Ġeremija
8 “F’dak iż-żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “in-nies jaqilgħu l-għadam tas-slaten taʼ Ġuda u l-għadam tal-prinċpijiet tagħha u l-għadam tal-qassisin u l-għadam tal-profeti u l-għadam tan-nies taʼ Ġerusalemm mill-oqbra tagħhom.+ 2 U jifirxuh taħt ix-xemx u l-qamar u l-armata kollha tas-smewwiet li huma ħabbew u qdew u mxew warajhom,+ u li daru lejhom u mielu quddiemhom.+ La jinġabar u lanqas jindifen, imma jsir bħal demel fuq wiċċ l-art.”+
3 “U dawk kollha li jibqgħu ħajjin mill-fdal taʼ din il-familja ħażina se jippreferu l-mewt iktar mill-ħajja,+ kulfejn ikunu qed jgħammru, kulfejn inkun xerridthom,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati.
4 “U għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova: “Jekk jaqgħu ma jerġgħux iqumu?+ Jekk idur lura wieħed, ma jdurx lura l-ieħor ukoll?+ 5 Għala ma jurix fedeltà dan il-poplu taʼ Ġerusalemm, u jibqaʼ sejjer hekk? Iggranfaw mal-qerq+ u ma jridux iduru lura.+ 6 Jien qgħadt attent+ u qgħadt nismaʼ.+ Huma ma kinux qed jitkellmu sewwa. Ma kienx hemm bniedem wieħed li nidem minn ħżunitu+ u qal, ‘X’għamilt?’ Kulħadd qed jerġaʼ lura lejn it-triq l-iktar popolari,+ bħal żiemel li jitlaq jiġri għall-battalja. 7 Anki ċ-ċikonja fis-smewwiet taf meta jkun żmienha;+ il-gamiema,+ ir-rundun, u l-bulbul iħarsu ż-żmien meta għandhom jiġu. Imma l-poplu tiegħi m’għarafx iż-żmien tal-ġudizzju taʼ Ġeħova.”’+
8 “‘Kif tistgħu tgħidu: “Aħna għorrief, u l-liġi taʼ Ġeħova hi magħna”?+ Ara, issa m’hemmx dubju li l-pinna giddieba+ tas-segretarji ħadmet bil-qerq. 9 L-għorrief stħaw.+ Twerwru u se jinqabdu. Ara! Huma ċaħdu kelmet Ġeħova, u issa x’għerf għandhom?+ 10 Għalhekk, nagħti n-nisa tagħhom lil irġiel oħrajn, u l-għelieqi tagħhom lil dawk li jaħtfuhom taħt idejhom;+ għax ilkoll kemm huma, mill-iżgħar sa l-akbar wieħed, qed jagħmlu qligħ inġust;+ mill-profeta sal-qassis, ilkoll qed jaġixxu bil-qerq.+ 11 U huma jipprovaw ifejqu ħafif ħafif lil bint il-poplu tiegħi mill-ġerħa tagħha,+ billi jgħidu: “Hemm il-paċi! Hemm il-paċi!” meta m’hemm l-ebda paċi.+ 12 Stħaw huma għax għamlu dak li kien mistkerrah?+ L-ewwelnett, huma assolutament ma jistħu minn xejn; u iżjed minn hekk, lanqas biss tgħallmu kif iħossuhom umiljati.+
“‘Għaldaqstant, huma għad jaqgħu fost dawk li qed jaqgħu. Jitfixklu meta jasal iż-żmien li nikkastigahom,’+ qal Ġeħova.+
13 “‘Meta niġborhom, neqridhom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ ‘Ma jkunx hemm għeneb fid-dielja,+ u lanqas tin fit-tina, u l-weraq jidbiel. U l-affarijiet li nagħtihom jgħaddu għand ħaddieħor.’”
14 “Aħna għala qegħdin bil-qiegħda ma nagħmlu xejn? Ejjew ninġabru u nidħlu fil-bliet fortifikati+ ħa mmutu hemmhekk. Għax Ġeħova Alla tagħna kkundannana għall-qerda,+ u jagħtina ilma vvelenat x’nixorbu,+ peress li aħna dnibna kontra Ġeħova. 15 Ittamajna għall-paċi, imma ma ġie xejn tajjeb;+ għal żmien taʼ fejqan, imma ara, biżaʼ kbir ġie!+ 16 Iż-żwiemel tiegħu nstemgħu jonfħu minn Dan.+ Għall-ħoss taż-żwiemel tiegħu jiżhru, il-pajjiż kollu beda jitriegħed.+ U huma jiġu u jibilgħu l-pajjiż b’kulma fih, il-belt u lil min jgħammar fiha.”
17 “Għax, ara, qed nibgħat fostkom sriep, sriep velenużi,+ li m’hemmx seħer għalihom,+ u jigdmukom,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.
18 Fuqi ġie niket li m’hemmx fejqan għalih.+ Qalbi marida. 19 Tinstemaʼ l-għajta għall-għajnuna taʼ bint il-poplu tiegħi minn pajjiż ’il bogħod:+ “Mhux f’Sijon qiegħed Ġeħova?+ Mhux fiha s-sultan tagħha?”+
“Għalfejn offendewni bix-xbihat minquxin tagħhom, bl-allat barranin u fiergħa tagħhom?”+
20 “Il-ħsad għadda, is-sajf spiċċa; imma aħna ma ġejniex salvati!”+
21 Inħossni mkisser+ minħabba l-ġerħa taʼ bint il-poplu tiegħi.+ Qabadni swied taʼ qalb. Bqajt miblugħ.+ 22 Jaqaw m’hemmx balzmu f’Gilegħad?+ Jew m’hemm ħadd min ifejjaq hemmhekk?+ Mela, għala ma rkupratx+ bint il-poplu tiegħi?+