Ġeremija
31 “Dak iż-żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “jien insir Alla għall-familji kollha taʼ Israel; u huma jsiru l-poplu tiegħi.”+
2 Hekk qal Ġeħova: “In-nies li kienu salvaw mis-sejf sabu ħniena fix-xagħri,+ meta Israel kien miexi lejn il-mistrieħ tiegħu.”+ 3 Mill-bogħod Ġeħova deherli u qalli: “Bi mħabba dejjiema ħabbejtek.+ Huwa għalhekk li ġbidtek bil-qalb tajba bl-imħabba.+ 4 Madankollu, se nerġaʼ nibnik u int tinbena mill-ġdid,+ O verġni Israel. Għad tiżżejjen bit-tanburlini u toħroġ tiżfen bħal dawk daħqana.+ 5 Għad tħawwel għelieqi bid-dwieli fuq il-muntanji tas-Samarija.+ Il-bdiewa jħawluhom u jibdew jieklu minnhom.+ 6 Għax għad jasal jum meta l-għassiesa fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm jgħajtu, ‘Qumu, ejjew nitilgħu lejn Sijon, lejn Ġeħova Alla tagħna.’”+
7 Għax hekk qal Ġeħova: “Għajtu kemm tifilħu bil-ferħ għal Ġakobb; infexxu werżqu intom li qegħdin fuq il-ġnus.+ Xandru.+ Faħħru u għidu, ‘Salva, O Ġeħova, lill-poplu tiegħek, il-fdal taʼ Israel.’+ 8 Arani, se nġibhom mill-pajjiż tat-tramuntana+ u niġborhom flimkien mill-ibgħad partijiet taʼ l-art.+ Fosthom se jkun hemm l-agħma u z-zopp, il-mara tqila u dik li qed tiled, kollha flimkien.+ Se jiġu lura hawnhekk bħala kongregazzjoni kbira.+ 9 Se jiġu jibku,+ u waqt li jkunu qed jitolbuni bil-ħrara biex inħenn għalihom se nġibhom lura. Immexxihom lejn widien* taʼ l-ilma,+ fi triq tajba fejn ma jitfixklux. Għax jien sirt Missier+ għal Israel; u Efrajm huwa l-ewwel imwieled tiegħi.”+
10 Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, O ġnus, u xandruha fost il-gżejjer fil-bogħod,+ u għidu: “Dak li xerred lil Israel se jiġbru flimkien,+ u jżommu bħalma ragħaj iżomm il-merħla tiegħu.+ 11 Għax Ġeħova se jifdi lil Ġakobb+ u jieħdu lura minn taħt idejn dak li hu b’saħħtu iktar minnu.+ 12 U jiġu u jgħajtu bil-ferħ fuq l-għolja taʼ Sijon+ u wiċċhom jixgħel minħabba t-tjubija taʼ Ġeħova,+ minħabba l-qmuħ u l-inbid ġdid+ u ż-żejt u l-frieħ tan-nagħaġ u l-baqar.+ U huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb+ u qatt iktar ma jintelqu.”+
13 “Dak iż-żmien il-verġni se tifraħ u tiżfen, u l-ġuvintur u x-xjuħ ukoll, kollha flimkien.+ U jien se nibdel in-niket tagħhom f’ferħ kbir, u nfarraġhom u nferraħhom biex innessihom is-swied taʼ qalb tagħhom.+ 14 U nxebbaʼ lil ruħ il-qassisin b’ħafna ikel,+ u nimla lill-poplu tiegħi bi tjubiti,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
15 “Hekk qal Ġeħova, ‘F’Rama+ jinstemaʼ leħen, tinwiħ u biki taʼ mrar;+ Rakele+ qed tibki lil uliedha.+ Ma tridx titfarraġ għal uliedha,+ għax m’għadhomx iżjed.’”+
16 Hekk qal Ġeħova: “‘Żomm lura l-biki minn leħnek, u d-dmugħ minn għajnejk,+ għax se tiġi premjata għall-għemejjel tiegħek,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u huma żgur jirritornaw mill-pajjiż taʼ l-għadu.’+
17 “‘U hemm tama+ għall-futur tiegħek,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u wliedek żgur jirritornaw lejn it-territorju tagħhom.’”+
18 “Jien bla dubju smajt lil Efrajm jitħassar lilu nnifsu+ u jgħid, ‘Int ikkoreġejtni sabiex nikkoreġi ruħi,+ bħal għoġol li ma ġiex imħarreġ.+ Reġġagħni lura lejk, u jien indur lura mill-ewwel,+ għax int Ġeħova Alla tiegħi.+ 19 Għax wara li dort lura ddispjaċieni;+ u wara li sirt naf tajt fuq koxxti.+ Stħajt, u ħassejtni umiljat+ ukoll, għax kelli fuqi l-għajb taʼ żgħożiti.’”+
20 “M’huwiex Efrajm iben prezzjuż għalija, tifel li nittrattah b’għożża?+ Għax daqskemm tkellimt kontrih daqshekk ieħor niftakar fih fit-tajjeb.+ Għalhekk, il-ġewwieni* tiegħi tqanqal għalih.+ Żgur tiġini ħasra minnu,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
21 “Waqqaf sinjali fit-triq. Qiegħed pilastri għalik.+ Kun moħħok fit-triq ewlenija, it-triq li trid taqbad.+ Erġaʼ lura, O verġni Israel. Erġaʼ lura lejn blietek.+ 22 Kemm se ddum iddur ’l hemm u ’l hawn,+ O bint infidila?+ Għax Ġeħova ħalaq xi ħaġa ġdida fl-art: Mara tintrass madwar raġel b’saħħtu.”
