Rut
3 Nagħomi, il-kunjata tagħha, issa qaltilha: “Binti, m’għandix jien infittixlek post taʼ mistrieħ+ għall-ġid tiegħek stess? 2 U issa, m’huwiex Bogħaż qaribna,+ dak li int qgħadt man-nisa żgħażagħ tiegħu? Ara! Illejla se jkun qed iderri*+ x-xgħir fil-qiegħa tad-dris. 3 Għalhekk, inħasel, indilek biż-żejt,+ itfaʼ l-mantell fuqek,+ u inżel lejn il-qiegħa. Tħallihx ikun jaf min int sakemm ikun kiel u xorob. 4 U x’ħin jimtedd, oqgħod attenta biex tara fejn jimtedd; u ersaq lejh u ikxiflu saqajh u mtedd hemmhekk; imbagħad hu jgħidlek x’għandek tagħmel.”
5 Hi wiġbitha: “Nagħmel kulma tgħidli.” 6 U niżlet lejn il-qiegħa u għamlet kulma ordnatilha l-kunjata. 7 Sadanittant, Bogħaż kiel u xorob, u ħassu kuntent f’qalbu,+ u mar jimtedd f’tarf il-munzell tal-qmuħ. Imbagħad hi resqet inkiss inkiss, kixfitlu saqajh, u mteddet. 8 Ġara li f’nofs il-lejl hu beda jirtogħod. Għalhekk, qam bil-qiegħda, u, ara, kien hemm mara mimduda ħdejn saqajh! 9 Imbagħad staqsiha: “Min int?” Qaltlu: “Jien Rut l-ilsira tiegħek, ifrex tarf ilbiesek fuq l-ilsira tiegħek, għax int għandek id-dritt tal-fidwa.”+ 10 Għalhekk, qalilha: “Jalla tkun imbierka minn Ġeħova,+ binti. Il-qalb tajba bl-imħabba+ li wrejt issa hi aħjar minn dik li wrejt qabel,+ għax ma mortx wara l-irġiel żgħażagħ, la foqra u lanqas għonja. 11 U issa, binti, tibżax. Kulma tgħidli nagħmillek,+ għax f’bieb il-belt taʼ niesi kulħadd jaf li int mara mill-aħjar.+ 12 Huwa minnu li jien għandi d-dritt tal-fidwa,+ imma hemm ukoll xi ħadd ieħor, li jiġi minnek iktar mill-qrib, li għandu dan id-dritt.+ 13 Għaddi l-lejl hawnhekk, u jekk għada fil-għodu jkun irid jifdik,+ tajjeb! Ħa jifdik. Imma jekk ma jogħġbux jifdik, nifdik jien stess, daqskemm hu żgur li Ġeħova hu ħaj.+ Ibqaʼ mimduda sa fil-għodu.”
14 U baqgħet mimduda ħdejn saqajh sa fil-għodu u mbagħad qamet qabel ma setaʼ jagħrafha xi ħadd. Issa qalilha: “Qis li ħadd ma jkun jaf li kien hawn mara fil-qiegħa.”+ 15 U qalilha wkoll: “Ġib il-mantar taʼ fuqek, u żommu miftuħ.” Hi żammitu miftuħ u kejlilha sitt kejliet* xgħir u tahomlha, u mbagħad daħal il-belt.
16 Hi telqet għal għand il-kunjata, u din staqsietha: “Din int, binti?” U hi rrakkontatilha kulma kien għamlilha Bogħaż. 17 U kompliet tgħidilha: “Tani dawn is-sitt seat xgħir, għax qalli, ‘Tmurx b’idek vojta għand il-kunjata.’”+ 18 U din qaltilha: “Stenna, binti, sakemm tkun taf kif se tintemm il-kwistjoni, għax dan ir-raġel mhux se jistrieħ qabel ma jirranġa kollox illum.”+