Numri
36 U l-kapijiet taʼ missirijiet il-familja taʼ wlied Gilegħad, bin Makir,+ bin Manasse, mill-familji taʼ wlied Ġużeppi, resqu qrib u tkellmu quddiem Mosè u l-kapijiet ewlenin, il-kapijiet tal-missirijiet taʼ wlied Israel, 2 u qalu: “Ġeħova kkmanda lil sidi biex jagħti l-art bħala wirt bix-xorti+ lil ulied Israel; u sidi kien kmandat minn Ġeħova biex jagħti l-wirt taʼ Selofeħad, ħuna, lill-bniet tiegħu.+ 3 Jekk xi ħadd minn ulied it-tribujiet l-oħrajn taʼ wlied Israel jiżżewwiġhom, il-wirt tan-nisa jitnaqqas mill-wirt taʼ missirijietna u jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu, u b’hekk jitnaqqas mis-sehem tal-wirt tagħna.+ 4 Issa jekk ulied Israel ikollhom il-Ġublew,+ il-wirt tan-nisa jiżdied mal-wirt tat-tribù li jsiru parti minnu; u b’hekk il-wirt tagħhom jitnaqqas mill-wirt tat-tribù taʼ missirijietna.”
5 Imbagħad Mosè kkmanda lil ulied Israel skond l-ordni taʼ Ġeħova u qalilhom: “Sew qed jgħid it-tribù taʼ wlied Ġużeppi. 6 Din hi l-kelma li Ġeħova kkmanda għall-bniet taʼ Selofeħad,+ meta qal, ‘Jistgħu jiżżewġu lil min hu tajjeb f’għajnejhom. Huwa biss fil-familja tat-tribù taʼ missirijiethom li għandhom jiżżewġu.+ 7 U ebda wirt taʼ wlied Israel m’għandu jgħaddi minn tribù għal tribù, għaliex ulied Israel għandhom iżommu kull wieħed il-wirt tat-tribù taʼ missirijietu. 8 U kull bint li tieħu f’idejha xi wirt mingħand it-tribujiet taʼ wlied Israel, għandha tiżżewweġ lil wieħed mill-familja tat-tribù taʼ missierha,+ sabiex ulied Israel jieħdu f’idejhom kull wieħed il-wirt taʼ missirijietu. 9 U ebda wirt m’għandu jgħaddi minn tribù għal tribù ieħor, għaliex it-tribujiet taʼ wlied Israel għandhom iżommu kull wieħed il-wirt tiegħu stess.’”
10 Sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, hekk għamlu l-bniet taʼ Selofeħad.+ 11 Għaldaqstant, Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka, u Nogħa, il-bniet taʼ Selofeħad,+ iżżewġu lil ulied ħut missierhom. 12 Iżżewġu lil xi wħud mill-familji taʼ wlied Manasse, bin Ġużeppi, sabiex il-wirt tagħhom jibqaʼ fit-tribù tal-familja taʼ missierhom.
13 Dawn huma l-kmandamenti+ u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li Ġeħova kkmanda permezz taʼ Mosè lil ulied Israel fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab biswit il-Ġordan f’Ġeriko.+