Dewteronomju
31 U Mosè mar u lissen dan il-kliem lil Israel kollu 2 u qalilhom: “Illum għandi mija u għoxrin sena.+ Mhux se nitħalla iktar noħroġ u nidħol,+ għax Ġeħova qalli, ‘Ma taqsamx dan il-Ġordan.’+ 3 Ġeħova Alla tiegħek qed jaqsam quddiemek.+ Hu stess se jġib fix-xejn lil dawn il-ġnus minn quddiemek, u int trid tkeċċihom.+ Hu Ġożwè li se jaqsam quddiemek,+ sewwasew bħalma qal Ġeħova. 4 U Ġeħova se jagħmlilhom bħalma għamel lil Siħon+ u lil Għog,+ is-slaten taʼ l-Amurrin, u lil arthom, meta ġabhom fix-xejn.+ 5 U Ġeħova rħiehom f’idejkom,+ u tridu tagħmlulhom skond il-kmandamenti kollha li kkmandajtkom jien.+ 6 Kunu kuraġġużi u agħmlu l-ħila.+ Tibżgħux u tinħasdux quddiemhom,+ għaliex hu Ġeħova Alla tiegħek li qed jimxi miegħek. La se jabbandunak u lanqas jitilqek għalkollox.”+
7 U Mosè sejjaħ lil Ġożwè u qallu quddiem għajnejn Israel kollu: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila,+ għaliex int—int se ddaħħal lil dan il-poplu fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijiethom li jagħtihielhom, u int tagħtiha lilhom bħala wirt.+ 8 U hu Ġeħova li qed jimxi quddiemek. Hu nnifsu se jibqaʼ miegħek.+ La se jabbandunak u lanqas jitilqek għalkollox. Tibżax u titwerwirx.”+
9 Imbagħad Mosè kiteb din il-liġi+ u taha lill-qassisin, ulied Levi,+ dawk li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova,+ u lix-xjuħ kollha taʼ Israel. 10 U Mosè ssokta jikkmandahom u jgħidilhom: “Fi tmiem kull sebaʼ snin, fiż-żmien stabbilit tas-sena tal-ħelsien,+ fil-festa taʼ l-għerejjex,+ 11 meta Israel kollu jiġi biex jara wiċċ Ġeħova+ Alla tiegħek fil-post li jagħżel hu,+ int taqra din il-liġi quddiem Israel kollu biex jisimgħuk.+ 12 Laqqaʼ l-poplu,+ l-irġiel, in-nisa, iċ-ċkejknin, u r-resident barrani li qiegħed ’il ġewwa minn bwiebek, sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu,+ għax iridu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom+ u joqogħdu attenti li jwettqu l-kliem kollu taʼ din il-liġi. 13 U wliedhom li m’għandhomx għarfien għandhom jisimgħu,+ u jitgħallmu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom il-jiem kollha li qed tgħixu fuq l-art li għaliha qed taqsmu l-Ġordan biex tiħduha f’idejkom.”+
14 U Ġeħova qal lil Mosè: “Ara! Qorbu jiemek biex tmut.+ Sejjaħ lil Ġożwè, u oqogħdu fit-tinda tal-laqgħa, biex jien ninkarigah.”+ Għalhekk, Mosè u Ġożwè marru u qagħdu fit-tinda tal-laqgħa.+ 15 Imbagħad Ġeħova deher ħdejn it-tinda fil-kolonna tas-sħab, u l-kolonna tas-sħab qagħdet ħdejn id-daħla tat-tinda.+
16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Ara! Int se timtedd maʼ missirijietek;+ u dawn in-nies se jqumu+ u jkollhom relazzjoni immorali m’allat barranin taʼ l-art li sejrin fiha,+ eżatt f’nofshom, u jabbandunawni+ u jiksru l-patt tiegħi li għamilt magħhom.+ 17 U dakinhar ir-rabja tiegħi tixgħel kontrihom,+ u nabbandunahom+ u naħbi wiċċi minnhom,+ u jsiru xi ħaġa li għandha tinqered; u jiġu fuqhom ħafna gwajijiet u hemmijiet,+ u jgħidu dakinhar, ‘M’huwiex għax Alla tagħna mhux qiegħed f’nofsna li dawn il-gwajijiet ġew fuqna?’+ 18 Jien assolutament se naħbi wiċċi dakinhar minħabba l-ħażen kollu li għamlu, għaliex daru lejn allat oħrajn.+
19 “U issa iktbu għalikom din l-għanja+ u għallmuha lil ulied Israel.+ Qegħduhielhom f’fommhom sabiex din l-għanja sservi bħala x-xiehda tiegħi kontra wlied Israel.+ 20 Għax jien se nġibhom fl-art li dwarha ħlift lil missirijiethom+ u li tnixxi ħalib u għasel,+ u huma jieklu+ u jixbgħu u jeħxienu+ u jduru lejn allat oħrajn,+ u jaqdu lilhom u juru nuqqas taʼ rispett lejja u jiksru l-patt tiegħi.+ 21 U jrid iseħħ li meta jiġu fuqhom ħafna gwajijiet u hemmijiet,+ din l-għanja tinstemaʼ quddiemhom bħala xiehda, għax m’għandhiex tintesa minn fomm nisilhom, għax jien naf tajjeb bl-inklinazzjoni tagħhom+ li qed jiżviluppaw illum qabel ma ndaħħalhom fl-art li ħlift dwarha.”
22 Għalhekk, Mosè kiteb din l-għanja dakinhar, biex jgħallimha lil ulied Israel.+
23 U inkariga lil Ġożwè, bin Nun,+ u qallu: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila,+ għaliex int—int se ddaħħal lil ulied Israel fl-art li ħliftilhom dwarha,+ u jien nibqaʼ miegħek.”
24 U ġara li malli Mosè temm jikteb fi ktieb il-kliem taʼ din il-liġi sakemm lestieh,+ 25 Mosè beda jordna lil-Leviti, dawk li jġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova,+ u jgħidilhom: 26 “Ħudu dan il-ktieb tal-liġi,+ u qegħduh mal-ġenb taʼ l-arka+ tal-patt taʼ Ġeħova Alla tagħkom, u jrid iservi bħala xiehda hemmhekk kontrik.+ 27 Għax jien—jien naf tajjeb kemm int ribelluż+ u rasek iebsa.*+ Jekk illum, waqt li jien għadni ħaj magħkom, intom aġixxejtu b’mod ribelluż maʼ Ġeħova,+ mela kemm iktar se tagħmlu hekk wara mewti! 28 Iġmagħli x-xjuħ kollha tat-tribujiet tagħkom u l-uffiċjali tagħkom,+ u ħa ngħidilhom dan il-kliem biex jisimgħuh, u ħa nsejjaħ is-smewwiet u l-art bħala xhieda kontrihom.+ 29 Għax jien naf tajjeb li wara mewti intom żgur li se taġixxu b’mod mill-agħar,+ u se titbiegħdu mit-triq li kkmandajtkom dwarha; u fi tmiem il-jiem jiġi fuqkom il-gwaj,+ għaliex tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u b’hekk toffenduh bix-xogħlijiet taʼ idejkom.”+
30 U Mosè tkellem, biex tisimgħu l-kongregazzjoni kollha taʼ Israel, il-kliem taʼ din l-għanja sakemm lestieh:+