Luqa
15 Issa l-kolletturi kollha tat-taxxi+ u l-midinbin+ kienu jersqu lejh biex jisimgħuh. 2 Għaldaqstant, kemm il-Fariżej u kemm l-iskribi kienu jgemgmu minn taħt l-ilsien u jgħidu: “Dan ir-raġel jilqaʼ lill-midinbin u jiekol magħhom.”+ 3 Imbagħad qalilhom din it-tixbiha: 4 “Min minnkom, li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, ma jħallix warajh lid-disgħa u disgħin fix-xagħri u jmur ifittex il-mitlufa sakemm isibha?+ 5 U meta jsibha jpoġġiha fuq spallejh u jifraħ.+ 6 U meta jasal id-dar isejjaħ flimkien lil ħbiebu u lill-ġirien tiegħu u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li ntilfitli.’+ 7 Ngħidilkom li, bl-istess mod, ikun hemm iktar ferħ fis-sema minħabba midneb wieħed li jindem+ milli minħabba disgħa u disgħin bniedem sewwa li m’għandhomx bżonn jindmu.+
8 “Jew liema mara li jkollha għaxar muniti taʼ drakma* u titlef waħda ma tixgħelx musbieħ, tiknes darha, u tfittex bir-reqqa sakemm issibha? 9 U meta ssibha, issejjaħ flimkien lin-nisa ħbieb u ġirien tagħha u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li tlift.’ 10 Bl-istess mod, ngħidilkom, ikun hemm ferħ fost l-anġli t’Alla minħabba midneb wieħed li jindem.”+
11 Imbagħad qal: “Wieħed raġel kellu żewġ ulied.+ 12 U ż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini l-parti mill-proprjetà li hi sehmi.’+ Imbagħad dan qassmilhom ġidu.+ 13 U wara ftit jiem iż-żgħir ġabar kollox u siefer lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu billi għex ħajja sfrattata.+ 14 Meta nefaq kollox, waqaʼ ġuħ kbir maʼ dak il-pajjiż kollu, u hu ġie fil-bżonn. 15 Hu saħansitra mar u qabad maʼ wieħed miċ-ċittadini taʼ dak il-pajjiż, u dan bagħtu fl-għelieqi tiegħu biex jirgħa l-ħnieżer.+ 16 U kien jixtieq jimla żaqqu bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih xejn.+
17 “Meta ġie f’sensih, qal, ‘Kemm lavranti maʼ missieri għandhom ħobż bix-xabaʼ, waqt li jien qed immut bil-ġuħ hawnhekk! 18 Inqum u mmur+ għand missieri u ngħidlu: “Missier, jien dnibt kontra s-sema u kontrik.+ 19 M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mil-lavranti tiegħek.”’ 20 Għalhekk, qam u mar għand missieru. Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u ħassu mqanqal u tħassru, u telaq jiġri u għannqu u biesu b’tenerezza. 21 Imbagħad l-iben qallu, ‘Missier, jien dnibt kontra s-sema u kontrik.+ M’għadux jistħoqqli li nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mil-lavranti tiegħek.’+ 22 Imma l-missier qal lill-ilsiera tiegħu, ‘Ħaffu! Oħorġu libsa, l-aħjar waħda, u libbsuhielu,+ u poġġulu ċurkett+ f’idu u sandli f’saqajh. 23 U ġibu l-għoġol l-imsemmen,+ oqtluh, u ejja nieklu u nieħdu pjaċir, 24 għax dan ibni kien mejjet u reġaʼ ħa l-ħajja;+ kien mitluf u nstab.’ U bdew jieħdu pjaċir.
25 “Issa ibnu l-kbir+ kien fl-għalqa; u x’ħin kien ġej u wasal qrib id-dar semaʼ d-daqq u ż-żfin. 26 Għalhekk, sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dan x’kien ifisser. 27 Qallu, ‘Ġie ħuk,+ u missierek+ qatel l-għoġol l-imsemmen, għax laqgħu lura qawwi u sħiħ.’ 28 Imma hu rrabja u ma riedx jidħol. Imbagħad missieru ħareġ barra u beda jitolbu bil-ħrara.+ 29 Hu wieġeb u qal lil missieru, ‘Ili tant snin nitjassar għalik u qatt ma ksirt il-kmand tiegħek, u madankollu lili qatt ma tajtni gidi biex nieħu pjaċir maʼ ħbiebi.+ 30 Imma malli wasal dan ibnek+ li ħela ġidek mal-prostituti,+ int qtiltlu l-għoġol l-imsemmen.’+ 31 Imbagħad qallu, ‘Ibni, int dejjem kont miegħi, u kulma hu tiegħi hu tiegħek;+ 32 imma aħna ma stajniex ma niħdux pjaċir u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u ħa l-ħajja, u kien mitluf u nstab.’”+