Ġenesi
39 U lil Ġużeppi niżżluh lejn l-Eġittu,+ u Eġizzjan jismu Potifar,+ uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun, il-kap tal-gwardja persunali tiegħu, xtrah minn idejn l-Ismagħelin+ li kienu niżżluh hemmhekk. 2 Imma Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u b’hekk dan irnexxa+ u nħatar fuq dar sidu, l-Eġizzjan. 3 U sidu ra li Ġeħova kien miegħu, u li Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi f’kulma kien imidd idejh biex jagħmel.
4 U Ġużeppi sab il-ħniena f’għajnejn sidu u qdieh kontinwament, u b’hekk dan ħatru fuq daru,+ u kulma kellu rħieh f’idejh. 5 U ġara li, mindu ħatru fuq daru u inkarigah minn kulma kellu, Ġeħova baqaʼ jbierek id-dar taʼ l-Eġizzjan minħabba Ġużeppi, u l-barka taʼ Ġeħova kienet fuq kulma kellu fid-dar u fir-rabaʼ.+ 6 Fl-aħħar, hu ħalla kulma kellu f’idejn Ġużeppi;+ u ma kien irid jaf b’xejn mingħandu ħlief bil-ħobż li kien jiekol. Iktar minn hekk, Ġużeppi sar sabiħ fis-sura u sabiħ fid-dehra.
7 Issa wara dan kollu ġara li mart sidu xeħtet għajnejha+ fuq Ġużeppi u kienet tgħidlu: “Imtedd miegħi.”+ 8 Imma hu kien jirrifjuta+ u kien jgħid lil mart sidu: “Ara! Sidi ma jrid jaf b’xejn mingħandi dwar x’hawn fid-dar, u kulma għandu rħieh f’idejja.+ 9 M’hemmx min hu akbar minni f’din id-dar, u ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu.+ Allura, kif nistaʼ jien nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?”+
10 U ġara li, għalkemm kienet tkellmu hekk jum wara l-ieħor, Ġużeppi qatt ma semaʼ minnha biex jimtedd maġenbha, biex ikompli magħha.+ 11 Imma ġara li, f’dan il-jum bħal f’kull jum ieħor, hu daħal id-dar jagħmel ix-xogħol tiegħu, u fid-dar ma kien hemm ħadd mill-qaddejja tad-dar.+ 12 Imbagħad qabditu minn ħwejġu,+ u qaltlu: “Imtedd miegħi!”+ Imma hu ħalla ħwejġu f’idha u ħarab u telaq ’il barra.+ 13 U ġara li, malli rat li hu kien ħalla ħwejġu f’idha biex jaħrab ’il barra, 14 bdiet tgħajjat lill-qaddejja taʼ darha u tgħidilhom: “Ara! Ġabilna raġel, Ebrew, biex iwaqqagħna għaċ-ċajt. Ġie għandi biex jimtedd miegħi, imma jien bdejt ngħajjat kemm niflaħ.+ 15 U malli semaʼ li għollejt leħni u bdejt ngħajjat, telaq ħwejġu ħdejja u ħarab u telaq ’il barra.” 16 Imbagħad żammet ħwejġu ħdejha sakemm sidu ġie lura d-dar tiegħu.+
17 U tennietlu dan il-kliem, u qaltlu: “Il-qaddej Ebrew li ġibtilna ġie għandi biex iwaqqagħni għaċ-ċajt. 18 Imma malli għollejt leħni u bdejt ngħajjat, telaq ħwejġu ħdejja u ħarab ’il barra.”+ 19 U malli sidu semaʼ kliem martu li tennietlu meta qaltlu: “Hekk u hekk għamilli l-qaddej tiegħek,” ir-rabja tiegħu xegħlet.+ 20 Għalhekk, sid Ġużeppi qabdu u xeħtu l-ħabs, il-post fejn kienu jinżammu arrestati l-priġunieri tas-sultan, u baqaʼ hemmhekk fil-ħabs.+
21 Madankollu, Ġeħova baqaʼ jkun maʼ Ġużeppi u baqaʼ jurih il-qalb tajba bl-imħabba u ppermettielu jsib il-ħniena f’għajnejn l-uffiċjal ewlieni tal-ħabs.+ 22 Għalhekk, l-uffiċjal ewlieni tal-ħabs ħalla f’idejn Ġużeppi l-priġunieri kollha li kienu l-ħabs; u kulma kienu qed jagħmlu hemmhekk, hu kien li ordnalhom biex jagħmluh.+ 23 L-uffiċjal ewlieni tal-ħabs ma kien qed jieħu ħsieb assolutament xejn li kien fdat f’idejh, għax Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u f’dak li kien jagħmel, Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi.+