Dewteronomju
15 “Wara kull sebaʼ snin għandek tħabbar ħelsien mid-djun. 2 U dan hu l-mod kif għandu jsir il-ħelsien:+ min jislef għandu jeħles lil sieħbu mid-dejn li jkun waqaʼ fih. M’għandux jissikka lil sieħbu jew lil ħuh biex iħallsu,+ għax irid jitħabbar il-ħelsien f’ġieħ Ġeħova.+ 3 Lill-barrani+ tistaʼ tissikkah biex iħallsek; imma lil ħuk erħilu idek għal dak li għandu jagħtik. 4 Madankollu, ħadd m’għandu jiftaqar f’nofsok, għax Ġeħova żgur li se jbierkek+ fl-art li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk,+ 5 bil-patt li tassew tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek sabiex toqgħod attent li tagħmel dawn il-kmandamenti kollha li qed nikkmandak illum.+ 6 Għax Ġeħova Alla tiegħek se jbierkek sewwasew bħalma wiegħdek, u int issellef+ b’rahan lil ħafna ġnus, filwaqt li int innifsek ma tissellifx; u int tiddomina lil ħafna ġnus, filwaqt li huma ma jiddominawkx.+
7 “Jekk xi ħadd minn ħutek jiftaqar f’nofsok f’waħda mill-bliet tiegħek, f’artek li qed jagħtik Ġeħova Alla tiegħek, twebbisx qalbek u tkunx idek magħluqa maʼ ħuk il-fqir.+ 8 Għax għandek tkun idek miftuħa miegħu b’mod ġeneruż+ u assolutament tisilfu b’rahan kemm jeħtieġ, kemm ikollu bżonn. 9 Oqgħod attent li ma jmurx ikollok xi ħsieb ħażin f’qalbek+ u tgħid, ‘Is-sebaʼ sena, is-sena tal-ħelsien, qorbot,’+ u għajnek ma tkunx ġeneruża maʼ ħuk il-fqir,+ u int ma tagħtih xejn, u jkollu jgħajjat lil Ġeħova kontrik,+ u jsir dnub min-naħa tiegħek.+ 10 Qis li tagħtih,+ u qalbek m’għandhiex tkun xħiħa meta tagħtih, għax minħabba f’hekk Ġeħova Alla tiegħek ibierkek f’kull għemil tiegħek u f’kull xogħol li tagħmel.+ 11 Għax dejjem se jkun hemm xi ħadd fqir f’nofs l-art.+ Huwa għalhekk li qed nikkmandak u ngħidlek, ‘Għandek tkun idek miftuħa b’mod ġeneruż maʼ ħuk li jkun magħkus u fqir f’artek.’+
12 “Jekk ħuk, xi Ebrew jew Ebrea,+ jinbiegħ lilek u jkun qdiek għal sitt snin, imbagħad fis-sebaʼ sena għandek tibagħtu mingħandek bħala wieħed ħieles.+ 13 U jekk tibagħtu mingħandek bħala wieħed ħieles, tibagħtux b’idu vojta.+ 14 Qis li tfornih b’xi ħaġa mill-merħla tiegħek u mill-qiegħa tad-dris tiegħek u mill-magħsar taż-żejt u taʼ l-inbid tiegħek. Sewwasew bħalma Ġeħova Alla tiegħek bierek lilek, hekk għandek tagħtih.+ 15 U ftakar li int kont ilsir fl-art taʼ l-Eġittu u Ġeħova Alla tiegħek fdiek.+ Huwa għalhekk li llum qed nikkmandak din il-ħaġa.
16 “U jrid iseħħ li jekk hu jgħidlek, ‘Ma rridx nitlaq minn miegħek!’ għax ikun iħobb lilek u lin-nies taʼ darek, peress li sakemm dam miegħek kien kuntent,+ 17 ħu xifa u taqqablu widintu mal-bieb, u hu jsir l-ilsir tiegħek ħajtu kollha.+ U l-ilsira tiegħek għandek tagħmlilha l-istess. 18 M’għandhiex tkun xi ħaġa iebsa f’għajnejk meta tibagħtu minn miegħek bħala wieħed ħieles;+ għaliex ix-xogħol li ħadimlek għal sitt snin kien jiswa d-doppju tal-ħlas taʼ ħaddiem mikri,+ u Ġeħova Alla tiegħek ibierkek f’kulma tagħmel.+
19 “Kull ferħ raġel li jkun l-ewwel imwieled tal-baqar tiegħek u tan-nagħaġ tiegħek għandek tqaddsu lil Ġeħova Alla tiegħek.+ Tagħmel ebda xogħol bil-barri li jkun l-ewwel imwieled, lanqas iġġiżż l-ewwel imwieled tan-nagħaġ tiegħek.+ 20 Quddiem Ġeħova Alla tiegħek tieklu minn sena għal sena fil-post li jagħżel Ġeħova,+ int u n-nies taʼ darek. 21 U jekk ikun fih xi difett, ikun zopp jew agħma, kwalunkwe difett ikrah, toffrihx bħala sagrifiċċju lil Ġeħova Alla tiegħek.+ 22 Għandek tieklu ’l ġewwa minn bwiebek, kemm min mhux nadif u kemm min hu nadif,+ bħall-għażżiela u bħaċ-ċerv.+ 23 Huwa biss demmu li ma tistax tiekol.+ Għandek tferrgħu fl-art bħall-ilma.+