Ġenesi
24 Issa Abraham kien xiħ, imdaħħal fiż-żmien; u Ġeħova kien bierku f’kollox.+ 2 Għaldaqstant, Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ wieħed f’daru, li kien qed jiħodlu ħsieb kulma kellu:+ “Jekk jogħġbok, qiegħed idek taħt koxxti,+ 3 għax irrid inġiegħlek taħlef b’Ġeħova,+ l-Alla tas-smewwiet u l-Alla taʼ l-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin li qed ngħammar f’nofshom,+ 4 imma tmur f’pajjiżi u għand qrabati,+ u tieħu mara għal ibni, għal Iżakk.”
5 Madankollu, il-qaddej qallu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi f’din l-art? Tridni nieħu lil ibnek lura lejn l-art li minnha int ħriġt?”+ 6 U Abraham wieġbu: “Oqgħod attent li ma tiħux lura lil ibni hemmhekk.+ 7 Ġeħova, l-Alla tas-smewwiet, li ħariġni minn dar missieri u minn art qrabati+ u li kellimni u ħalifli,+ billi qalli: ‘Lil nislek+ se nagħtiha din l-art,’+ se jibgħat l-anġlu tiegħu qablek,+ u int tieħu mara għal ibni minn hemmhekk.+ 8 Imma jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun maħlul minn din il-ħalfa li għamiltli.+ Biss ma tridx tieħu lura lil ibni hemmhekk.” 9 U l-qaddej qiegħed idu taħt il-koxxa taʼ sidu Abraham u ħaliflu fuq din il-kwistjoni.+
10 Għalhekk, il-qaddej ħa għaxar iġmla mill-iġmla taʼ sidu u telaq u ħa wkoll kull xorta t’għotjiet mingħand sidu f’idejh.+ Imbagħad qam u telaq lejn il-Mesopotamja, lejn il-belt taʼ Naħor. 11 U wasal ħdejn bir ’il barra mill-belt u waqaf biex l-iġmla jistrieħu għall-ħabta taʼ fil-għaxija,+ il-ħin meta n-nisa kienu mdorrijin joħorġu jimlew l-ilma.+ 12 U hu qal: “Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham,+ jekk jogħġbok, agħmel li jseħħ dan quddiemi llum u wettaq qalb tajba bl-imħabba+ maʼ sidi Abraham.+ 13 Hawn jien qiegħed ħdejn għajn taʼ l-ilma, u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma.+ 14 Dak li jrid iseħħ hu li ż-żagħżugħa li ngħidilha, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-ġarra taʼ l-ilma biex nixrob,’ u li tgħidli, ‘Ixrob int, u jien nisqi wkoll lill-iġmla tiegħek,’ tkun hi dik li int għażilt għall-qaddej tiegħek,+ għal Iżakk; u b’dan inkun naf li int urejt imħabba leali maʼ sidi.”+
15 U ġara li, qabel ma spiċċa jitkellem,+ ara, ħarġet Rebekka, li kienet twieldet lil Betwel,+ bin Milka,+ mart Naħor,+ ħu Abraham, u fuq spallitha+ kellha ġarra taʼ l-ilma. 16 U ż-żagħżugħa kienet sabiħa ferm fl-għajn,+ verġni, u ebda raġel ma kellu x’jaqsam magħha;+ u niżlet lejn l-għajn u bdiet timla l-ġarra taʼ l-ilma tagħha u mbagħad telgħet. 17 Fil-pront, il-qaddej mar jiġri biex jiltaqaʼ magħha u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-ġarra tiegħek.”+ 18 Qaltlu: “Ixrob, sidi.” U malajr niżżlet il-ġarra tagħha fuq idha u tatu jixrob.+ 19 Meta ma riedx jixrob iktar, qaltlu: “Ħa nimla l-ilma għall-iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.”+ 20 Għalhekk, hi malajr battlet il-ġarra tagħha fil-ħawt taʼ l-ilma u ġriet kemm-il darba lejn il-bir biex timla l-ilma,+ u baqgħet timla għall-iġmla kollha tiegħu. 21 Sadanittant, ir-raġel baqaʼ jiċċassa lejha mistagħġeb u baqaʼ sieket ħalli jara jekk Ġeħova kienx għenu biex ikollu vjaġġ tajjeb jew le.+
