Eżodu
29 “U hekk għandek tagħmlilhom biex tqaddishom ħalli jaqdu bħala qassisin għalija: Ħu barri żgħir, u żewġ imtaten,+ bla difett,+ 2 u ħobż bla ħmira u ftajjar bla ħmira miblulin fiż-żejt u galletti midlukin biż-żejt.+ Tagħmilhom mid-dqiq fin tal-qamħ. 3 U poġġihom f’qoffa u ppreżentahom fil-qoffa,+ kif ukoll il-barri u ż-żewġ imtaten.
4 “U tippreżenta lil Aron u lil uliedu fid-daħla+ tat-tinda tal-laqgħa, u trid tordnalhom jinħaslu bl-ilma.+ 5 Imbagħad ħu l-ilbies,+ u lil Aron libbsu l-libsa twila u l-libsa bla kmiem taʼ l-efod, u l-efod u l-pettoral, u orbtu sew miegħu bil-ħżiem taʼ l-efod.+ 6 U qegħedlu t-turbant fuq rasu u poġġi s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni fuq it-turbant.+ 7 U ħu ż-żejt tad-dlik+ u sawbu fuq rasu u idilku.+
8 “Imbagħad ġib lil uliedu qrib u libbishom l-ilbiesi twal.+ 9 U ħażżimhom bit-trieħi, lil Aron kif ukoll lil uliedu, u dawrilhom l-għata maʼ rashom; u s-saċerdozju jsir tagħhom bħala statut għal żmien indefinit.+ Għalhekk, lil Aron u lil uliedu agħtihom is-setgħa f’idhom.+
10 “Imbagħad trid tippreżenta l-barri quddiem it-tinda tal-laqgħa, u Aron u wliedu jridu jqiegħdu idejhom fuq ras il-barri.+ 11 U oqtol il-barri quddiem Ġeħova, fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.+ 12 U ħu ftit mid-demm tal-barri+ u poġġih b’sebgħek fuq il-qrun taʼ l-artal,+ u dak kollu li jibqaʼ mid-demm sawbu f’riġlejn l-artal.+ 13 U ħu x-xaħam kollu+ li jiksi l-imsaren,+ u x-xaħam taʼ mal-fwied,+ u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u aħraqhom* fuq l-artal.+ 14 Imma l-laħam tal-barri u l-ġilda tiegħu u l-ħmieġ tiegħu taħraqhom bin-nar barra l-kamp.+ Din hi offerta għad-dnub.
15 “Imbagħad tieħu wieħed mill-imtaten,+ u Aron u wliedu jridu jqiegħdu idejhom fuq ras il-muntun.+ 16 U oqtol il-muntun u ħu demmu u roxxu dawramejt fuq l-artal.+ 17 U qattaʼ l-muntun kull biċċa għaliha, u aħsel imsarnu+ u riġlejh* u qiegħed il-bċejjeċ tiegħu waħda ħdejn l-oħra sa rasu. 18 U aħraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal. Din hi offerta tal-ħruq+ lil Ġeħova, riħa pjaċevoli.*+ Hi offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova.
19 “Imbagħad ħu l-muntun l-ieħor, u Aron u wliedu jridu jqiegħdu idejhom fuq ras il-muntun.+ 20 U oqtol il-muntun u ħu ftit minn demmu u poġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron u fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ wliedu u fuq is-sabaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija u s-sabaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija,+ u roxx id-demm dawramejt fuq l-artal. 21 U ħu ftit mid-demm li hemm fuq l-artal u ftit miż-żejt tad-dlik,+ u roxxhom fuq Aron u fuq ilbiesu u fuq uliedu u fuq ilbies uliedu miegħu, sabiex hu u lbiesu u wliedu u l-ilbies taʼ wliedu miegħu jkunu tabilħaqq imqaddsin.+
22 “U mill-muntun ħu x-xaħam u d-denb oħxon+ u x-xaħam li jiksi l-imsaren, u x-xaħam taʼ mal-fwied, u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u s-sieq il-leminija,+ għax hu muntun tal-ħatra;+ 23 kif ukoll ħobża tonda u ftira miblula fiż-żejt u galletta mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li qiegħda quddiem Ġeħova.+ 24 U poġġihom kollha fuq il-pali taʼ idejn Aron u fuq il-pali taʼ idejn uliedu,+ u xejjirhom ’l hemm u ’l hawn bħala offerta tat-tixjir quddiem Ġeħova.+ 25 U ħudhom minn idejhom u aħraqhom fuq l-artal fuq l-offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli quddiem Ġeħova.+ Din hi offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova.+
