33 Għajtu bil-ferħ, O intom il-ġusti, minħabba Ġeħova.+
Jixraq li r-retti jagħtu tifħir.+
2 Roddu ħajr lil Ġeħova bl-arpa;+
Fuq strument b’għaxar kordi+ għannulu.
3 Kantawlu għanja ġdida;+
Doqqu l-istrumenti tal-korda bl-aħjar mod li tistgħu u għajtu bil-ferħ.+
4 Għax il-kelma taʼ Ġeħova hi retta,+
U kulma jagħmel jagħmlu bil-fedeltà.+
5 Hu jħobb is-sewwa u l-ġustizzja.+
Bil-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova mimlija l-art.+
6 Bil-kelma taʼ Ġeħova ntgħamlu s-smewwiet,+
U bl-ispirtu taʼ fommu l-armata kollha tagħhom.+
7 Hu jagħlaq l-ilmijiet tal-baħar bħallikieku b’ħitan,+
Iqiegħed fi mħażen l-ilmijiet għoljin.
8 Ħa jibżgħu minn Ġeħova n-nies kollha taʼ l-art.+
Ħa jkunu mbeżżgħin minnu l-abitanti kollha taʼ l-art.+
9 Għax hu nnifsu tkellem, u dan seħħ;+
Hu kkmanda, u dan sar.+
10 Ġeħova ġab fix-xejn l-intenzjoni tal-ġnus;+
Tellef il-ħsibijiet tal-popli.+
11 L-iskop taʼ Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem;+
Il-ħsibijiet taʼ qalbu ma jinbidlux minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
12 Hieni l-ġens li Alla tiegħu hu Ġeħova,+
Il-poplu li għażel bħala wirtu.+
13 Ġeħova ħares mis-smewwiet+
U ra lil ulied il-bnedmin kollha.+
14 Mill-post stabbilit fejn jgħammar+
Ħares fiss lejn dawk kollha li jgħammru fuq l-art.
15 Qed jifformalhom qalbhom ilkoll;+
Qed jikkunsidra l-għemejjel kollha tagħhom.+
16 L-ebda sultan ma jsalva b’ħafna qawwiet militari;+
Bniedem setgħan ma jinħelisx b’qawwa kbira.+
17 Iż-żiemel ma jiswiex għas-salvazzjoni,+
U bl-enerġija kbira li għandu ma jgħinx għall-ħarba.+
18 Ara! Għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jibżgħu minnu,+
Fuq dawk li jistennew il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu,+
19 Biex jeħilsilhom ruħhom mill-mewt,+
U biex iżommhom ħajjin fi żmien il-ġuħ.+
20 Ruħna tistenna lil Ġeħova.+
Hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.+
21 Bih qalbna tifraħ;+
Għax fl-isem qaddis tiegħu fdajna.+
22 Ħa tkun fuqna l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek,+ O Ġeħova,
Ladarba lilek bqajna nistennew.+