Dewteronomju
14 “Intom ulied Ġeħova Alla tagħkom.+ Tqattgħux ġisimkom+ u tqaxxrux ix-xagħar+ taʼ fuq għajnejkom* għal xi persuna mejta. 2 Għax int poplu qaddis+ għal Ġeħova Alla tiegħek, u Ġeħova għażlek biex issir il-poplu tiegħu, proprjetà speċjali,+ mill-popli kollha li qegħdin fuq wiċċ l-art.
3 “Tiekol ebda tip taʼ ħaġa mistkerrha.+ 4 Dan hu t-tip taʼ bhima li tistgħu tieklu:+ il-barri, in-nagħġa, il-mogħża, 5 iċ-ċerv, l-għażżiela, iċ-ċerv iż-żgħir,+ il-mogħża salvaġġa, l-antilop, in-nagħġa salvaġġa, u l-kamoxx; 6 u kull bhima li għandha d-difer mifruq fi tnejn, li tixtarr fost il-bhejjem.+ Din tistgħu tikluha. 7 Dan it-tip biss m’għandkomx tieklu minn dawk li jixtarru jew li għandhom id-difer mifruq, maqsum: il-ġemel,+ il-liebru,+ u l-fenek tax-xagħri,+ għax jixtarru imma m’għandhomx id-difer mifruq. Dawn m’humiex nodfa għalikom. 8 Il-ħanżir+ ukoll, għax għandu d-difer mifruq imma ma jixtarrx. M’huwiex nadif għalikom. Tieklu ebda laħam tagħhom, u tmissux l-iġsma mejtin tagħhom.+
9 “Dan it-tip tistgħu tieklu minn kulma hemm fl-ilmijiet: Kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur tistgħu tikluh.+ 10 U dawk kollha li m’għandhomx ġwienaħ u qxur tikluhomx.+ M’humiex nodfa għalikom.
11 “Kull għasfur nadif tistgħu tikluh. 12 Imma dawn huma dawk li minnhom ma tistgħux tieklu: l-ajkla, l-arpa, l-avultun iswed,+ 13 l-astun aħmar, l-astun iswed,+ u l-astun* skond ġensu; 14 u kull ċawlun+ skond ġensu; 15 u n-nagħma,+ il-kokka, il-gawwija, u l-falkun skond ġensu; 16 il-kokka żgħira, il-kokka tal-qrun,+ iċ-ċinju, 17 il-pellikan,+ l-avultun, il-margun, 18 iċ-ċikonja, u r-russett skond ġensu, u d-daqquqa tat-toppu u l-farfett il-lejl.+ 19 U kull ħliqa bil-ġwienaħ li tgħix fi qtajjaʼ m’hijiex nadifa għalikom.+ M’għandhomx jittieklu. 20 Kull ħliqa li ttir u li hi nadifa tistgħu tikluha.
21 “Tieklu ebda ġisem li jkun diġà mejjet.+ Tistaʼ tagħtih lir-resident barrani li qiegħed ’il ġewwa minn bwiebek, u jieklu; jew tistaʼ tbigħu lil xi barrani, għax int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek.
“Tgħallix gidi f’ħalib ommu.+
22 “Qis li tagħti wieħed minn kull għaxra milli tipproduċi ż-żerriegħa tiegħek, dak li jrodd ir-rabaʼ minn sena għal sena.+ 23 U quddiem Ġeħova Alla tiegħek, fil-post li jagħżel hu biex ismu jgħammar hemmhekk, għandek tiekol l-għexur tal-qmuħ tiegħek,+ taʼ l-inbid ġdid tiegħek, taż-żejt tiegħek, u taʼ l-ewwel imweldin mill-baqar u min-nagħaġ tiegħek;+ sabiex titgħallem tibżaʼ minn Ġeħova Alla tiegħek dejjem.+
24 “Issa jekk il-vjaġġ ikun twil wisq għalik,+ għax ma tkunx tiflaħ iġġorr kollox, ladarba l-post li jagħżel Ġeħova Alla tiegħek biex iqiegħed ismu hemmhekk+ ikun ’il bogħod wisq għalik, (għaliex Ġeħova Alla tiegħek se jbierkek,)+ 25 sarraf kollox fi flus, u sorr il-flus f’idek u vvjaġġa lejn il-post li jagħżel Ġeħova Alla tiegħek. 26 Agħti l-flus ukoll għal kulma ruħek tixxennaq għalih,+ sew jekk baqar, sew jekk nagħaġ, sew jekk mogħoż, sew jekk inbid, sew jekk xorb li jsakkar,+ u kulma ruħek titlob minnek; u kul hemmhekk quddiem Ġeħova Alla tiegħek u thenna,+ int u n-nies taʼ darek. 27 U l-Levita li qiegħed ’il ġewwa minn bwiebek, tabbandunahx,+ għax m’għandu ebda sehem jew wirt miegħek.+
28 “Wara tliet snin toħroġ l-għexur kollha tal-prodott tiegħek f’dik is-sena,+ u qegħedhom ’il ġewwa minn bwiebek. 29 U l-Levita,+ peress li m’għandu ebda sehem jew wirt miegħek, u r-resident barrani+ u t-tifel bla missier u l-armla,+ li qegħdin ’il ġewwa minn bwiebek, jiġu u jieklu u jixbgħu; sabiex Ġeħova jbierkek+ f’kull għemil+ taʼ idek li tagħmel.