Eżodu
32 Sadanittant, in-nies raw li Mosè kien qed jieħu żmien twil biex jinżel minn fuq il-muntanja.+ Għalhekk, in-nies inġemgħu madwar Aron u qalulu: “Qum, agħmlilna alla li jimxi qabilna,+ għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-art taʼ l-Eġittu,+ ma nafux x’sar minnu.” 2 U Aron qalilhom: “Neħħu l-imsielet tad-deheb+ minn widnejn in-nisa tagħkom u wliedkom subien u bniet, u ġibuhomli.” 3 U n-nies kollha bdew ineħħu l-imsielet tad-deheb li kellhom f’widnejhom u jġibuhom lil Aron. 4 Imbagħad hu ħa d-deheb minn idejhom, u sawru+ b’għodda tat-tinqix, u għamel statwa t’għoġol mill-metall imdewweb.+ U huma bdew jgħidu: “Dan hu Alla tiegħek, O Israel, li tellgħek mill-art taʼ l-Eġittu.”+
5 Meta Aron ra dan, hu bena artal quddiemu. Fl-aħħar, Aron għajat u qal: “Għada ssir festa lil Ġeħova.” 6 Għalhekk, l-għada qamu kmieni, u bdew joffru offerti tal-ħruq u jippreżentaw sagrifiċċji taʼ sħubija. Imbagħad in-nies qagħdu bil-qiegħda biex jieklu u jixorbu. Wara qamu jixxalaw.+
7 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Mur, inżel, għax il-poplu tiegħek li tellajt mill-art taʼ l-Eġittu aġixxa b’mod mill-agħar.+ 8 Huma malajr warrbu mit-triq li jien ikkmandajthom biex jimxu fiha.+ Għamlu għalihom statwa t’għoġol minn metall imdewweb u qed imilu quddiemu u joffrulu sagrifiċċji u jgħidu, ‘Dan hu Alla tiegħek, O Israel, li tellgħek mill-art taʼ l-Eġittu.’”+ 9 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Jien ħarist lejn dan il-poplu, u, ara, hu poplu rasu iebsa.*+ 10 Għalhekk, issa ħallini, biex ir-rabja tiegħi tixgħel kontrihom u neqridhom għalkollox,+ u lilek nagħmlek ġens kbir.”+
11 U Mosè taffa l-korla* taʼ Ġeħova Alla tiegħu+ u qallu: “Għala, O Ġeħova, għandha r-rabja tiegħek+ tixgħel kontra l-poplu tiegħek li int ħriġt mill-art taʼ l-Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha? 12 Għala għandhom l-Eġizzjani+ jgħidu, ‘B’intenzjoni ħażina ħariġhom sabiex joqtolhom qalb il-muntanji u biex jeqridhom għalkollox minn fuq wiċċ l-art’?+ Erġaʼ lura mir-rabja taħraq tiegħek+ u ħa jiddispjaċik+ għad-deni li trid tagħmel lill-poplu tiegħek. 13 Ftakar fil-qaddejja tiegħek, Abraham, Iżakk, u Israel, li lilhom ħlift bik innifsek,+ billi għedtilhom, ‘Se nkattar lil nisilkom bħall-kwiekeb tas-smewwiet,+ u din l-art kollha li jien għażilt nagħtiha lil nisilkom,+ sabiex jiħduha f’idejhom għal żmien indefinit.’”+
14 U Ġeħova ddispjaċieh għad-deni li kien qal li se jagħmel lill-poplu tiegħu.+
15 Imbagħad Mosè dar u niżel minn fuq il-muntanja+ biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza+ f’idu, twavel bil-kitba fuq iż-żewġ naħat tagħhom. Kienu bil-kitba fuq naħa waħda u fuq in-naħa l-oħra. 16 U t-twavel kienu xogħol Alla, u l-kitba kienet il-kitba t’Alla minquxa fuq it-twavel.+ 17 U Ġożwè beda jismaʼ l-ħoss tan-nies minħabba l-għajat tagħhom, u qal lil Mosè: “Hemm ħoss taʼ battalja+ fil-kamp.” 18 Imma dan qal:
“M’huwiex il-ħoss tal-kant minħabba xi għemil setgħan,+
U m’huwiex il-ħoss tal-kant taʼ xi telfa;
Hu l-ħoss taʼ kant ieħor li qed nismaʼ.”
