Eżodu
25 U Ġeħova kellem lil Mosè+ u qallu: 2 “Kellem lil ulied Israel, biex jiġbruli kontribuzzjoni: Mingħand kull raġel li qalbu tqanqlu għandkom tiġbruhieli l-kontribuzzjoni.+ 3 U din hi l-kontribuzzjoni li għandkom tiġbruli mingħandhom: deheb,+ fidda,+ ram aħmar,+ 4 ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat,* għażel fin, xagħar tal-mogħoż,+ 5 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, u injam taʼ l-akaċja;+ 6 żejt għad-dawwala,+ żejt tal-balzmu+ għaż-żejt tad-dlik+ u għall-inċens ifuħ;+ 7 ħaġar taʼ l-oniċi u ħaġar biex jiġi ingastat għal fuq l-efod+ u l-pettoral.*+ 8 U jagħmluli santwarju, biex ngħammar f’nofshom.+ 9 Skond kulma qed nurik bħala l-mudell tat-tabernaklu* u l-mudell tat-tagħmir kollu tiegħu, hekk għandkom tagħmluh.+
10 “U jagħmlu Arka mill-injam taʼ l-akaċja,+ żewġ kubiti u nofs it-tul tagħha, kubitu u nofs il-wisaʼ tagħha, u kubitu u nofs l-għoli tagħha. 11 U tiksiha b’deheb pur.+ Trid tiksiha minn ġewwa u minn barra, u tagħmlilha bordura tad-deheb dawramejt.+ 12 U tagħmlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb imdewweb u tpoġġihom ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, b’żewġ ħolqiet fuq ġenb wieħed tagħha u żewġ ħolqiet fuq il-ġenb l-ieħor tagħha.+ 13 U tagħmel lasti mill-injam taʼ l-akaċja u tiksihom bid-deheb.+ 14 U tgħaddi l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub taʼ l-Arka sabiex iġġorr l-Arka bihom. 15 Il-lasti għandhom jibqgħu fil-ħoloq taʼ l-Arka. M’għandhomx jitneħħew minnha.+ 16 U fl-Arka tqiegħed it-testimonjanza li se nagħtik.+
17 “U tagħmel għatu tad-deheb pur, żewġ kubiti u nofs it-tul tiegħu u kubitu u nofs il-wisaʼ tiegħu.+ 18 U tagħmel żewġ kerubini tad-deheb. Għandek tagħmilhom maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf taʼ l-għatu.+ 19 U agħmel kerubin wieħed f’tarf minnhom u l-kerubin l-ieħor fit-tarf l-ieħor.+ Fuq l-għatu għandkom tagħmluhom il-kerubini fiż-żewġt itruf tiegħu. 20 U l-kerubini jkunu biż-żewġ ġwienaħ tagħhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom, b’wiċċhom lejn xulxin.+ Lejn l-għatu għandhom iħarsu l-uċuħ tal-kerubini. 21 U tqiegħed l-għatu+ fuq wiċċ l-Arka, u fl-Arka tqiegħed it-testimonjanza li se nagħtik. 22 U nidhirlek hemmhekk u nitkellem miegħek minn fuq l-għatu,+ minn bejn iż-żewġ kerubini li qegħdin fuq l-arka tat-testimonjanza, iva, kulma se nikkmandak għal ulied Israel.+
23 “U tagħmel mejda+ mill-injam taʼ l-akaċja, żewġ kubiti t-tul tagħha u kubitu l-wisaʼ tagħha u kubitu u nofs l-għoli tagħha. 24 U tiksiha b’deheb pur u tagħmlilha bordura tad-deheb dawramejt.+ 25 U tagħmlilha xifer dawramejt il-wisaʼ taʼ id, u tagħmel il-bordura tad-deheb għax-xifer tagħha dawramejt.+ 26 U tagħmlilha erbaʼ ħolqiet tad-deheb u tpoġġi l-ħoloq fl-erbaʼ kantunieri fejn hemm l-erbaʼ saqajn.+ 27 Il-ħoloq għandhom ikunu qrib ix-xifer bħala appoġġ għal-lasti biex tinġarr il-mejda.+ 28 U tagħmel il-lasti mill-injam taʼ l-akaċja u tiksihom bid-deheb, u jridu jġorru l-mejda bihom.+
29 “U tagħmel il-platti u l-kwies tagħha, u l-buqari u l-iskutelli tagħha li bihom iferrgħu l-offerti tal-likwidi. Għandek tagħmilhom tad-deheb pur.+ 30 U trid tpoġġi l-ħobż tal-preżenza fuq il-mejda quddiemi l-ħin kollu.+
31 “U tagħmel gandlier tad-deheb pur. Il-gandlier għandu jinħadem bil-martell.+ Minnu għandhom joħorġu l-bażi, il-friegħi, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu. 32 U sitt fergħat joħorġu mill-ġnub tiegħu, tliet fergħat tal-gandlier minn ġenb wieħed tiegħu u tliet fergħat tal-gandlier mill-ġenb l-ieħor tiegħu.+ 33 Tliet kalċijiet forma taʼ fjura tal-lewż qegħdin fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjura tal-lewż fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom.+ Hekk għandhom isiru s-sitt fergħat li joħorġu mill-gandlier. 34 U fuq il-gandlier hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjura tal-lewż, bil-boċċi u l-petali tiegħu bejniethom.+ 35 U l-boċċa taħt żewġ fergħat toħroġ minnu u l-boċċa taħt iż-żewġ fergħat l-oħra toħroġ minnu u l-boċċa taħt jerġaʼ żewġ fergħat oħra toħroġ minnu, għas-sitt fergħat li joħorġu mill-gandlier.+ 36 Il-boċċi tagħhom u l-friegħi tagħhom għandhom joħorġu minnu. Kollox biċċa waħda maħdum bil-martell, u tad-deheb pur.+ 37 U tagħmillu sebaʼ msiebaħ; u l-imsiebaħ iridu jkunu mixgħulin, u jdawlu l-parti taʼ quddiemu.+ 38 U l-imqassijiet li jżommu l-ftila u r-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu huma tad-deheb pur.+ 39 B’talent deheb pur għandu jagħmlu, b’dawn l-għodod kollha tiegħu. 40 U qis li tagħmilhom skond il-mudell tagħhom li ntwerielek fuq il-muntanja.+