Efesin
3 Minħabba dan jien, Pawlu, il-priġunier+ taʼ Kristu Ġesù għan-nom tagħkom, in-nies tal-ġnus+— 2 jekk tassew smajtu dwar il-prokura+ tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ngħatatli għall-benefiċċju tagħkom, 3 li permezz taʼ rivelazzjoni ġejt mgħarraf is-sigriet sagru,+ bħalma ktibt qabel fil-qosor. 4 Minħabba f’hekk, meta taqraw dan, tistgħu tirrealizzaw kemm naf+ dwar is-sigriet sagru+ tal-Kristu. 5 F’ġenerazzjonijiet oħrajn dan is-sigriet+ ma ġiex mgħarraf lil ulied il-bnedmin bħalma issa ġie rivelat+ lill-appostli mqaddsa u lill-profeti tiegħu+ bl-ispirtu, 6 jiġifieri, li n-nies tal-ġnus għandhom ikunu werrieta bi sħab u membri mseħbin taʼ l-istess ġisem+ u jieħdu sehem magħna fil-wegħda+ f’unjoni maʼ Kristu Ġesù permezz taʼ l-aħbar tajba. 7 Jien sirt ministru+ taʼ dan skond l-għotja b’xejn tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ngħatatli skond kif taħdem il-qawwa tiegħu.+
8 Lili, bniedem inqas mill-inqas wieħed+ fost il-qaddisin kollha, intwerietli din il-qalb tajba mhix mistħoqqa:+ li nxandar lill-ġnus+ l-aħbar tajba dwar ir-rikkezzi bla tarf+ tal-Kristu 9 u nġiegħel lill-bnedmin jaraw kif inhu amministrat+ is-sigriet sagru+ li minn żmien twil ilu kien moħbi f’Alla, li ħalaq kollox.+ 10 Dan sar bl-għan li issa l-gvernijiet u l-awtoritajiet+ fil-postijiet tas-sema jkunu jafu, permezz tal-kongregazzjoni,+ l-għerf t’Alla li jintwera b’ħafna modi differenti,+ 11 skond l-iskop etern li hu stabbilixxa rigward il-Kristu,+ Ġesù l-Mulej tagħna, 12 li bih għandna din il-libertà tal-kelma u nistgħu nersqu+ bil-fiduċja permezz tal-fidi tagħna fih. 13 Għaldaqstant nitlobkom biex ma taqtgħux qalbkom minħabba dawn it-tribulazzjonijiet tiegħi+ għan-nom tagħkom, għax dawn ifissru glorja għalikom.
14 Minħabba dan ninżel għarkopptejja+ quddiem il-Missier,+ 15 li lilu taf isimha+ kull familja+ fis-sema u fuq l-art, 16 biex, skond ir-rikkezzi+ tal-glorja tiegħu, jagħtikom li tintgħamlu setgħanin bil-qawwa permezz taʼ l-ispirtu tiegħu+ fil-bniedem li intom minn ġewwa,+ 17 biex ikollkom lill-Kristu jgħammar fi qlubkom bl-imħabba permezz tal-fidi tagħkom;+ sabiex tagħmlu l-għeruq+ u tkunu stabbiliti fuq il-pedament,+ 18 sabiex tkunu tistgħu tifhmu bis-sħiħ+ mal-qaddisin kollha l-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond,+ 19 u tkunu tafu l-imħabba tal-Kristu+ li tisboq l-għarfien, sabiex timtlew bil-milja+ kollha li jagħti Alla.
20 Issa lil dak li, skond il-qawwa tiegħu li qed taħdem+ fina, jistaʼ jagħmel bil-wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu,+ 21 lilu tkun il-glorja permezz tal-kongregazzjoni u permezz taʼ Kristu Ġesù għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem taʼ dejjem.+ Amen.