22 U ġara li, meta l-iġmla kienu xorbu, ir-raġel ħareġ ħolqa tad-deheb għal imneħirha+ tiżen nofs xekel u żewġ brazzuletti+ għal idejha, li kienu jiżnu għaxar xwiekel deheb, 23 u ssokta jgħidilha: “Bint min int? Għidli, jekk jogħġbok. Hemm wisaʼ għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-lejl?”+ 24 U hi wiġbitu: “Jien bint Betwel,+ bin Milka, li wilditu lil Naħor.”+ 25 U ssoktat tgħidlu: “Għandna kemm it-tiben u kemm l-għalf, kif ukoll post biex tqattgħu l-lejl.”+ 26 U r-raġel miel u nxteħet fl-art quddiem Ġeħova+ 27 u qal: “Imbierek Ġeħova,+ l-Alla taʼ sidi Abraham, li ma warrabx il-qalb tajba bl-imħabba u l-fedeltà tiegħu minn maʼ sidi. Jien u sejjer fi triqti, Ġeħova mexxieni lejn id-dar taʼ ħut sidi.”+
28 U ż-żagħżugħa marret tiġri biex tgħid b’dan lil dawk taʼ dar ommha. 29 Issa Rebekka kellha ħuha jismu Laban.+ U Laban mar jiġri lejn ir-raġel li kien barra ħdejn l-għajn. 30 U malli ra l-ħolqa fi mnieħer oħtu u l-brazzuletti+ f’idejha u semaʼ kliem oħtu Rebekka, tgħid: “Hekk kellimni r-raġel,” hu mar ħdejn ir-raġel u sabu wieqaf maġenb l-iġmla ħdejn l-għajn. 31 Minnufih qallu: “Ejja, imbierek minn Ġeħova.+ Għala se tibqaʼ wieqaf hemm barra, meta jien lestejt id-dar u post għall-iġmla?” 32 U r-raġel daħal id-dar, u Laban neħħa x-xedd minn fuq l-iġmla u ta t-tiben u l-għalf lill-iġmla u tah l-ilma biex jaħsel riġlejh u riġlejn l-irġiel li kienu miegħu.+ 33 Imbagħad poġġewlu quddiemu xi ħaġa x’jiekol, imma hu qal: “Ma nikolx qabel ma ngħid dak li għandi ngħid.” U l-ieħor qallu: “Tkellem!”+
34 U hu ssokta jgħidlu: “Jien il-qaddej t’Abraham.+ 35 Ġeħova bierek ħafna lil sidi billi qed ikompli jkabbru u jagħtih nagħaġ, baqar, fidda, deheb, qaddejja rġiel u nisa, iġmla, u ħmir.+ 36 Barra minn hekk, Sara, mart sidi wildet iben lil sidi fi xjuħitha;+ u hu se jagħtih kulma għandu.+ 37 Għalhekk, sidi ġegħelni naħlef billi qalli, ‘Tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin li qed ngħammar f’arthom.+ 38 Le, imma mur f’dar missieri u għand il-familja tiegħi+ u ħu mara għal ibni.’+ 39 Imma jien għedt lil sidi, ‘X’jiġri jekk il-mara ma tiġix miegħi?’+ 40 Imbagħad qalli, ‘Ġeħova, li jien imxejt quddiemu,+ jibgħat l-anġlu tiegħu+ miegħek u żgur li jagħtik li tirnexxi fi triqtek;+ u trid tieħu mara għal ibni mill-familja tiegħi u minn dar missieri.+ 41 Imbagħad, meta tasal għand il-familja tiegħi, int tinħeles mill-obbligu b’ħalfa li għandek lejja, u jekk ma jagħtuhilekx, tinħall mill-obbligu b’ħalfa li għandek lejja.’+
42 “Meta llum wasalt ħdejn l-għajn, għedt, ‘Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham, jekk int tassew se tagħtini li nirnexxi fit-triq li qbadt,+ 43 hawn jien qiegħed ħdejn għajn taʼ l-ilma. Dak li jrid iseħħ hu li t-tfajla+ li toħroġ timla l-ilma u li fil-fatt ngħidilha, “Jekk jogħġbok, ħa nixrob naqra ilma mill-ġarra tiegħek,” 44 u li tgħidli: “Ixrob int, u jien se nimla l-ilma wkoll għall-iġmla tiegħek,” din tkun il-mara li Ġeħova għażel għal bin sidi.’+