19 U ġara li, malli qorob lejn il-kamp u setaʼ jara l-għoġol+ u ż-żfin, Mosè xegħel bir-rabja, u minnufih xeħet it-twavel li kellu f’idejh u farrakhom f’riġlejn il-muntanja.+ 20 Imbagħad qabad l-għoġol li kienu għamlu huma u ħarqu bin-nar u taħnu sakemm sar trab,+ u wara ferrxu fuq wiċċ l-ilmijiet+ u ġiegħel lil ulied Israel jixorbuh.+ 21 Imbagħad Mosè qal lil Aron: “X’għamillek dan il-poplu biex int ġibt dnub kbir fuqu?” 22 Wieġbu Aron: “Tħallix ir-rabja taʼ sidi tixgħel. Int tafhom sew lin-nies, li huma inklinati lejn il-ħażen.+ 23 Għalhekk, qaluli, ‘Agħmlilna alla li jimxi qabilna,+ għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-art taʼ l-Eġittu, ma nafux x’sar minnu.’ 24 Għaldaqstant għedtilhom, ‘Min għandu xi deheb? Irid ineħħih minn fuqu u jagħtihuli.’ U jien tfajtu fin-nar, u ħareġ dan l-għoġol.”
25 U Mosè ra li n-nies kienu bla rażan, għax Aron kien ħalliehom isiru bla rażan+ b’għajb għalihom fost dawk li jopponuhom.+ 26 Imbagħad Mosè qagħad wieqaf f’bieb il-kamp u qal: “Min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova? Ħa jiġi ħdejja!”+ U wlied Levi kollha bdew jinġabru ħdejh. 27 Issa hu qalilhom: “Dan qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, ‘Poġġu kull wieħed minnkom sejfu fuq ġenbu. Għaddu u erġgħu lura minn bieb għal bieb fil-kamp u oqtlu kull wieħed lil ħuh u kull wieħed lil sieħbu u kull wieħed lill-ħabib intimu tiegħu.’”+ 28 U wlied Levi+ għamlu kif kien qalilhom Mosè, u b’hekk mietu dakinhar madwar tlett elef raġel. 29 U Mosè ssokta jgħid: “Saħħu lilkom infuskom illum għas-servizz taʼ Ġeħova,+ għaliex kull wieħed minnkom hu kontra ibnu stess u ħuh stess,+ u sabiex illum hu jitfaʼ barka fuqkom.”+
30 U ġara li l-għada stess Mosè qal lin-nies: “Intom—intom għamiltu dnub kbir,+ u issa jien se nitlaʼ ħdejn Ġeħova. Forsi nkun nistaʼ npatti għal dnubkom.”+ 31 Għalhekk, Mosè mar lura ħdejn Ġeħova u qallu: “Imma dan il-poplu għamel dnub kbir, għax huma għamlu alla tad-deheb għalihom infushom!+ 32 Imma issa li kont taħfrilhom dnubhom,+—u jekk le, ħassarni,+ jekk jogħġbok, mill-ktieb tiegħek+ li ktibt.” 33 Madankollu, Ġeħova qal lil Mosè: “Kulmin dineb kontrija, inħassru mill-ktieb tiegħi.+ 34 U issa, mur, mexxi lin-nies lejn il-post li għedtlek dwaru. Ara! L-anġlu tiegħi jimxi qablek,+ u dakinhar li nġib il-kastig żgur li se nikkastigahom għal dnubhom.”+ 35 U Ġeħova kkastiga lin-nies minħabba l-għoġol li kienu għamlu permezz t’Aron.+