Ġenesi
34 Issa Dina, bint Lea,+ li kienet wilditha lil Ġakobb, kienet toħroġ tara+ l-bniet tal-pajjiż.+ 2 U Sikem, bin Ħamor il-Ħiwwi,+ kap taʼ tribù tal-pajjiż, raha u ħadha u mtedd magħha u stupraha.+ 3 U ruħu ntrabtet maʼ Dina, bint Ġakobb, u sar iħobb liż-żagħżugħa u kien joqgħod ikellimha biex jipperswadiha. 4 Fl-aħħar, Sikem qal lil missieru Ħamor:+ “Iksibli din iż-żagħżugħa biex tkun marti.”+
5 U Ġakobb semaʼ li Sikem kien kasbar lil bintu Dina. U wliedu kienu mal-merħla tiegħu fl-għalqa;+ u Ġakobb baqaʼ sieket sakemm ġew.+ 6 Iktar tard Ħamor, missier Sikem, mar għand Ġakobb biex ikellmu.+ 7 U wlied Ġakobb ġew mill-għalqa malli semgħu b’dan; u l-irġiel ħassew is-sentimenti tagħhom imweġġgħin u rrabjaw ferm,+ għaliex hu kien wettaq bluha b’għajb għal Israel meta mtedd maʼ bint Ġakobb,+ għax ħaġa bħal din qatt ma messha saret.+
8 U Ħamor kellimhom u qalilhom: “Inkwantu għal ibni Sikem, ruħu marbuta maʼ bintkom.+ Jekk jogħġobkom, agħtuhielu b’martu,+ 9 u tħalltu b’rabtiet taż-żwieġ magħna.+ Il-bniet tagħkom agħtuhom lilna, u l-bniet tagħna ħuduhom għalikom.+ 10 U tistgħu toqogħdu magħna, u l-pajjiż ikun għad-dispożizzjoni tagħkom. Għammru u nnegozjaw fih u ibqgħu fih.”+ 11 Imbagħad Sikem qal lil missierha u lil ħutha: “Ħa nsib il-ħniena f’għajnejkom, u kulma tgħiduli nagħtih. 12 Żidu kemm tridu l-flus li jitħallsu għall-għarusa u l-għotja li suppost nagħti,+ u jien inkun lest li nagħti skond ma tgħiduli; biss agħtuni liż-żagħżugħa b’marti.”
13 U wlied Ġakobb wieġbu lil Sikem u lil missieru Ħamor bil-qerq, u tkellmu hekk għaliex hu kien kasbar lil oħthom Dina.+ 14 U ssoktaw jgħidulhom: “Ma jistax ikun li nagħmlu ħaġa bħal din, li nagħtu lil oħtna lil raġel mhux ċirkonċiż,+ għaliex dan ikun għajb għalina. 15 B’din il-kundizzjoni biss nistgħu naqblu magħkom, li intom issiru bħalna, billi kull raġel u tifel minnkom jiġi ċirkonċiż.+ 16 Imbagħad żgur li nagħtukom il-bniet tagħna, u l-bniet tagħkom niħduhom għalina, u żgur li ngħammru magħkom u nsiru poplu wieħed.+ 17 Imma jekk ma tisimgħux minna biex tiġu ċirkonċiżi, allura nieħdu lil bintna u mmorru.”
18 U kliemhom deher li kien tajjeb f’għajnejn Ħamor u f’għajnejn Sikem, bin Ħamor,+ 19 u ż-żagħżugħ ma damx m’aġixxa fi qbil maʼ din il-kundizzjoni,+ għaliex kien imsaħħar wara bint Ġakobb u hu kien l-iktar wieħed stmat+ mid-dar kollha taʼ missieru.+
20 Għalhekk, Ħamor u ibnu Sikem marru ħdejn bieb belthom u bdew ikellmu lin-nies taʼ belthom,+ u qalulhom: 21 “Dawn in-nies iridu jżommu l-paċi magħna.+ Għaldaqstant ħalluhom jgħammru fil-pajjiż u jinnegozjaw fih, għax fil-pajjiż hemm wisaʼ biżżejjed għalihom.+ Il-bniet tagħhom nistgħu niħduhom b’nisa tagħna u l-bniet tagħna nistgħu nagħtuhom lilhom.+ 22 B’din il-kundizzjoni biss dawn l-irġiel se jaqblu li jgħammru magħna sabiex insiru poplu wieħed, li kull raġel u tifel minna jiġi ċirkonċiż bħalma huma ċirkonċiżi huma.+ 23 Imbagħad l-affarijiet tagħhom u l-ġid tagħhom u l-bhejjem kollha tagħhom, mhux tagħna se jkunu?+ Għalhekk, ejja naqblu magħhom biex jgħammru magħna.”+ 24 Imbagħad dawk kollha li kienu ħerġin minn bieb beltu semgħu minn Ħamor u minn ibnu Sikem, u l-irġiel kollha ġew ċirkonċiżi, dawk kollha li kienu ħerġin minn bieb beltu.
25 Madankollu, ġara li fit-tielet jum, meta kienu muġugħin,+ Simegħon u Levi,+ iż-żewġ ulied taʼ Ġakobb, ħut Dina,+ qabdu kull wieħed minnhom is-sejf tiegħu u marru baxx baxx lejn il-belt u qatlu lil kull raġel u tifel.+ 26 U lil Ħamor u lil ibnu Sikem qatluhom b’xifer is-sejf.+ Imbagħad ħadu lil Dina minn dar Sikem u telqu ’l barra.+ 27 L-ulied l-oħra taʼ Ġakobb attakkaw lill-irġiel midrubin għall-mewt u serqu l-belt, għaliex huma kienu kasbru lil oħthom.+ 28 U ħadu l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom, il-ħmir tagħhom, dak li kien hemm fil-belt, u dak li kien hemm fir-rabaʼ.+ 29 U ħadulhom il-mezz t’għajxien kollu tagħhom, u lit-tfal ċkejknin kollha tagħhom u lin-nisa tagħhom ġarrewhom fil-jasar, sabiex b’hekk serqu kulma kien hemm fid-djar.+
30 U Ġakobb qal lil Simegħon u lil Levi:+ “Intom ġegħeltuni niġi mwarrab għax għamiltuni mibgħud mill-abitanti tal-pajjiż,+ il-Kangħanin u l-Pereżin; filwaqt li jien ftit fl-għadd,+ u huma żgur li se jinġemgħu flimkien kontrija u jaħbtu għalija u jeqirduni għalkollox, lili u lil dari.” 31 U huma wiġbuh: “Għandu xi ħadd jittratta lil oħtna bħal xi prostituta?”+