Ġwanni
21 Wara dan, Ġesù reġaʼ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar taʼ Tiberija; u deher b’dan il-mod. 2 Kien hemm flimkien Xmun Pietru u Tumas, li kienu jgħidulu t-Tewmi,+ u Natanjel+ minn Kana tal-Galilija u wlied Żebedew+ u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu. 3 Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Aħna wkoll ġejjin miegħek.” Telqu ’l barra u telgħu fid-dgħajsa, imma matul dak il-lejl ma qabdu xejn.+
4 Kif kien qed jisbaħ, Ġesù qagħad fuq ix-xatt, imma d-dixxipli, naturalment, m’għarfuhx li kien Ġesù.+ 5 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Uliedi żgħar, għandkom x’tieklu?” Wiġbuh: “Le!” 6 Qalilhom: “Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu xi ftit.”+ Imbagħad huma tefgħuha, imma issa ma setgħux itellgħuha minħabba l-kwantità taʼ ħut.+ 7 Għalhekk, dak id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb+ qal lil Pietru:+ “Dak il-Mulej!” Għaldaqstant, malli semaʼ li kien il-Mulej, Xmun Pietru tħażżem bil-libsa tiegħu, għax kien bla ħwejjeġ, u ntefaʼ l-baħar. 8 Imma d-dixxipli l-oħra ġew bid-dgħajsa ż-żgħira jkaxkru x-xibka tal-ħut, għax ma kinux ’il bogħod mill-art, madwar disgħin metru biss.
9 Meta niżlu l-art lemħu nar tal-faħam+ u l-ħut fuqu u l-ħobż. 10 Ġesù qalilhom: “Ġibu ftit mill-ħut li għadkom kif qbadtu.” 11 Għalhekk, Xmun Pietru telaʼ fid-dgħajsa u ġibed lejn l-art ix-xibka mimlija ħut kbir, mija u tlieta u ħamsin ħuta. Imma għalkemm kien hemm daqstant ix-xibka ma nqasmitx. 12 Qalilhom Ġesù: “Ejjew ħudu l-kolazzjon.”+ Ħadd mid-dixxipli ma kellu l-kuraġġ jistaqsih: “Min int?” għax kienu jafu li kien il-Mulej. 13 Ġesù resaq u ħa l-ħobż u tahulhom,+ u l-istess il-ħut. 14 Issa din kienet it-tielet darba+ li Ġesù deher lid-dixxipli wara li ġie mqajjem mill-imwiet.
15 Imbagħad, meta kienu ħadu l-kolazzjon, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?”+ Qallu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.”+ Qallu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi.”+ 16 Reġaʼ qallu t-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni+ int?” Qallu: “Iva, Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.”+ 17 Qallu għat-tielet darba: “Xmun bin Ġwanni, għandek int affezzjoni lejja?” Pietru tnikket li qallu t-tielet darba: “Għandek int affezzjoni lejja?” Għalhekk, qallu: “Mulej, int taf kollox,+ u taf li għandi affezzjoni lejk.” Qallu Ġesù: “Itmaʼ n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.+ 18 Tassew, tassew, ngħidlek, Meta int kont iżgħar, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid. Imma meta tixjieħ se toħroġ idejk u ħaddieħor iħażżmek+ u jieħdok fejn ma tixtieqx.”+ 19 Dan qalu biex ifisser b’liema mewta+ kellu jigglorifika lil Alla.+ U x’ħin qal dan, qallu: “Ibqaʼ miexi warajja.”+
20 X’ħin ħares lura, Pietru ra miexi warajhom lid-dixxiplu li Ġesù kien iħobb,+ dak li fl-ikla taʼ fil-għaxija kien ukoll intelaq lura fuq sidru u qallu: “Mulej, min hu dak li se jittradik?” 21 Għaldaqstant, meta lemħu, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, dan ir-raġel x’se jagħmel?” 22 Qallu Ġesù: “Jekk irridu jibqaʼ sakemm niġi jien,+ int x’jinteressak? Int ibqaʼ miexi warajja.” 23 Minħabba dan, fost l-aħwa kien jingħad li dak id-dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu, Ġesù ma qallux li ma kienx se jmut, iżda: “Jekk irridu jibqaʼ+ sakemm niġi jien, int x’jinteressak?”
24 Dan hu d-dixxiplu+ li jixhed dwar dawn l-affarijiet u li kitibhom, u nafu li x-xiehda li jagħti hi vera.+
25 Fil-fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-iċken dettall, naħseb jien, id-dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-rombli miktubin.+