1 Slaten
14 F’dak iż-żmien partikulari, Abija bin Ġerobogħam marad.+ 2 Għalhekk, Ġerobogħam qal lil martu: “Qum, jekk jogħġbok, u ilbes ilbies ieħor+ sabiex ma jagħrfux li int mart Ġerobogħam, u mur Silo. Ara! Hemmhekk jinsab il-profeta Aħija,+ dak li qal li jien kont se nsir sultan fuq dan il-poplu.+ 3 Ħu f’idejk għaxar ħobżiet+ u xi ftajjar u flixkun+ għasel, u mur għandu.+ U hu jgħidlek x’se jiġri mit-tifel.”+
4 U mart Ġerobogħam għamlet hekk. Għaldaqstant qamet u marret Silo+ u waslet id-dar t’Aħija. Issa Aħija ma setax jara, għax għajnejh kienu tgħammxu bix-xjuħija.+
5 U Ġeħova kien qal lil Aħija: “Ara, ġejja l-mara taʼ Ġerobogħam biex titolbok tgħidilha dwar binha, għax hu marid. Hekk u hekk għandek tgħidilha. U jiġri li malli tiġi, hi tipprova taħbi min hi.”+
6 U ġara li malli Aħija semaʼ l-passi tagħha hi u dieħla, qalilha: “Idħol mart Ġerobogħam.+ Għalfejn qed tipprova taħbi min int meta jien mibgħut għandek b’messaġġ iebes? 7 Mur, għid lil Ġerobogħam, ‘Hekk qal Ġeħova l-Alla taʼ Israel: “Talli għollejtek minn fost il-poplu tiegħek, sabiex nagħmlek mexxej tal-poplu tiegħi Israel,+ 8 u ċarratt+ is-saltna minn fuq id-dar taʼ David u tajtha lilek, u int ma sirtx bħal David il-qaddej tiegħi, li ħares il-kmandamenti tiegħi u mexa warajja b’qalbu kollha billi għamel biss dak li hu sewwa f’għajnejja,+ 9 imma aġixxejt agħar minn taʼ qablek, u mort tagħmel alla ieħor+ u xbihat minn metall imdewweb+ biex toffendini,+ u lili tfajtni wara dahrek;+ 10 minħabba dan, se nġib gwaj fuq dar Ġerobogħam, u se neqred minn dar Ġerobogħam lill-irġiel u lis-subien kollha,+ sa l-iktar wieħed baxx f’Israel;+ u niknes lil dar Ġerobogħam,+ bħalma wieħed jeħles mill-ħmieġ sakemm jarmih.+ 11 Dak li jmut fil-belt minn dar Ġerobogħam jikluh il-klieb;+ u dak li jmut fl-għalqa jikluh it-tjur tas-smewwiet,+ għax Ġeħova nnifsu qal dan.”’
12 “U int qum u mur id-dar. Meta saqajk jidħlu fil-belt, it-tifel imut. 13 U Israel kollu jibkih+ u jidfnu, għax dan biss mid-dar taʼ Ġerobogħam se jidħol fil-qabar; għax Ġeħova l-Alla taʼ Israel sab xi ħaġa tajba fih fid-dar taʼ Ġerobogħam.+ 14 U Ġeħova jqajjem sultan+ fuq Israel li jeqred lil dar Ġerobogħam fil-ġurnata msemmija, u xi ngħidu jekk dan jiġri issa stess?+ 15 U Ġeħova se jidrob lil Israel, u dan isir bħal qasba li tixxejjer fl-ilma;+ u jaqlaʼ+ lil Israel minn din l-art tajba+ li ta lil missirijiethom, u jxerridhom+ lil hinn mix-Xmara,*+ talli għamlu l-arbli sagri,+ u b’hekk offendew+ lil Ġeħova. 16 U jitlaq lil Israel+ minħabba d-dnubiet taʼ Ġerobogħam li bihom dineb hu u ġiegħel lil Israel jidneb ukoll.”+
17 Imbagħad mart Ġerobogħam qamet u telqet u waslet Tirsa.+ Hekk kif rifset l-għatba tad-dar, it-tifel miet. 18 U difnuh, u Israel kollu bkieh, skond il-kelma li Ġeħova qal permezz tal-qaddej tiegħu Aħija l-profeta.
19 U l-bqija tal-ġrajjiet taʼ Ġerobogħam, kif iġġieled+ u kif saltan, huma miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taʼ żmien is-slaten taʼ Israel. 20 U ż-żmien li Ġerobogħam dam isaltan kien tnejn u għoxrin sena, u wara mtedd maʼ missirijietu;+ u ibnu Nadab+ beda jsaltan minfloku.
21 U Reħobogħam+ bin Salamun kien sar sultan f’Ġuda. Wieħed u erbgħin sena kellu Reħobogħam meta beda jsaltan, u dam isaltan sbatax-il sena f’Ġerusalemm, il-belt+ li Ġeħova kien għażel mit-tribujiet kollha+ taʼ Israel biex iqiegħed ismu hemmhekk.+ U ommu kien jisimha Nagħma l-Għammonija.+ 22 U n-nies taʼ Ġuda għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ u għalhekk qanqluh+ għall-għira* iktar milli kienu għamlu missirijiethom bid-dnubiet li dinbu bihom.+ 23 U huma wkoll baqgħu jibnu postijiet għall-qima*+ u pilastri sagri+ u arbli sagri+ fuq kull għolja kbira+ u taħt kull siġra tħaddar.+ 24 U fil-pajjiż kien hemm ukoll irġiel prostituti tat-tempju.+ Huma għamlu skond l-affarijiet mistkerrhin tal-ġnus li Ġeħova kien keċċa minn quddiem ulied Israel.+
25 U fil-ħames sena tas-Sultan Reħobogħam ġara li Sisak+ is-sultan taʼ l-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm. 26 U ħa t-teżori tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tad-dar tas-sultan;+ kollox ħa.+ U ħa t-tarki kollha tad-deheb li kien għamel Salamun.+ 27 Għaldaqstant, is-Sultan Reħobogħam għamel minflokhom tarki tar-ram aħmar, u ħalliehom f’idejn il-kapijiet tal-ġerrejja,+ l-għassiesa mal-bieb taʼ dar is-sultan.+ 28 U kulmeta s-sultan kien imur lejn id-dar taʼ Ġeħova, il-ġerrejja kienu jġorruhom, u mbagħad jiħduhom lura fil-kamra tal-ġerrejja.+
29 U l-bqija tal-ġrajjiet taʼ Reħobogħam u kulma għamel, m’humiex dawn miktubin fi ktieb+ il-ġrajjiet taż-żminijiet tas-slaten taʼ Ġuda? 30 U l-gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam ma waqfux.+ 31 Fl-aħħar, Reħobogħam imtedd maʼ missirijietu u ndifen maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David.+ U ommu kien jisimha Nagħma l-Għammonija.+ U ibnu Abijam+ beda jsaltan minfloku.