Marku
1 Il-bidu taʼ l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu: 2 Bħalma hu miktub fil-ktieb tal-profeta Isaija: “(Ara! Qed nibgħat lill-messaġġier tiegħi quddiemek, u dan iħejji triqtek;)+ 3 ismaʼ, xi ħadd qed jgħajjat fix-xagħri, ‘Ħejju t-triq taʼ Ġeħova, iddrittaw triqatu,’”+ 4 Ġwanni l-għammied mar fix-xagħri jippriedka l-magħmudija b’simbolu taʼ l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet.+ 5 Għaldaqstant, dawk kollha li kienu fit-territorju tal-Lhudija u l-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm marru ħdejh, u kienu mgħammdin minnu fix-Xmara Ġordan, waqt li stqarrew quddiem kulħadd li kienu midinbin.+ 6 Issa Ġwanni kien jilbes xagħar tal-ġemel u ħżiem tal-ġild madwar ġenbejh,+ u kien jiekol ġurati+ u għasel salvaġġ.+ 7 U kien jippriedka u jgħid: “Warajja ġej xi ħadd li hu b’saħħtu iktar minni; jien ma jistħoqqlix nitbaxxa u nħoll il-qfieli tas-sandli tiegħu.+ 8 Jien għammidtkom bl-ilma, imma hu jgħammidkom bl-ispirtu qaddis.”+
9 Matul dawk il-jiem Ġesù ġie minn Nazaret tal-Galilija u tgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni.+ 10 U minnufih kif telaʼ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema;+ 11 u ġie leħen mis-smewwiet: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.”+
12 U minnufih l-ispirtu ġiegħlu jmur fix-xagħri.+ 13 U baqaʼ fix-xagħri erbgħin jum,+ ġie ttantat minn Satana,+ u kien mal-bhejjem salvaġġi, imma l-anġli kienu jaqduh.+
14 Issa, wara li Ġwanni ġie arrestat, Ġesù daħal fil-Galilija+ jippriedka l-aħbar tajba t’Alla+ 15 u jgħid: “Iż-żmien stabbilit twettaq,+ u s-saltna t’Alla qorbot. Indmu,+ u araw li jkollkom fidi fl-aħbar tajba.”
16 Waqt li kien miexi maʼ xatt il-baħar* tal-Galilija ra lil Xmun+ u lil Indrì ħu Xmun jixħtu x-xbieki fil-baħar, għax kienu sajjieda.+ 17 Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.”+ 18 U mill-ewwel abbandunaw ix-xbieki tagħhom u marru warajh.+ 19 U wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu bin Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa jsewwu x-xbieki tagħhom;+ 20 u sejħilhom bla dewmien. Imbagħad huma ħallew lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti u telqu warajh. 21 U rħewlha lejn Kafarnahum.+
Lanqas laħaq wasal is-Sabat* li ma daħalx fis-sinagoga u beda jgħallem. 22 U huma stagħġbu bil-mod kif għallimhom,+ għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi.+ 23 Ukoll, dak il-ħin stess kien hemm fis-sinagoga tagħhom raġel maħkum minn spirtu mhux nadif, u għajjat+ 24 u qal: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu?+ Ġejt biex teqridna? Jien naf+ eżatt min int, il-Qaddis+ t’Alla.”+ 25 Imma Ġesù ċanfru u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”+ 26 U, wara li qabbdu aċċessjoni u għajjat kemm felaħ, l-ispirtu mhux nadif ħareġ minnu.+ 27 In-nies kollha tant stagħġbu li bdew jiddiskutu bejniethom u jgħidu: “Dan x’inhu? Tagħlim ġdid! Hu jordna b’awtorità saħansitra lill-ispirti mhux nodfa, u dawn jobduh.”+ 28 Għalhekk, l-aħbar dwaru xterdet minnufih maʼ kullimkien fl-art kollha taʼ madwar il-Galilija.+
29 U minnufih ħarġu mis-sinagoga u daħlu fid-dar taʼ Xmun+ u Indrì maʼ Ġakbu u Ġwanni. 30 Issa l-kunjata+ taʼ Xmun kienet mixħuta bid-deni,+ u mill-ewwel qalulu biha. 31 U resaq lejha, qabdilha idha, u qajjimha; id-deni ħallieha,+ u bdiet taqdihom.+
32 Fil-għaxija, wara li niżlet ix-xemx, in-nies bdew iġibulu lil kulmin kien marid+ u lil dawk li kienu maħkumin mid-demonji;+ 33 u l-belt kollha nġabret quddiem il-bieb. 34 Għalhekk, fejjaq lil ħafna li kellhom mard differenti,+ u keċċa ħafna demonji, imma ma kienx iħalli d-demonji jitkellmu, għax kienu jafu li hu Kristu.*+
35 U kmieni fil-għodu, waqt li kien għadu d-dlam, qam, ħareġ barra, u telaq lejn post imwarrab,+ u hemmhekk beda jitlob.+ 36 Madankollu, Xmun u dawk taʼ miegħu marru jfittxuh, 37 sabuh, u qalulu: “Kulħadd qed ifittxek.” 38 Imma hu qalilhom: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-irħula fil-qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka+ hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.”+ 39 U mar jippriedka fis-sinagogi tagħhom fil-Galilija kollha u jkeċċi d-demonji.+
40 Resaq lejh ukoll wieħed imġiddem, talbu bil-ħrara għarkopptejh u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”+ 41 Hu ħassu mqanqal u tħassru,+ ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.”+ 42 U minnufih il-ġdiem għab minn fuqu, u ndaf.+ 43 Barra minn hekk, tah ordnijiet stretti u bagħtu mill-ewwel 44 u qallu: “Ara li ma tgħid xejn lil ħadd, imma mur uri ruħek lill-qassis+ u offri għat-tindif tiegħek dak li ordna Mosè,+ bħala xiehda għalihom.”+ 45 Imma wara li telaq, ir-raġel tant beda jxandar u jgħid lil kulħadd b’li ġralu, li Ġesù ma setax jidħol iktar bil-miftuħ f’xi belt, imma kien jibqaʼ barra fl-imwarrab. Madankollu, baqgħu ġejjin ħdejh minn kullimkien.+