Proverbji
14 Il-mara tassew għarfa bniet darha,+ imma l-belha ġġarrafha b’idejha stess.+
2 Min jimxi b’mod rett jibżaʼ minn Ġeħova,+ imma min jgħawweġ triqatu għandu stmerrija Lejh.+
3 Il-ħatar tas-suppervja qiegħed f’fomm l-iblah,+ imma xofftejn l-għorrief jgħassuhom.+
4 Fejn m’hemmx baqar il-maxtura nadifa, imma l-wiċċ tar-rabaʼ hu kotran minħabba l-qawwa taʼ barri.
5 Xhud taʼ min jafdah ma jigdibx,+ imma xhud falz jaqlaʼ biss gideb.+
6 Dak li jwaqqaʼ kollox għaċ-ċajt ipprova jsib l-għerf, u ma sab xejn; imma l-għarfien hu xi ħaġa faċli għal min għandu l-abbiltà li jifhem.+
7 Itlaq minn quddiem bniedem stupidu,+ għax inkella żgur li m’intix se tagħti kas xofftejn l-għarfien.+
8 L-għerf taʼ min hu prudenti huwa li jifhem triqtu,+ imma l-bluha taʼ l-istupidi hija qerq.+
9 Dawk li jiddieħqu bil-ħtija huma boloh,+ imma fost ir-retti hemm il-ftehim.+
10 Il-qalb taf bl-imrar tagħha stess,*+ u fil-ferħ tagħha l-ebda stranġier ma jindaħal.
11 Dar in-nies mill-agħar se tinqered,+ imma t-tinda tar-retti se tiffjorixxi.+
12 Hemm triq li tidher retta għal bniedem,+ imma mbagħad tmiemha hu l-mewt.+
13 Anki fid-daħq il-qalb tistaʼ tkun muġugħa;+ u l-ferħ jispiċċa fi swied taʼ qalb.+
14 Min hu bla fidi f’qalbu se jkun sodisfatt bir-riżultati taʼ triqatu,+ imma l-bniedem tajjeb sodisfatt bir-riżultati taʼ l-għemejjel tiegħu.+
15 Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ,+ imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.+
16 L-għaref jibżaʼ u jwarrab mill-ħażen,+ imma l-istupidu jirrabja u jafda fih innifsu.+
17 Bluha se jagħmel min jirrabja malajr;+ imma l-bniedem li juża l-abbiltà li jaħseb hu mibgħud.+
18 Dawk taʼ bla esperjenza jiksbu l-bluha,+ imma dawk li huma prudenti se jkollhom l-għarfien bħal għata fuq rashom.+
19 Il-ħżiena se jkollhom imilu quddiem it-tajbin,+ u n-nies mill-agħar imilu wara bieb il-ġust.
20 Wieħed taʼ ftit mezzi jiġi mibgħud minn sieħbu stess,+ imma ħafna huma l-ħbieb taʼ l-għani.+
21 Min jistmerr lil sieħbu qed jidneb,+ imma hieni hu min iħenn għal min isofri.+
22 Dawk li jfasslu l-ħsara mhux jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn se jispiċċaw?+ Imma għal dawk li jfasslu t-tajjeb hemm qalb tajba bl-imħabba u verità.+
23 F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ,+ imma l-kelma tax-xofftejn waħedha ġġib l-għaks.
24 Il-kuruna taʼ l-għorrief hi r-rikkezzi tagħhom; il-bluha taʼ l-istupidi hi bluha.+
25 Xhud veru qed jeħles il-ħajjiet,+ imma wieħed qarrieq jaqlaʼ biss gideb.+
26 Min jibżaʼ minn Ġeħova għandu fiduċja qawwija fih,+ u għal uliedu se jkun hemm refuġju.+
27 Il-biżaʼ taʼ Ġeħova huwa bir tal-ħajja,+ biex ibiegħed min-nases tal-mewt.+
28 Fejn hemm kotra taʼ nies hemm it-tiżjin taʼ sultan,+ imma fejn hemm nuqqas taʼ popolazzjoni hemm ir-rovina t’uffiċjal għoli.+
29 Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment,+ imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-bluha.+
30 Qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem,+ imma l-għira therri l-għadam.+
31 Min qed jimbrolja lill-batut imaqdar lil Dak li għamlu,+ imma min iħenn għall-foqra qed jigglorifikah.+
32 Minħabba l-ħażen tiegħu l-bniedem mill-agħar se jiġi mgħaddas ’l isfel,+ imma l-ġust se jsib refuġju fl-integrità tiegħu.+
33 L-għerf joqgħod f’qalb min għandu l-abbiltà li jifhem,+ u fost l-istupidi jsir magħruf.
34 Is-sewwa jgħolli ġens,+ imma d-dnub hu għajb għall-popli.+
35 Sultan jieħu pjaċir b’qaddej li qed jaġixxi bid-dehen,+ imma qilltu tkun għal dak li l-imġiba tiegħu hi taʼ mistħija.+