Dewteronomju
25 “Jekk iqum argument bejn xi rġiel,+ u dawn jippreżentaw ruħhom għall-ġudizzju,+ l-imħallfin iridu jiġġudikawhom u lill-ġust jiddikjarawh ġust u lil dak mill-agħar jiddikjarawh mill-agħar.+ 2 U jrid iseħħ li jekk dak li hu mill-agħar ikun jistħoqqlu s-swat,+ l-imħallef irid iġiegħlu jinxteħet għal tulu u l-għadd taʼ daqqiet+ li jingħata quddiemu jkun skond l-għemil ħażin tiegħu. 3 Erbgħin daqqa jistaʼ jagħtih. M’għandu jżid lanqas waħda, li ma jmurx ikompli jagħtih ħafna daqqiet iktar minn dawn+ u ħuk jaqaʼ fl-għajb quddiem għajnejk.
4 “Tagħmilx sarima maʼ ħalq il-barri waqt li jkun qed jidres.+
5 “Jekk l-aħwa jgħammru flimkien u wieħed minnhom imut mingħajr ma jkollu iben, mart il-mejjet m’għandhiex tiżżewweġ barra mill-familja maʼ raġel stranġier. Ħu żewġha għandu jmur għandha, u jrid jiħodha b’martu u jiżżewwiġha u jaqdi dmiru magħha bħala ħu żewġha.+ 6 U jrid iseħħ li l-ewwel imwieled li tiled għandu jiret isem ħuh il-mejjet,+ sabiex ismu ma jinqeridx minn Israel.+
7 “Issa jekk ir-raġel ma jogħġbux jieħu l-armla taʼ ħuh, l-armla taʼ ħuh titlaʼ ħdejn bieb il-belt għand ix-xjuħ+ u tgħid, ‘Ħu żewġi ma jridx iqajjem isem ħuh f’Israel. Ma qabilx li jiżżewwiġni u jaqdi dmiru miegħi bħala ħu żewġi.’ 8 U x-xjuħ taʼ beltu jsejħulu u jkellmuh, u hu jidher quddiemhom u jgħid, ‘Ma jogħġobnix niħodha.’+ 9 U l-armla taʼ ħuh tersaq lejh quddiem għajnejn ix-xjuħ u tneħħilu s-sandlija minn siequ+ u tobżoqlu f’wiċċu+ u twieġeb u tgħid, ‘Hekk għandhom jagħmlulu lir-raġel li ma jkunx irid inissel iben għal ħuh.’+ 10 U ismu jrid jissejjaħ f’Israel ‘Id-dar taʼ dak li tneħħietlu s-sandlija.’
11 “Jekk xi rġiel jissieltu flimkien, wieħed maʼ l-ieħor, u mart wieħed minnhom tersaq qrib biex teħles lil żewġha minn id dak li qed isawtu, u hi toħroġ idha u taqbdu mill-partijiet privati tiegħu,+ 12 aqtgħalha idha barra. Għajnejk m’għandhomx tiġihom ħasra.+
13 “M’għandux ikollok fil-ħorġa tiegħek żewġ tipi t’użin,+ wieħed kbir u wieħed żgħir. 14 M’għandux ikollok f’darek żewġ tipi t’efa,+ waħda kbira u waħda żgħira. 15 Għandu jkollok użin eżatt u ġust. Għandu jkollok efa eżatta u ġusta, sabiex jitwalu jiemek fl-art li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek.+ 16 Għax kulmin jagħmel dawn l-affarijiet, kulmin jimxi bl-inġustizzja, hu xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova Alla tiegħek.+
17 “Għandek tiftakar x’għamillek Għamalek fit-triq meta kontu ħerġin mill-Eġittu,+ 18 kif iltaqaʼ miegħek fit-triq u ġie minn warajk u attakka lil dawk kollha li kienu qed ikarkru warajk, meta int kont dgħajjef u għajjien; u hu ma beżax minn Alla.+ 19 U jrid iseħħ li meta Ġeħova Alla tiegħek ikun serrħek mill-għedewwa kollha taʼ madwarek fl-art li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk,+ għandek tħassar isem Għamalek minn taħt is-smewwiet biex ma jissemmiex iktar.+ Qis li ma tinsiex.