Ġenesi
31 Maż-żmien, hu semaʼ lil ulied Laban jitkellmu u jgħidu: “Ġakobb ħa kulma kellu missierna; u minn dak li kellu missierna hu ġemaʼ dan il-ġid kollu.”+ 2 Meta Ġakobb kien iħares lejn wiċċ Laban, ara, ma kienx għadu l-istess miegħu bħal qabel.+ 3 Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Ġakobb: “Erġaʼ lura lejn art missirijietek u lejn qrabatek,+ u jien inkun miegħek.”+ 4 Imbagħad Ġakobb bagħat isejjaħ lil Rakele u lil Lea biex jiġu l-għalqa, ħdejn il-merħla tiegħu, 5 u qalilhom:
“Qed nara li wiċċ missierkom m’għadux l-istess miegħi bħal qabel;+ imma l-Alla taʼ missieri wera li hu miegħi.+ 6 U intom tafu li lil missierkom qdejtu b’ħilti kollha.+ 7 U missierkom qarraq bija u biddilli ħlasi għaxar darbiet, imma Alla ma ħalliehx jagħmilli ħsara.+ 8 Jekk minn banda kien jgħidli, ‘L-imnaqqxin ikunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ imnaqqxin; imma jekk mill-banda l-oħra kien jgħidli, ‘Dawk bl-istrixxi jkunu ħlasek,’ il-merħla kollha kien ikollha frieħ bl-istrixxi.+ 9 Għalhekk, Alla kien jieħu l-merħla taʼ missierkom u jagħtiha lili.+ 10 Sa fl-aħħar ġara li, fi żmien meta l-merħla saħnet, erfajt għajnejja u rajt dehra f’ħolma,+ u, ara, il-bdabad li kienu qed jitilgħu fuq il-merħla kienu bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati.+ 11 U l-anġlu taʼ l-Alla l-veru qalli fil-ħolma, ‘Ġakobb!’ u jien wiġibtu, ‘Hawn jien.’+ 12 U hu kompla, ‘Jekk jogħġbok, erfaʼ għajnejk u ara li l-bdabad li qed jitilgħu fuq il-merħla huma bl-istrixxi, imnaqqxin, u ttikkjati, għax jien rajt kulma qed jagħmillek Laban.+ 13 Jien l-Alla l-veru taʼ Betel,+ fejn int dlikt kolonna+ u fejn ħliftli ħalfa.+ Issa qum, oħroġ minn din l-art u erġaʼ lura lejn art twelidek.’”+
14 U Rakele u Lea wiġbuh u qalulu: “Għad baqgħalna xi sehem mill-wirt f’dar missierna?+ 15 M’aħniex qisna barranin għalih ladarba biegħna, u qed ikompli kontinwament jiekol saħansitra mill-flus mogħtijin għalina?+ 16 Għax ir-rikkezzi kollha li Alla ħa mingħand missierna huma tagħna u taʼ wliedna.+ Għalhekk, issa agħmel kulma qallek Alla.”+
17 Imbagħad Ġakobb qam u tellaʼ lil uliedu u lin-nisa tiegħu fuq l-iġmla;+ 18 u beda jsuq il-merħla kollha tiegħu u l-ġid kollu li kien ġemaʼ,+ il-merħla li kien kiseb u li kien ġemaʼ fil-Fiddien-aram, sabiex imur għand missieru Iżakk lejn l-art taʼ Kangħan.+
19 Issa Laban kien mar iġiżż in-nagħaġ tiegħu. Sadanittant, Rakele serqet it-terafim*+ li kienu taʼ missierha. 20 U Ġakobb qarraq b’Laban is-Sirjan, għax ma kienx qallu li kien se jaħrab. 21 U ħarab, hu u kulma kellu, u qam u qasam ix-Xmara.*+ Imbagħad dawwar wiċċu lejn ir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad.+ 22 Iktar tard, fit-tielet jum, lil Laban qalulu li Ġakobb kien ħarab. 23 U ħa miegħu lill-irġiel tiegħu u mar jiġri+ warajh distanza taʼ sebat ijiem mixi u laħqu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 24 U Alla ġie għand Laban is-Sirjan+ f’ħolma bil-lejl+ u qallu: “Oqgħod attent li ma tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.”+
25 Għalhekk, Laban mar ħdejn Ġakobb, għax Ġakobb kien waqqaf it-tinda tiegħu fuq il-muntanja u Laban kien ikkampja maʼ l-irġiel tiegħu fir-reġjun muntanjuż taʼ Gilegħad. 26 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “X’għamilt, li saħansitra wasalt biex tqarraq bija u ġarrejt lill-bniet tiegħi bħal ilsiera meħudin bis-sejf?+ 27 Għala kellek taħrab bil-moħbi u tqarraq bija u ma tgħidlix, biex kont nibagħtek bil-ferħ u bl-għanjiet,+ bit-tanburlin u bl-arpa?+ 28 U ma tajtnix ċans inbus it-tfal u l-bniet tiegħi.+ Issa int aġixxejt taʼ iblah. 29 Għandi s-setgħa f’idi li nagħmlilkom il-ħsara,+ imma l-Alla taʼ missierkom il-lejl l-ieħor kellimni u qalli, ‘Oqgħod attent li ma tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u lanqas ħażin.’+ 30 U issa li fil-fatt tlaqt minħabba li tant kont imxennaq għal dar missierek, għala, iżda, sraqt l-allat tiegħi?”+
