Atti
12 Dik il-ħabta s-sultan Erodi* qabad taħt idejh lil xi wħud mill-kongregazzjoni biex jaħqarhom.+ 2 Lil Ġakbu, ħu Ġwanni,+ qatlu bis-sejf.+ 3 Meta ra li dan kien għoġob lil-Lhud,+ arresta lil Pietru wkoll. (Inzerta li dawn kienu jiem il-festa tal-ħobż bla ħmira.)+ 4 U qabdu, tefgħu l-ħabs,+ u poġġa miegħu erbaʼ gruppi t’erbaʼ suldati l-wieħed biex, grupp wara l-ieħor, joqogħdu għassa miegħu, għax kellu l-ħsieb li jressqu quddiem il-poplu wara l-Qbiż.+ 5 Għaldaqstant, Pietru kien qed jinżamm il-ħabs; imma kien qed isir ħafna talb+ bil-ħeġġa lil Alla għalih mill-kongregazzjoni.
6 Issa meta Erodi kien wasal biex iressqu quddiem il-poplu, dak il-lejl Pietru kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, u quddiem il-bieb tal-ħabs kien hemm il-gwardji għassa. 7 Imma, ara! L-anġlu taʼ Ġeħova ġie ħdejh,+ u dawl idda fiċ-ċella tal-ħabs. Ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu,+ u qallu: “Qum malajr!” U l-ktajjen waqgħu+ minn maʼ idejh. 8 L-anġlu+ qallu: “Tħażżem u aqfel is-sandli.” U hekk għamel. Imbagħad qallu: “Ilbes il-mantar tiegħek+ u ibqaʼ miexi warajja.” 9 U ħareġ u baqaʼ miexi warajh, imma ma kienx jaf li dak li kien qed jiġri permezz taʼ l-anġlu kien veru. Fil-fatt, ħaseb li kien qed jara viżjoni.+ 10 Għaddew mill-ewwel u mit-tieni għassa u waslu ħdejn ir-rixtellu tal-ħadid li kien jagħti għall-belt, u dan infetħilhom waħdu.+ U wara li ħarġu, niżlu minn ġo triq, u f’daqqa waħda l-anġlu telqu. 11 U Pietru ġie f’sensih u qal: “Issa naf tassew li Ġeħova bagħat l-anġlu tiegħu+ u ħelisni+ minn id Erodi u minn dak kollu li kien qed jistenna l-poplu Lhudi.”
12 U wara li qagħad jaħseb x’kien ġralu, mar id-dar taʼ Marija omm Ġwanni, li kien jismu wkoll Marku,+ fejn kien hemm għadd ġmielu miġburin flimkien jitolbu. 13 Meta ħabbat fuq il-bieb taʼ barra, ġiet qaddejja jisimha Roda biex tara min ġie. 14 Malli għarfet leħen Pietru, tant ferħet li ma fetħitlux il-bieb, imma daħlet tiġri ’l ġewwa u qalet li Pietru kien qiegħed quddiem il-bieb taʼ barra. 15 Qalulha: “Int qed tiġġennen.” Imma hi baqgħet tinsisti b’qawwa li hekk kien. Huma bdew jgħidu: “Dak l-anġlu tiegħu.”+ 16 Sadanittant, Pietru baqaʼ hemmhekk iħabbat. U meta fetħu u rawh, baqgħu mbellhin. 17 Iżda hu għamlilhom sinjal+ b’idu biex jisktu u rrakkontalhom bid-dettall kif Ġeħova ħarġu mill-ħabs, u qalilhom: “Għidu dan lil Ġakbu+ u lill-aħwa.” B’dan il-kliem, ħareġ u mar post ieħor.
18 Meta sebaħ,+ is-suldati tħawdu għall-aħħar dwar x’setaʼ ġara minn Pietru. 19 Erodi+ fittxu bir-reqqa u, meta ma sabux, interroga lill-gwardji u ordna li jittieħdu għall-kastig;+ u mil-Lhudija niżel Ċesarija u qattaʼ xi żmien hemmhekk.
20 Issa kellu aptit jiġġieled kontra n-nies taʼ Tir u taʼ Sidon. B’fehma waħda, dawn ippreżentaw ruħhom quddiemu u, wara li pperswadew lil Blastu, li kien jieħu ħsieb il-kamra tas-sodda tas-sultan, bdew jitolbu għall-paċi, għax pajjiżhom kien iġib l-ikel+ minn pajjiż is-sultan. 21 F’jum stabbilit, Erodi libes ilbies irjali u qagħad fuq it-tron tal-ġudizzju u beda jagħmlilhom diskors pubbliku. 22 U l-ġemgħa tan-nies bdiet tgħajjat: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!”+ 23 Minnufih l-anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih,+ għax ma tax il-glorja lil Alla;+ u ttiekel mid-dud u miet.
24 Imma l-kelma+ taʼ Ġeħova kompliet tikber u tixtered.+
25 Wara li Barnaba+ u Sawl kienu wettqu bis-sħiħ il-ministeru t’għajnuna+ f’Ġerusalemm, marru lura u ħadu magħhom lil Ġwanni,+ li kien jismu wkoll Marku.