Ġenesi
45 Għal dan, Ġużeppi ma felaħx jikkontrolla ruħu iktar quddiem dawk kollha li kienu ħdejh.+ Għalhekk, għajjat: “Oħorġu lil kulħadd minn quddiemi!” U ħadd iktar ma baqaʼ maʼ Ġużeppi waqt li hu għarraf lil ħutu min kien.+
2 U beda jibki u jolfoq,+ u b’hekk semgħuh l-Eġizzjani u semgħet bih ukoll dar il-Fargħun. 3 Fl-aħħar, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jien Ġużeppi. Għadu ħaj missieri?” Imma ħutu ma setgħux iwiġbuh, għaliex kienu mifxulin minħabba fih.+ 4 Għalhekk, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jekk jogħġobkom, ersqu lejja.” U resqu lejh.
Imbagħad qalilhom: “Jien ħukom Ġużeppi, li kontu begħtuni biex nittieħed l-Eġittu.+ 5 Imma issa tħossukomx imweġġgħin+ u tirrabjawx għalikom infuskom għaliex begħtuni hawnhekk; għax Alla bagħatni qabilkom biex intom tibqgħu ħajjin.+ 6 Għax din hi t-tieni sena tal-ġuħ fuq l-art,+ u għad baqaʼ ħames snin li fihom mhux se jkun hemm ħrit jew ħsad.+ 7 Għaldaqstant, Alla bagħatni qabilkom sabiex iħallilkom fdal+ fuq l-art u biex iżommkom ħajjin permezz taʼ ħelsien kbir. 8 Għalhekk, ma kontux intom li bgħattuni hawnhekk,+ imma kien l-Alla l-veru, biex jaħtarni missier+ għall-Fargħun u sid għal daru kollha u bħala wieħed li jiddomina fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu.
9 “Fittxu itilgħu għand missieri, u għidulu, ‘Dan qal ibnek Ġużeppi: “Alla ħatarni sid fuq l-Eġittu kollu.+ Inżel għandi. Iddumx. 10 U tgħammar fl-art taʼ Gosen,+ u tibqaʼ qribi, int, uliedek, ulied uliedek, l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tiegħek, u kulma għandek. 11 U nipprovdilek l-ikel hemmhekk, għax għad baqaʼ ħames snin taʼ ġuħ;+ għax nibżaʼ li int u darek u kulma għandek se tiftaqru.”’ 12 U, ara, intom qed taraw b’għajnejkom u ħija Benjamin qed jara b’għajnejh li hu fommi li qed ikellimkom.+ 13 Għalhekk, għidu lil missieri bil-glorja tiegħi kollha fl-Eġittu u b’kulma rajtu; u fittxu niżżlu lil missieri hawnhekk.”
14 Imbagħad hu għannaq lil ħuh Benjamin u beka, u Benjamin beka mgħannaq miegħu.+ 15 U bies lil ħutu kollha u beka fuqhom,+ u mbagħad ħutu kellmuh.
16 U l-aħbar instemgħet fid-dar tal-Fargħun, u bdew jgħidu: “Ġew ħut Ġużeppi!” U dan deher li hu tajjeb f’għajnejn il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu.+ 17 U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Għid lil ħutek, ‘Agħmlu dan: Għabbu l-bhejjem tat-tagħbija tagħkom u idħlu fl-art taʼ Kangħan,+ 18 u aqbdu lil missierkom u lin-nies taʼ darkom u ejjew hawnhekk għandi, biex nagħtikom it-tajjeb taʼ l-art taʼ l-Eġittu; u kulu mill-aħjar parti taʼ l-art.*+ 19 U int ordnalhom:+ “Agħmlu dan: Ħudu għalikom karrijiet+ mill-art taʼ l-Eġittu għaċ-ċkejknin tagħkom u għan-nisa tagħkom, u tellgħu lil missierkom fuq wieħed minnhom u ejjew hawnhekk.+ 20 U tħallux lil għajnkom jiddispjaċiha minħabba t-tagħmir tagħkom,+ għaliex it-tajjeb taʼ l-art kollha taʼ l-Eġittu hu tagħkom.”’”+
21 Imbagħad ulied Israel għamlu hekk, u Ġużeppi tahom karrijiet skond l-ordnijiet tal-Fargħun u tahom provvisti+ għat-triq. 22 Lil kull wieħed minnhom tah tibdila ħwejjeġ,+ imma lil Benjamin tah tliet mitt biċċa tal-fidda u ħames tibdiliet ħwejjeġ.+ 23 U lil missieru bagħatlu dan li ġej: għaxart iħmir mgħobbijin bl-affarijiet tajbin taʼ l-Eġittu u għaxart iħmir nisa mgħobbijin bil-qmuħ u bil-ħobż u b’ikel ieħor għal missieru għat-triq. 24 B’hekk, bagħat lil ħutu, u dawn marru. Madankollu, qalilhom: “Titlewmux bejnietkom fit-triq.”+
25 U bdew telgħin mill-Eġittu u sa fl-aħħar waslu fl-art taʼ Kangħan għand missierhom Ġakobb. 26 Imbagħad tawh l-aħbar u qalulu: “Ġużeppi għadu ħaj, u hu dak li qed jiddomina fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu!”+ Imma qalbu ma tqanqlitx, għaliex m’emminhomx.+ 27 Meta ssoktaw jgħidulu l-kliem kollu li kien qalilhom Ġużeppi u ra l-karrijiet li kien bagħat Ġużeppi biex iġorruh, l-ispirtu taʼ missierhom Ġakobb beda jistejqer.+ 28 Imbagħad Israel qal: “Biżżejjed! Ibni Ġużeppi għadu ħaj! Ħa mmur narah qabel immut!”+