31 Ġakobb wieġeb u qal lil Laban: “Kien għaliex bżajt.+ Għax għedt bejni u bejn ruħi, ‘Int se tiħodli bil-forza l-bniet tiegħek.’ 32 Għand min issib allatek, ma jibqax ħaj.+ Quddiem l-irġiel tagħna, ara għalik innifsek x’għandi li hu tiegħek u ħudu għalik.”+ Imma Ġakobb ma kienx jaf li Rakele kienet serqithom.+ 33 Għalhekk, Laban daħal fit-tinda taʼ Ġakobb u fit-tinda taʼ Lea u fit-tinda taż-żewġ ilsiera nisa,+ imma ma sabhomx. Fl-aħħar, hu ħareġ mit-tinda taʼ Lea u daħal fit-tinda taʼ Rakele. 34 Issa Rakele kienet ħadet it-terafim, u poġġiethom fil-basket tas-sarġ li n-nisa jużaw fuq il-ġemel, u baqgħet bil-qiegħda fuqhom. Għalhekk, Laban fittex fit-tinda kollha, imma ma sabhomx. 35 Imbagħad qalet lil missierha: “Ħa ma tixgħelx ir-rabja f’għajnejn sidi,+ għaliex ma nistax inqum quddiemek, għax għandi dak li s-soltu jkollhom in-nisa.”+ Għalhekk, kompla jfittex bir-reqqa, imma t-terafim ma sabhomx.+
36 U Ġakobb irrabja+ u beda jitlewwem maʼ Laban, u Ġakobb issokta jgħid lil Laban: “Għala ġrejt warajja+ qisni wieħed li wettaq xi delitt?+ Xi dnub għamilt? 37 Issa li fittixt f’ġidi kollu, x’sibt mill-ġid kollu taʼ darek?+ Poġġih hawnhekk quddiem l-irġiel tiegħi u l-irġiel tiegħek,+ u ħa jiddeċiedu huma bejnietna.+ 38 Ili għoxrin sena miegħek. In-nagħaġ u l-mogħoż tiegħek ma kellhomx korrimenti fil-ħlas,+ u qatt ma kilt mill-imtaten tal-merħla tiegħek. 39 Ma ġibtlek ebda annimal imbiċċer.+ Jien innifsi kont nagħmel tajjeb għalih. Sew jekk wieħed minnhom kien jinsteraq bi nhar u sew jekk kien jinsteraq bil-lejl, kont titlob kont tiegħu minn idi.+ 40 Kemm-il darba bi nhar kienet tkiddni s-sħana u bil-lejl il-kesħa, u n-ngħas kien itir minn għajnejja.+ 41 Għoxrin sena ili f’darek. Qdejtek erbatax-il sena għaż-żewġt ibniet tiegħek u sitt snin għall-merħla tiegħek, u int biddiltli ħlasi għaxar darbiet.+ 42 Kieku l-Alla taʼ missieri,+ l-Alla t’Abraham u l-Biżaʼ taʼ Iżakk,+ ma kienx miegħi, kont tibgħatni b’idi vojta. Alla ra l-miżerja tiegħi u t-taħbit taʼ idejja, u għalhekk widdbek il-lejl l-ieħor.”+
43 Imbagħad Laban wieġeb u qal lil Ġakobb: “Il-bniet huma l-bniet tiegħi u t-tfal it-tfal tiegħi u l-merħla l-merħla tiegħi, u kulma qed tħares lejh hu tiegħi u tal-bniet tiegħi. X’nistaʼ nagħmel jien illum kontra dawn jew kontra wliedhom li huma wildu? 44 Issa, ejja, ħa nagħmlu patt,+ jien u int, u dan irid iservi bħala xiehda bejni u bejnek.”+ 45 Għaldaqstant, Ġakobb ħa ġebla u waqqafha bħala kolonna.+ 46 Imbagħad Ġakobb qal lill-irġiel tiegħu: “Iġbru l-ġebel!” U huma ġabru l-ġebel u għamluh gozz.+ Imbagħad kielu hemmhekk fuq il-gozz. 47 U Laban beda jsejjaħlu Ġegar-saħaduta,* imma Ġakobb sejjaħlu Galgħed.*
48 U Laban qal: “Illum dan il-gozz hu xiehda bejni u bejnek.” Huwa għalhekk li sejjaħlu Galgħed,+ 49 u T-Torri taʼ l-Għassa, għax qal: “Ħa jibqaʼ għassa Ġeħova bejni u bejnek meta ma nkunux qed naraw lil xulxin.+ 50 Jekk taħqar lill-bniet+ tiegħi u jekk tieħu nisa oħrajn minbarra l-bniet tiegħi, ħadd ma jkun qed jarana. Ara! Alla jkun xhud bejni u bejnek.”+ 51 U Laban issokta jgħid lil Ġakobb: “Hawn dan il-gozz u hawn il-kolonna li waqqaft bejni u bejnek. 52 Dan il-gozz hu xhud, u l-kolonna hi xi ħaġa li tixhed,+ li jien m’iniex se ngħaddi lil hinn minn dan il-gozz kontrik u li int mhux se tgħaddi lil hinn minn dan il-gozz u minn din il-kolonna kontrija għall-ħsara.+ 53 Ħalli l-alla* t’Abraham+ u l-alla taʼ Naħor+ jiġġudikaw bejnietna, l-alla taʼ missierhom.” Imma Ġakobb ħalef bil-Biżaʼ taʼ missieru Iżakk.+
54 Imbagħad Ġakobb offra sagrifiċċju fuq il-muntanja u stieden lill-irġiel tiegħu biex jieklu l-ħobż.+ Għaldaqstant, kielu l-ħobż u għaddew il-lejl fuq il-muntanja. 55 U fil-għodu Laban qam kmieni, bies+ lit-tfal u lill-bniet tiegħu, u berikhom.+ Imbagħad Laban telaq biex imur lura lejn postu.+