Marku
4 U għal darb’oħra beda jgħallem ħdejn il-baħar.+ U folla kbira ferm inġabret ħdejh, u għalhekk telaʼ bil-qiegħda f’dgħajsa u qagħad fuq il-baħar, imma l-folla kollha kienet f’xatt il-baħar.+ 2 Għaldaqstant, beda jgħallimhom ħafna affarijiet bit-tixbihat+ u jgħidilhom fit-tagħlim tiegħu:+ 3 “Isimgħu. Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ.+ 4 U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żerriegħa waqgħet fil-ġenb tat-triq, u ġew l-għasafar u kiluha.+ 5 U xi żerriegħa oħra waqgħet fuq il-blat fejn, naturalment, ma tantx kellha ħamrija, u, peress li l-ħamrija ma kinitx fonda, nibtet mill-ewwel.+ 6 Imma meta telgħet ix-xemx, inħarqet, u, għax ma kellhiex għeruq, nixfet.+ 7 U xi żerriegħa oħra waqgħet qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħonoqha, u ma tatx frott.+ 8 Imma oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba,+ u, meta kibru u kotru, bdew jagħtu l-frott, u din bdiet tagħti tletin, dik sittin u dik mija.”+ 9 Għalhekk, żied jgħid: “Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+
10 Issa, meta kien waħdu, dawk taʼ madwaru flimkien mat-tnax bdew jistaqsuh dwar it-tixbihat.+ 11 U qalilhom: “Lilkom ngħata s-sigriet sagru+ tas-saltna t’Alla, imma għal dawk taʼ barra kollox iseħħ bit-tixbihat,+ 12 sabiex, għalkemm iħarsu, iħarsu iżda ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, jisimgħu iżda ma jifhmux, u qatt ma jduru lura u tingħatalhom il-maħfra.”+ 13 Barra minn hekk qalilhom: “Ma tafuhiex din it-tixbiha, allura kif se tifhmu t-tixbihat l-oħrajn kollha?
14 “Dak li jiżraʼ, jiżraʼ l-kelma.+ 15 Dawn, mela, huma dawk li waqgħu fil-ġenb tat-triq fejn tinżeraʼ l-kelma: malli jkunu semgħuha, jiġi+ Satana u jieħu l-kelma li nżergħet fihom.+ 16 U bl-istess mod dawn huma dawk li nżergħu fuq il-blat: malli jisimgħu l-kelma, jaċċettawha bil-ferħ.+ 17 Iżda m’għandhomx għeruq fihom infushom, imma jkomplu għal xi żmien; imbagħad malli tqum xi tribulazzjoni jew persekuzzjoni minħabba l-kelma, jitfixklu.+ 18 Jerġaʼ hemm oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk; dawn huma dawk li jkunu semgħu l-kelma,+ 19 imma l-ansjetajiet+ taʼ din is-sistema, il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi,+ u x-xewqa+ għal affarijiet oħra jidħlu fihom u joħonqu l-kelma, u din issir bla frott.+ 20 Fl-aħħarnett, dawk li nżergħu f’ħamrija tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma u jilqgħuha u jagħtu l-frott, min tletin u min sittin u min mija.”+
21 U kompla jgħidilhom: “Il-musbieħ ma jġibuhx biex iqegħduh taħt qoffa jew taħt sodda, hux hekk? Iġibuh biex iqegħduh fuq gandlier, mhux hekk?+ 22 Għax m’hemm xejn mistur jekk mhux biex jinkixef; xejn m’hu moħbi bil-għaqal jekk mhux biex joħroġ fil-beraħ.+ 23 Kulmin għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+
24 Qalilhom ukoll: “Oqogħdu attenti x’qed tisimgħu.+ Bil-kejl li qed tkejlu intom, se jitkejlilkom,+ iva, iktar se jiżdidilkom.+ 25 Għax min għandu se jingħatalu iktar, imma min m’għandux se jittiħidlu saħansitra dak li għandu.”+
26 Għalhekk, kompla jgħid: “B’dan il-mod is-saltna t’Alla hi bħal meta raġel jixħet iż-żerriegħa fl-art,+ 27 u jorqod bil-lejl u jqum bi nhar, u ż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.+ 28 L-art tagħti l-frott minnha nfisha bil-mod il-mod, l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula, fl-aħħarnett il-qamħ mimli fis-sbula. 29 Imma malli jsir il-frott ilesti l-minġel, għax ikun wasal il-ħsad.”
30 U kompla jgħid: “ Maʼ liema ħaġa nxebbhuha s-saltna t’Alla, jew b’liema tixbiha nfissruha?+ 31 Hi bħal żerriegħa tal-mustarda, li meta nżergħet fl-art kienet l-iżgħar miż-żrieragħ kollha li hawn fuq l-art+— 32 imma wara li tinżeraʼ, titlaʼ u ssir akbar mill-ħxejjex l-oħrajn kollha u tipproduċi friegħi kbar,+ tant li l-għasafar tas-sema+ jkunu jistgħu joqogħdu għad-dell tagħha.”+
33 Għalhekk, kien ixandrilhom il-kelma b’ħafna tixbihat+ bħal dawn, sakemm setgħu jifhmu. 34 Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha, imma meta kien ikun waħdu mad-dixxipli tiegħu, lil dawn kien jispjegalhom kollox.+
35 U dakinhar, x’ħin sar fil-għaxija, qalilhom: “Ejja naqsmu għax-xatt l-ieħor.”+ 36 Għalhekk, wara li bagħtu lill-folla, ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa, u miegħu kien hemm dgħajjes oħrajn.+ 37 Issa, qam riefnu qawwi ferm, u l-mewġ beda jħabbat mad-dgħajsa b’qawwa kbira, hekk li d-dgħajsa kienet għoddha mtliet bl-ilma.+ 38 Imma hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Għalhekk, qajmuh u qalulu: “Għalliem, ma jimpurtakx li se nintilfu?”+ 39 Għal dan, qam u ċanfar ir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Oqgħod kwiet!”+ U r-riħ batta, u waqgħet kalma kbira.+ 40 Għalhekk, qalilhom: “Għalfejn qed tibżgħu? Għadkom bla fidi?” 41 Imma qabadhom biżaʼ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jobduh?”+