45 “Qabel ma lħaqt spiċċajt nitkellem+ f’qalbi,+ ara, ħarġet Rebekka bil-ġarra tagħha fuq spallitha; u niżlet lejn l-għajn u bdiet timla l-ilma.+ Imbagħad għedtilha, ‘Jekk jogħġbok, agħtini nixrob.’+ 46 U hi malajr niżżlet il-ġarra tagħha minn fuqha u qalet, ‘Ixrob,+ u jien nisqi wkoll lill-iġmla tiegħek.’ Imbagħad xrobt, u hi sqiet ukoll lill-iġmla. 47 Imbagħad staqsejtha u għedtilha, ‘Bint min int?’+ u hi qaltli, ‘Bint Betwel, bin Naħor, li wilditlu Milka.’ Għalhekk, libbistha l-ħolqa taʼ l-imnieħer fi mnifsejha u l-brazzuletti f’idejha.+ 48 U milt u nxtħett fl-art quddiem Ġeħova u berikt lil Ġeħova, l-Alla taʼ sidi Abraham,+ li kien mexxieni fit-triq it-tajba+ biex nieħu lil bint il-qarib taʼ sidi għal ibnu. 49 U issa jekk intom fil-fatt qed turu qalb tajba bl-imħabba maʼ sidi u fiduċja sħiħa fih,+ għiduli; imma jekk le, għiduli, sabiex indur lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.”+
50 Imbagħad Laban u Betwel wieġbu u qalu: “Minn Ġeħova ġejja din il-ħaġa.+ Aħna ma nistgħu ngħidulek la ħażin u lanqas tajjeb.+ 51 Hawn hi Rebekka quddiemek. Ħudha u mur, u ħa ssir mart bin sidek, bħalma qal Ġeħova.”+ 52 U ġara li, meta l-qaddej t’Abraham semaʼ kliemhom, hu mill-ewwel inxteħet fl-art quddiem Ġeħova.+ 53 U l-qaddej ħareġ oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb u lbiesi u tahom lil Rebekka; u hu ta affarijiet mill-aqwa lil ħuha u lil ommha.+ 54 Imbagħad kielu u xorbu, hu u l-irġiel li kienu miegħu, u qattgħu l-lejl hemmhekk u qamu fil-għodu.
Imbagħad qal: “Ibagħtuni għand sidi.”+ 55 Ħuha u ommha wiġbuh: “Ħa tibqaʼ magħna għall-inqas għaxart ijiem iż-żagħżugħa. Imbagħad tkun tistaʼ tmur.” 56 Imma hu qalilhom: “Iżżommunix hawnhekk, ladarba rajtu li Ġeħova tani li nirnexxi fi triqti.+ Ibagħtuni, biex immur għand sidi.”+ 57 Għalhekk, qalulu: “Ejja nsejħu liż-żagħżugħa u naraw x’tgħid.”+ 58 Imbagħad sejħu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur maʼ dan ir-raġel?” U hi qalet: “Irrid immur.”+
59 U mbagħad bagħtu lil oħthom Rebekka+ u lil dik li darba kienet treddagħha+ u lill-qaddej t’Abraham u lill-irġiel tiegħu. 60 U bdew ibierku lil Rebekka u jgħidulha: “Int, oħtna, jalla ssir eluf għal għaxart elef darba, u nislek ħa jieħu f’idejh bieb* dawk li jobogħduh.”+ 61 Wara dan, Rebekka u l-qaddejja nisa tagħha+ qamu u rikbu fuq l-iġmla+ u marru wara r-raġel; u l-qaddej ħa lil Rebekka u telaq.
62 Issa Iżakk kien ġie mit-triq li tagħti għal Bir-laħaj-roj,+ għax kien qed jgħammar fl-art tan-Negeb.+ 63 U Iżakk kien barra jippassiġġa sabiex jimmedita+ fl-għalqa għall-ħabta taʼ fil-għaxija. Meta refaʼ għajnejh u ħares, ara, kienu ġejjin l-iġmla! 64 Hekk kif Rebekka refgħet għajnejha, lemħet lil Iżakk u niżlet minn fuq il-ġemel. 65 U qalet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel miexi hemmhekk fl-għalqa u ġej jiltaqaʼ magħna?” u l-qaddej qalilha: “Dak sidi.” U hi qabdet velu u tgħattiet bih.+ 66 U l-qaddej irrakkonta lil Iżakk kulma kien għamel. 67 Imbagħad Iżakk daħħalha fit-tinda t’ommu Sara.+ B’hekk, hu ħa lil Rebekka u hi saret martu;+ u sar iħobbha,+ u Iżakk sab il-faraġ wara li tilef lil ommu.+