23 Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Meta niġbor lill-imjassrin tagħhom ikunu għadhom qed jgħidu din il-kelma fl-art taʼ Ġuda u l-bliet tagħha, ‘Jalla Ġeħova jbierkek,+ O post ġust,+ O muntanja qaddisa.’+ 24 U Ġuda u l-bliet tiegħu kollha jgħammru fiha lkoll flimkien, il-bdiewa u dawk li ħarġu bil-merħla.+ 25 Għax jien inserraħ lir-ruħ għajjiena, u nissodisfa lil kull ruħ mitluqa.”+
26 Għal dan, jien stenbaħt u ħarist; u ngħasi kien ġieni ħelu.
27 “Ara! Ġejjin jiem,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta niżraʼ lil dar Israel u lil dar Ġuda biż-żerriegħa tal-bniedem u biż-żerriegħa taʼ l-annimal domestiku.”+
28 “U jseħħ li bħalma qgħadt għassa għalihom+ biex naqlagħhom mill-għeruq u nwaqqagħhom u nġarrafhom u neqridhom u nagħmlilhom il-ħsara,+ daqshekk ieħor noqgħod għassa għalihom biex nibnihom u nħawwilhom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 29 “F’dak iż-żmien ma jgħidux iktar, ‘Il-missirijiet kielu l-għeneb mhux misjur, imma kienu snien l-ulied li ddarrsu.’+ 30 Imma kull wieħed imut minħabba l-iżball tiegħu stess.+ Kulmin jiekol l-għeneb mhux misjur, ikunu snienu stess li jiddarrsulu.”
31 “Ara! Għad jiġi żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta nagħmel patt ġdid+ maʼ dar Israel+ u maʼ dar Ġuda;+ 32 mhux bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom biex noħroġhom mill-art taʼ l-Eġittu,+ ‘il-patt tiegħi li kisru,+ għalkemm jien kont sidhom bħal raġel miżżewweġ,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”
33 “Għax dan hu l-patt+ li nagħmel maʼ dar Israel wara dak iż-żmien,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Inqiegħed il-liġi tiegħi ġo fihom,+ u niktibha f’qalbhom.+ U nsir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”+
34 “U ma jibqgħux jgħallmu kull wieħed lil sieħbu, u kull wieħed lil ħuh,+ billi jgħidu, ‘Kunu afu lil Ġeħova!’+ għax kollha jkunu jafuni, mill-iżgħar wieħed sa l-akbar wieħed minnhom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Għax naħfrilhom l-iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.”+
35 Hekk qal Ġeħova, Dak li jagħti x-xemx għad-dawl bi nhar,+ il-qamar u l-kwiekeb bl-istatuti+ tagħhom għad-dawl bil-lejl,+ Dak li jqanqal il-baħar sabiex il-mewġ tiegħu jitqalleb,+ Dak li ismu hu Ġeħova taʼ l-armati:+ 36 “‘Kieku dawn ir-regolamenti jistgħu jitneħħew minn quddiemi,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘kieku anki dawk li huma n-nisel taʼ Israel jistgħu jieqfu milli jkunu ġens, li hu dejjem quddiemi.’”+
37 Hekk qal Ġeħova: “‘Kieku s-smewwiet hemm fuq jistgħu jitkejlu u s-sisien taʼ l-art hemm taħt jistgħu jinstabu,+ kieku jien ukoll inkun nistaʼ niċħad lin-nisel kollu taʼ Israel għal kulma għamel,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”
38 “Ara! Ġej żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta l-belt tinbena+ għal Ġeħova mit-Torri taʼ Ħananel+ sal-Bieb tal-Kantuniera.+ 39 U l-ħabel tal-kejl+ jibqaʼ sejjer dritt sa l-għolja taʼ Gareb, u jdur sa Gogħa. 40 U l-pjanura l-baxxa kollha taʼ l-iġsma mejtin+ u taʼ l-irmied,*+ u r-rabaʼ mtarraġ kollu sal-wied taʼ Kidron+ u sal-kantuniera taʼ Bieb iż-Żwiemel+ lejn tlugħ ix-xemx, ikunu xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.+ Ma titqaċċatx mill-għeruq, u qatt iżjed ma tiġġarraf, għal żmien indefinit.”+