Marku
5 Waslu n-naħa l-oħra tal-baħar fl-art tal-Gerasin.+ 2 U minnufih, wara li niżel mid-dgħajsa, iltaqaʼ miegħu raġel li ħareġ minn qalb l-oqbra tat-tifkira+ u li kien maħkum minn spirtu mhux nadif. 3 Hu kien iħobb joqgħod qalb l-oqbra; u sa dakinhar assolutament ħadd ma setaʼ jorbtu tajjeb, lanqas b’katina, 4 għax bosta drabi kien ġie marbut bil-ktajjen maʼ saqajh u idejh, imma l-ktajjen kien jaqtagħhom u l-irbit maʼ saqajh kien ikissru; u ħadd ma kellu s-saħħa jrażżnu. 5 U kontinwament, lejl u nhar, kien joqgħod jgħajjat qalb l-oqbra u fuq il-muntanji u jqattaʼ lilu nnifsu bil-ġebel. 6 Imma malli lemaħ lil Ġesù mill-bogħod, ġera lejh u miel quddiemu, 7 u għajjat b’leħen għoli+ u qallu: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin Alla l-Iktar Għoli?+ Inġiegħlek taħlef+ b’Alla biex ma titturmentanix.”+ 8 Għax kien qed jgħidlu: “Oħroġ minn ġo dan ir-raġel, ja spirtu mhux nadif.”+ 9 U beda jistaqsih: “X’jismek?” Qallu: “Jisimni Leġjun,+ għax qegħdin ħafna.”+ 10 U beda jitolbu bil-ħrara ħafna drabi biex ma jibgħatx lill-ispirti barra mill-pajjiż.+
11 Issa kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer+ tirgħa ħdejn il-muntanja.+ 12 Għalhekk, talbuh bil-ħrara u qalulu: “Ibgħatna fil-ħnieżer, ħa nidħlu fihom.” 13 U tahom permess. Imbagħad l-ispirti mhux nodfa ħarġu u daħlu fil-ħnieżer; u l-merħla qabżet minn fuq l-irdum għal ġol-baħar u kollha għerqu, wieħed wara l-ieħor, madwar elfejn ħanżir.+ 14 Imma r-rgħajja tagħhom ħarbu u xerrdu l-aħbar mal-belt u l-kampanja; u n-nies ġew biex jaraw x’kien ġara.+ 15 Għalhekk, ġew ħdejn Ġesù, u raw lir-raġel maħkum mid-demonji bil-qiegħda, liebes, u b’moħħu f’loku, dak li qabel kellu l-leġjun; u bdew jibżgħu. 16 Ukoll, dawk li raw x’kien ġara rrakkontawlhom minn xiex għadda r-raġel maħkum mid-demonji u dwar il-ħnieżer. 17 U għalhekk bdew jitolbuh bil-ħrara biex jitlaq mid-distretti tagħhom.+
18 Issa, kif kien tielaʼ fid-dgħajsa, ir-raġel li qabel kien maħkum mid-demonji beda jitolbu bil-ħrara biex jibqaʼ miegħu.+ 19 Madankollu, ma ħalliehx, imma qallu: “Mur id-dar għand qrabatek,+ u għidilhom dak kollu li Ġeħova+ għamel miegħek u l-ħniena+ li wriek.” 20 U telaq u beda jxandar fid-Dekapoli*+ dak kollu li Ġesù għamel miegħu, u n-nies kollha bdew jistagħġbu.+
21 Wara li Ġesù reġaʼ qasam lura bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, folla kbira nġabret madwaru waqt li kien ħdejn il-baħar.+ 22 Issa ġie wieħed mill-uffiċjali li jippresiedu fis-sinagoga, jismu Ġajru, u, malli lemħu, inxteħet f’riġlejh,+ 23 talbu bil-ħrara bosta drabi, u qallu: “Binti ż-żgħira qiegħda ħażin ħafna. Jekk jogħġbok, ejja poġġi idejk+ fuqha biex hi tfiq u tgħix.”+ 24 Għal dan il-kliem, mar miegħu. U folla kbira kienet miexja warajh u tross fuqu.+
25 Issa kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena+ tbati bi tnixxija taʼ demm,+ 26 u kienet batiet ferm taħt ħafna tobba+ u nefqet kulma kellha iżda ma swielha xejn, anzi marret għall-agħar. 27 Meta semgħet dwar Ġesù, ġiet minn warajh fil-folla u messitlu+ l-libsa; 28 għax bdiet tgħid: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.”+ 29 U n-nixxiegħa tad-demm waqfitilha mill-ewwel, u ħasset f’ġisimha li kienet fieqet minn din il-marda kiefra.+
30 Minnufih, ukoll, Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa+ minnu, u dar lejn il-folla u beda jgħid: “Min messli ħwejġi?”+ 31 Imma d-dixxipli tiegħu bdew jgħidulu: “Qed tara l-folla tross fuqek+ u tgħid, ‘Min messni?’” 32 Madankollu, hu kien qed iħares madwaru biex jara min kienet dik li messitu. 33 Issa l-mara, tirtogħod bil-biżaʼ peress li kienet taf xi ġralha, ġiet u nxteħtet quddiemu u qaltlu l-verità kollha.+ 34 Hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi,+ u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.”+
35 Waqt li kien għadu jitkellem, ġew xi rġiel mid-dar taʼ l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga u qalu: “Bintek mietet! Għala tibqaʼ tħabbat lill-għalliem?”+ 36 Imma Ġesù, billi semaʼ dak li kienu qed jgħidu, qal lill-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga: “Tibżax, biss eżerċita l-fidi.”+ 37 Issa ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni ħu Ġakbu.+
38 U waslu d-dar taʼ l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga, u ra konfużjoni sħiħa u nies jibku u jolfqu. 39 Daħal ġewwa u qalilhom: “Għala din il-frattarija u dan il-biki? It-tifla mhix mejta, imma rieqda.”+ 40 Għal dan, bdew jiddieħqu bih. Imma, wara li bagħat lil kulħadd ’il barra, ħa miegħu lil missier u omm it-tifla u lil dawk li kienu miegħu, u daħal fejn kien hemm it-tifla.+ 41 Imbagħad qabadha minn idha u qalilha: “Talita kumi,” kliem li meta jiġi tradott ifisser: “Tfajla, ngħidlek, Qum!”+ 42 U minnufih it-tfajla qamet u bdiet timxi, għax kellha tnax-il sena. U mill-ewwel intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.+ 43 Imma ordnalhom darba wara l-oħra biex ma jħallu lil ħadd isir jaf+ b’dan, u qalilhom biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol.