad sħiħ tiegħek u mill-għasir imfawwar tiegħek.+ L-ewwel imwieled minn uliedek subien għandek tagħtih lili.+ 30 Hekk għandek tagħmel bil-barri tiegħek u bin-nagħġa tiegħek:+ Sebat ijiem tħallihom m’ommhom.+ Fit-tmien jum għandek tagħtihomli.
31 “U għandkom turu li intom nies qaddisin għalija;+ u tiklux laħam li jkun tqattaʼ minn xi bhima salvaġġa fir-rabaʼ.+ Itfgħuh lill-klieb.+