Ġenesi
38 Issa sadanittant ġara li, meta niżel mingħand ħutu, Ġuda waqqaf it-tinda tiegħu ħdejn raġel Għadullami+ li kien jismu Ħira. 2 U hemmhekk Ġuda ra lil bint wieħed Kangħani+ li kien jismu Sugħa. Hu ħadha u kellu x’jaqsam magħha. 3 U hi ħarġet tqila u iktar tard wildet iben u semmietu Għer.+ 4 Reġgħet ħarġet tqila u meta għalqilha ż-żmien wildet iben u semmietu Onan. 5 Għal darb’oħra wildet iben u semmietu Selaħ. Issa Ġuda kien f’Akżib meta wildet lil Selaħ.+
6 Għadda ż-żmien u Ġuda ħa mara għal Għer, l-ewwel imwieled tiegħu, u din kien jisimha Tamar.+ 7 Imma Għer, l-ewwel imwieled taʼ Ġuda, kien ħażin f’għajnejn Ġeħova;+ għalhekk, Ġeħova ħadlu ħajtu.+ 8 Minħabba f’hekk, Ġuda qal lil Onan: “Ħa jkollok x’taqsam maʼ mart ħuk u żżewwiġha u aqdi dmirek magħha bħala ħu żewġha u qajjem nisel għal ħuk.”+ 9 Imma Onan kien jaf li n-nisel ma kienx se jkun tiegħu;+ u ġara li meta kien ikollu x’jaqsam maʼ mart ħuh kien jarmi l-isperma fl-art sabiex ma jagħtix nisel lil ħuh.+ 10 Issa dak li għamel kien ħażin f’għajnejn Ġeħova;+ għalhekk, ħadlu ħajtu wkoll.+ 11 B’hekk, Ġuda qal lil Tamar, mart ibnu: “Għammar f’dar missierek bħala armla sakemm jikber ibni Selaħ.”+ Għax qal bejnu u bejn ruħu: “Għandu mnejn li hu wkoll imut bħal ħutu.”+ U Tamar marret kif qalilha u baqgħet tgħammar f’dar missierha.+
12 U għadda ħafna żmien u bint Sugħa, mart Ġuda,+ mietet; u Ġuda żamm il-perijodu tal-vistu.+ Wara dan, telaʼ Timna+ għand dawk li jġiżżulu n-nagħaġ, hu u sieħbu Ħira, l-Għadullami.+ 13 Imbagħad lil Tamar qalulha: “Ara! Il-kunjatu tiegħek tielaʼ Timna biex iġiżż in-nagħaġ tiegħu.”+ 14 Għalhekk, neħħiet minn fuqha l-ilbies t’armla u tgħattiet b’xall u libset velu u qagħdet bil-qiegħda fid-daħla t’Għenajm, li qiegħed fit-triq li tagħti għal Timna. Għax hi rat li Selaħ kien kiber, u madankollu ma kinitx ngħatatlu b’martu.+
15 Meta lemaħha, Ġuda mill-ewwel ħasibha prostituta,+ għaliex kellha wiċċha mgħotti.+ 16 Għalhekk, dar lejha fil-ġenb tat-triq u qalilha: “Jekk jogħġbok, ħallini jkolli x’naqsam miegħek,”+ għax ma kienx jaf li kienet mart ibnu.+ Madankollu, hi qaltlu: “X’tagħtini biex ikollok x’taqsam miegħi?”+ 17 Wiġibha: “Nibgħatlek gidi mill-merħla.” Imma hi qaltlu: “Tagħtini xi ħaġa bħala garanzija sakemm tibagħtu?”+ 18 U hu kompla: “X’se nagħtik bħala garanzija?” u hi wieġbet: “Iċ-ċurkett tas-siġill+ tiegħek u l-ħabel tiegħek u l-ħatar tiegħek li għandek f’idek.” Imbagħad tahomlha u kellu x’jaqsam magħha, u hi ħarġet tqila minnu. 19 Imbagħad qamet u marret u neħħiet ix-xall minn fuqha u libset l-ilbies t’armla.+
20 U Ġuda bagħat il-gidi maʼ sieħbu l-Għadullami+ sabiex jieħu lura dak li ħalla bħala garanzija minn id il-mara, imma ma sabhiex. 21 U mar jistaqsi lill-irġiel tal-post, u qalilhom: “Fejn hi l-prostituta tat-tempju li kienet tkun f’Għenajm fil-ġenb tat-triq?” Imma baqgħu jgħidulu: “Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju+ f’dan il-post.” 22 Fl-aħħar mar lura għand Ġuda u qallu: “Ma sibthiex u, barra minn hekk, l-irġiel tal-post qaluli, ‘Qatt ma kien hawn prostituta tat-tempju f’dan il-post.’” 23 Għalhekk, Ġuda qallu: “Ħalliha żżommhom, li ma mmorrux niġu disprezzati.+ Fuq kollox, jien bgħatt dan il-gidi, imma int—int ma sibthiex.”
24 Madankollu, xi tliet xhur wara lil Ġuda qalulu: “Tamar, mart ibnek, għamlitha taʼ prostituta,+ u, ara, ħarġet tqila+ bil-prostituzzjoni tagħha.” U Ġuda wieġeb: “Oħorġuha u aħarquha.”+ 25 Huma u joħorġuha ’l barra bagħtet tgħid lill-kunjatu tagħha: “Mir-raġel li dawn huma tiegħu ħriġt tqila.”+ U żiedet: “Jekk jogħġbok, ifli+ u ara taʼ min huma dawn, iċ-ċurkett tas-siġill, il-ħabel, u l-ħatar.”+ 26 U Ġuda fliehom u qal:+ “Hi iktar ġusta minni,+ għax ma tajthiex lil ibni Selaħ.”+ U wara dan ma reġax kellu x’jaqsam magħha.+
27 Issa ġara li, x’ħin kienet qed tiled, ara, kien hemm tewmin f’żaqqha. 28 U waqt li kienet qed tiled wieħed minnhom ħareġ idu, u l-majjistra fil-pront qabdet ħajta lewn l-iskarlat u rabtithielu maʼ idu, u qalet: “Dan ħareġ l-ewwel.” 29 Fl-aħħar ġara li, malli ġibed idu lura ħareġ ħuh, u hi qalet: “Xi trid tgħid biha din it-tiċrita li għamilt lil ommok biex toħroġ?” Għalhekk, semmewh Pereż.*+ 30 U wara ħareġ ħuh li maʼ idu kellu l-ħajta lewn l-iskarlat u semmewh Żeraħ.*+