26 “U ħu s-sidra tal-muntun tal-ħatra,+ li hi għal Aron, u xejjirha ’l hemm u ’l hawn bħala offerta tat-tixjir quddiem Ġeħova, u ssir sehmek. 27 U qaddes is-sidra+ taʼ l-offerta tat-tixjir u s-sieq tas-sehem sagru; l-offerta li xxejret u l-offerta li ngħatat mill-offerta tal-muntun tal-ħatra,+ minn dak li kien għal Aron u minn dak li kien għal uliedu. 28 U jsiru t’Aron u taʼ wliedu b’regolament għal żmien indefinit li għandu jitwettaq minn ulied Israel, għaliex hu sehem sagru;+ u jsir sehem sagru li għandu jingħata minn ulied Israel. Hu s-sehem sagru tagħhom għal Ġeħova mis-sagrifiċċji taʼ sħubija tagħhom.+
29 “U l-ilbies qaddis+ t’Aron iservi għal uliedu+ warajh biex jilbsuh meta jkunu se jiġu midlukin+ u jilbsuh meta jingħataw is-setgħa f’idhom.+ 30 Għal sebat ijiem+ jilbsu l-qassis li jilħaq minfloku minn fost uliedu u li jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jaqdi fil-post qaddis.
31 “U int tieħu l-muntun tal-ħatra, u għalli l-laħam tiegħu f’post qaddis.+ 32 U Aron u wliedu jridu jieklu+ l-laħam tal-muntun u l-ħobż li jkun fil-qoffa fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 33 U jieklu dak kollu li bih tkun saret it-tpattija biex jingħataw is-setgħa f’idhom, sabiex iqaddishom.+ Imma ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jieklu, għaliex hu xi ħaġa qaddisa.+ 34 U jekk xi laħam mis-sagrifiċċju tal-ħatra u xi ħobż jibqaʼ żejjed sa fil-għodu, imbagħad trid taħraq bin-nar dak li jibqaʼ żejjed.+ Ma jridx jittiekel, għaliex hu xi ħaġa qaddisa.
35 “U hekk għandek tagħmlilhom lil Aron u lil uliedu skond kulma kkmandajtek.+ Tieħu sebat ijiem biex tagħtihom is-setgħa f’idhom.+ 36 U toffri kuljum il-barri taʼ l-offerta għad-dnub bi tpattija,+ u tippurifika l-artal mid-dnub billi tagħmel tpattija għalih, u tidilku+ biex tqaddsu. 37 Tieħu sebat ijiem biex tagħmel tpattija għall-artal, u trid tqaddsu+ sabiex isir tabilħaqq artal mill-iktar qaddis.+ Kulmin imiss l-artal għandu jkun qaddis.+
38 “U dan għandek toffri fuq l-artal: imtaten żgħar kull wieħed taʼ sena, tnejn kuljum il-ħin kollu.+ 39 U għandek toffri muntun żgħir wieħed fil-għodu,+ u toffri l-muntun żgħir l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam.+ 40 U parti minn kull għaxra taʼ kejl t’efa dqiq fin+ miblul fil-kwart taʼ ħinn żejt minn żebbuġ misħuq, u offerta tax-xorb+ tal-kwart taʼ ħinn inbid, ikunu għall-ewwel muntun żgħir. 41 U għandek toffri t-tieni muntun żgħir bejn inżul ix-xemx u d-dlam. B’offerta tal-qmuħ+ bħal dik taʼ fil-għodu u b’offerta tax-xorb bħal dik taʼ fil-għodu, tagħtiha bħala riħa pjaċevoli, offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova. 42 Hi offerta tal-ħruq offruta regolarment+ matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, quddiem Ġeħova, fejn se nidhrilkom biex inkellmek hemmhekk.+
43 “U nidher hemmhekk lil ulied Israel, u żgur li l-post se jitqaddes bil-glorja tiegħi.+ 44 U nqaddes it-tinda tal-laqgħa u l-artal; u nqaddes+ lil Aron u lil uliedu biex jaqdu bħala qassisin għalija. 45 U ngħammar f’nofs ulied Israel, u nkun Alla tagħhom.+ 46 U żgur li jkunu jafu li jien Ġeħova Alla tagħhom, li ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu sabiex ngħammar f’nofshom.+ Jien Ġeħova Alla tagħhom.+