Luqa
5 Darba minnhom, meta l-folla kienet qed tross fuqu u tismaʼ l-kelma t’Alla, hu kien qiegħed ħdejn l-għadira taʼ Ġennesaret.+ 2 U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt taʼ l-għadira, imma s-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qed jaħslu x-xbieki tagħhom.+ 3 Telaʼ f’waħda mid-dgħajjes, li kienet taʼ Xmun, u qallu biex jaqlaʼ naqra ’l barra mill-art. Imbagħad qagħad bil-qiegħda, u beda jgħallem lill-folol mid-dgħajsa.+ 4 Meta temm id-diskors tiegħu, qal lil Xmun: “Oħroġ ’il barra fejn hu fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom+ ħa taqbdu qabda ħut.” 5 Imma Xmun wieġeb u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn,+ imma għall-kelma tiegħek se nitfaʼ x-xbieki.” 6 U meta għamlu hekk qabdu kwantità kbira taʼ ħut. Fil-fatt, ix-xbieki tagħhom bdew jinqasmu. 7 Għalhekk, għamlu sinjal lil sħabhom fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom;+ u dawn ġew, u tant imlew iż-żewġ dgħajjes li bdew jegħrqu. 8 Malli ra dan, Xmun Pietru+ nxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, għax jien raġel midneb, Mulej.”+ 9 Għax bil-qabda ħut li kienu qabdu baqgħu mgħaġġbin, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, 10 kif ukoll Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew,+ li kienu sħab maʼ Xmun. Imma Ġesù qal lil Xmun: “Tibqax beżgħan. Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.”+ 11 Għalhekk, daħħlu d-dgħajjes lura lejn l-art, u abbandunaw kollox u marru warajh.+
12 Darb’oħra, waqt li kien f’waħda mill-bliet, ara, kien hemm raġel mimli ġdiem! Meta lemaħ lil Ġesù, inxteħet wiċċu fl-art, talbu bil-ħniena, u qallu: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”+ 13 Għalhekk, ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.” U minnufih il-ġdiem għab minn fuqu.+ 14 U Ġesù ordna lir-raġel biex ma jgħid lil ħadd:+ “Imma mur u uri ruħek lill-qassis,+ u agħmel offerta+ għat-tindif tiegħek, bħalma ordna Mosè, bħala xiehda għalihom.”+ 15 Imma l-aħbar dwaru kienet qed tixtered dejjem iktar, u folol kbar kienu jinġabru biex jisimgħu u jitfejqu mill-mard tagħhom.+ 16 Madankollu, hu baqaʼ waħdu fid-deżert jitlob.+
17 Jum minnhom hu kien qed jgħallem, u bil-qiegħda hemmhekk kien hemm xi Fariżej u xi għalliema tal-liġi li kienu ġew minn kull raħal tal-Galilija u tal-Lhudija u minn Ġerusalemm; u l-qawwa taʼ Ġeħova kienet miegħu biex ifejjaq.+ 18 U, ara! Xi rġiel kienu qed iġorru fuq sodda raġel li kien paralizzat, u kienu qed jaraw kif se jdaħħluh u jġibuh quddiemu.+ 19 Iżda, billi ma sabux kif idaħħluh minħabba l-folla, telgħu fuq il-bejt, u niżżluh fuq soddtu minn bejn ix-xorok f’nofs dawk li kienu quddiem Ġesù.+ 20 Meta ra l-fidi tagħhom, qal: “Raġel, dnubietek maħfurin.”+ 21 Minħabba f’hekk, l-iskribi u l-Fariżej bdew jirraġunaw u jgħidu: “Min hu dan li qed jidgħi?+ Min jistaʼ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”+ 22 Imma, billi għaraf kif kienu qed jirraġunaw, Ġesù wieġeb u qalilhom: “X’qed tirraġunaw fi qlubkom?+ 23 X’inhu l-eħfef, li tgħid, ‘Dnubietek maħfurin,’ jew li tgħid, ‘Qum u imxi’?+ 24 Imma sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu awtorità fuq l-art li jaħfer id-dnubiet—” qal lir-raġel paralizzat: “Jien ngħidlek, Qum, erfaʼ soddtok, u itlaq lejn id-dar.”+ 25 U minnufih qam quddiemhom, refaʼ s-sodda li kien ikun mixħut fuqha u telaq lejn daru, jigglorifika lil Alla.+ 26 Imbagħad ilkoll intilfu f’estasi+ u bdew jigglorifikaw lil Alla, u, mimlijin biżaʼ, qalu: “Rajna affarijiet strambi llum!”+
27 Issa, wara dan, ħareġ u lemaħ kollettur tat-taxxi, jismu Levi, bil-qiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.”+ 28 U dan telaq kollox,+ qam, u mar warajh. 29 Ukoll, Levi għamillu festa kbira f’daru; u jieklu magħhom kien hemm folla kbira taʼ kolletturi tat-taxxi u nies oħra.+ 30 Għal dan, il-Fariżej u l-iskribi tagħhom bdew igergru mad-dixxipli tiegħu u jgħidulhom: “Għala tieklu u tixorbu mal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin?”+ 31 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib,+ imma dawk li huma morda iva.+ 32 Ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin għall-indiema.”+
33 Qalulu: “Id-dixxipli taʼ Ġwanni jsumu taʼ sikwit u jitolbu bil-ħerqa, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu.”+ 34 Qalilhom Ġesù: “Ma tistgħux iġġiegħlu lill-ħbieb taʼ l-għarus isumu waqt li l-għarus ikun magħhom, hux hekk?+ 35 Iżda jiġi żmien meta l-għarus+ tassew jittiħdilhom;+ imbagħad dak iż-żmien isumu.”+
36 Iktar minn hekk, tahom ukoll tixbiha: “Ħadd ma jaqtaʼ roqgħa minn libsa ġdida u jħitha fuq libsa qadima; għax jekk jagħmel hekk, ir-roqgħa mil-libsa l-ġdida ċċarrat il-qadima u ma taqbilx magħha.+ 37 Iktar minn hekk, ħadd ma jqiegħed inbid ġdid fi ġlud taʼ l-inbid qodma; għax jekk jagħmel hekk, l-inbid ġdid jifqaʼ l-ġlud+ u jixtered, u l-ġlud ma jibqgħux tajbin.+ 38 Imma nbid ġdid jitqiegħed fi ġlud ġodda. 39 Wara li jkun xorob inbid qadim, ħadd ma jkun iridu l-ġdid; għax jgħid, ‘Il-qadim+ itjeb.’”